Drittijiet tal-passiġġieri fuq bastiment
Drittijiet f'każ ta' dewmien u kanċellazzjoni
Ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fuq bastiment normalment japplikaw meta tivvjaġġa fuq il-biċċa l-kbira tal-laneċ u l-bastimenti tal-kruċiera bil-baħar jew fuq passaġġi tal-ilma interni (xmajjar, lagi jew kanali) u jekk int:
- tbaħħar minn port tal-UE
- tbaħħar lejn port tal-UE minn port barra l-UE, jekk is-servizz ikun operat minn kumpanija tat-trasport tal-UE
- tbaħħar minn port tal-UE fuq kruċiera tad-divertiment/rikreattiva jekk l-akkomodazzjoni tkun offruta flimkien ma' faċilitajiet oħra, b'aktar minn 2 iljieli abbord.
Dawn ir-regoli ma jgħoddux:
- għal bastimenti li jistgħu jġorru sa 12-il passiġġier
- għal bastimenti li ma għandhomx aktar minn 3 membri tal-ekwipaġġ
- għal bastimenti li jkopru distanza ta' anqas minn 500 metru – f'direzzjoni waħda
- għall-biċċa l-kbira tal-bastimenti storiċi
- għal bastimenti tal-eskursjonijiet u taż-żjarat turistiċi, jekk ma jkollhomx faċilitajiet ta' akkomodazzjoni jew jekk il-passiġġieri ma jorqdux abbord għal aktar minn żewġt iljieli.
Matul il-vjaġġ, l-operatur għandu jipprovdi informazzjoni ċara u korretta dwar is-servizz u d-drittijiet tal-passiġġier, inklużi l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall- persuni b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli f'format aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà.
Drittijiet f'każ ta' inċidenti fuq il-baħar
Ir-regoli tal-UE jkopru wkoll lilek, il-luggage tiegħek, il-vettura tiegħek u jekk rilevanti, it-tagħmir ta' mobbiltà tiegħek f'każ ta' inċident fuq il-baħar. Dawn ir-regoli jistabbilixxu wkoll l-obbligazzjonijiet tat-trasportaturi f'dan ir-rigward. Dawn ir-regoli jistgħu japplikaw għall-vjaġġi bil-baħar domestiċi kif ukoll għall-vjaġġi internazzjonali kollha fejn:
- il-bastiment hu rreġistrat f'pajjiż tal-UE
- il-kuntratt għall-vjaġġ ġie konkluż f'pajjiż tal-UE
- il-bastiment jitlaq u/jew jasal f'port tal-UE
Qabel ma tivvjaġġa, it-trasportatur irid jipprovdilek informazzjoni ċara u xierqa dwar drittijietek jekk tixtri l-biljett tiegħek f'pajjiż tal-UE jew mhux aktar tard minn meta titlaq minn pajjiż li mhux fl-UE.
X'mar ħażin?
- Il-qsim tal-bastiment tiegħek ġie kkanċellat
- Il-qsim tal-bastiment tiegħek kellu dewmien fit-tluq
- Il-bastiment tiegħek wasal b'dewmien
- Il-luggage tiegħek intilef, ittardja jew ġratlu l-ħsara waqt vjaġġ fuq il-baħar
- Korrejt f'inċident fuq il-baħar
- Int id-dipendenti ta' vittma ta' inċident fatali fuq il-baħar
Kif tista' titlob id-drittijiet tiegħek?
Il-qsim tal-bastiment tiegħek ġie kkanċellat
Jekk il-lanċa jew il-kruċiera li tkun ibbukkjajt fuqha tiġi ttardjata jew ikkanċellata, it-trasportatur jew il-korp li jmexxi t-terminal għandu jinformak dwar il-ħinijiet stmati l-ġodda tat-tluq u tal-wasla fi żmien 30 minuta mill-ħin tat-tluq oriġinarjament skedat. Iridu jipprovdu wkoll informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tiegħek.
Jekk is-servizz ikun ikkanċellat, it-trasportatur għandu joffrilek għażla bejn:
- rimborż għall-biljett u, fejn ikun il-każ, vjaġġ b'xejn lura lejn il-punt tat-tluq tal-bidu nett tas-servizz – pereżempju, jekk id-dewmien ma jħallikx tissodisfa l-għan tal-vjaġġ tiegħek
jew
- bdil tar-rotta b'kundizzjonijiet simili sad-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità bla ebda spejjeż żejda
Jekk titlef servizz ta' trasport ta' konnessjoni minħabba kanċellazzjoni, it-trasportatur għandu jagħmel kull sforz biex jinformak dwar konnessjonijiet alternattivi.
Inti intitolat ukoll għall-assistenza fil-forma ta':
- snacks, ikel jew xorb, skont il-ħin ta' stennija, sakemm ikunu disponibbli jew jistgħu jiġu fornuti b'mod raġonevoli fuq il-bastiment jew fit-terminal
- akkomodazzjoni jekk ikollok tgħaddi llejl hemm – sa tlitt iljieli, b'rata massima ta' €80 kull lejl – u trasport lejn l-akkomodazzjoni u ritorn għat-terminal
M'intix intitolat għal akkomodazzjoni jekk il-kanċellazzjoni kienet ikkawżata minn kundizzjonijiet tat-temp severi.
Il-qsim tal-bastiment tiegħek kellu dewmien fit-tluq
Jekk il-lanċa jew il-kruċiera li tkun ibbukkjajt fuqha tiġi ttardjata jew ikkanċellata, it-trasportatur jew il-korp li jmexxi t-terminal għandu jinformak dwar il-ħinijiet stmati l-ġodda tat-tluq u tal-wasla fi żmien 30 minuta mill-ħin tat-tluq oriġinarjament skedat. Iridu jipprovdu wkoll informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tiegħek.
Jekk is-servizz jiddawwar għal aktar minn 90 minuta, tingħata għażla bejn:
- rimborż għall-biljett u, fejn ikun il-każ, vjaġġ b'xejn lura lejn il-punt tat-tluq tal-bidu nett tas-servizz – pereżempju, jekk id-dewmien ma jħallikx tissodisfa l-għan tal-vjaġġ tiegħek
jew
- bdil tar-rotta b'kundizzjonijiet simili sad-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità bla ebda spejjeż żejda
Inti intitolat ukoll għall-assistenza fil-forma ta':
- snacks, ikel jew xorb, skont il-ħin ta' stennija, sakemm ikunu disponibbli jew jistgħu jiġu fornuti b'mod raġonevoli fuq il-bastiment jew fit-terminal
- akkomodazzjoni - jekk ikollok tgħaddi llejl hemm (sa tlitt iljieli, b'rata massima ta' €80 kull lejl) - u trasport lejn l-akkomodazzjoni u ritorn għat-terminal
M'intix intitolat għal akkomodazzjoni jekk il-kanċellazzjoni kienet ikkawżata minn kundizzjonijiet tat-temp severi.
Il-bastiment tiegħek wasal b'dewmien
Jekk hemm dewmien ta' aktar minn siegħa fil-wasla tiegħek fid-destinazzjoni, tkun intitolat għal kumpens. L-ammont li tirċievi jiddependi fuq it-tul tad-dewmien - il-livell minimu ta' kumpens hu 25% sa massimu ta' 50% tal-prezz tal-biljett.
Twissija
M'intix intitolat għal kumpens jekk id-dewmien kien ikkawżat minn kundizzjonijiet tat-temp severi jew minn ċirkostanzi straordinarji, bħal diżastri naturali (nirien jew terremoti) jew theddid għas-sigurtà.
Il-luggage tiegħek intilef, ittardja jew ġratlu l-ħsara f'inċident fuq il-baħar
Jekk il-luggage u/jew il-vettura tiegħek jintilfu, jaslu tard jew issirilhom il-ħsara minħabba inċident tat-tbaħħir, għandek id-dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur sa madwar €2,700 għall-luggage tal-kabina u €15,500 għall-vettura tiegħek – dan ikopri kwalunkwe luggage fil-vettura. M'intix intitolat għal kumpens jekk it-trasportatur jista' juri li ma kellux tort. Għat-telf jew ħsara lil oġġetti oħra ta' valur (pereżempju flus, ġojjellerija, xogħlijiet ta' arti, eċċ.) inti għandek dritt għal kumpens ta' madwar €4,100 bil-kundizzjoni li tpoġġihom mat-trasportatur biex jinżammu fis-sigurtà.
Jekk il-wheelchair jew xi apparat ieħor ta' għajnuna għall-mobbiltà ssirlu l-ħsara jew jintilef, int intitolat għal kumpens biex tkopri l-ispiża tas-sostituzzjoni jew tat-tiswija tiegħu.
Twissija
Regoli speċjali japplikaw għat-telf ta', jew ħsara lil flus, titoli negozjabbli, deheb, oġġetti tal-fidda, ġojjelli, ornamenti, xogħlijiet tal-arti, jew oġġetti oħra ta' valur.
Korrejt f'inċident fuq il-baħar
Jekk tkorri f'inċident fuq il-baħar, tkun intitolat għal kumpens ta' madwar €300,000 mingħand it-trasportatur jew mingħand l-assiguratur tiegħu. F'każijiet fejn it-telf jew il-ħsara jaqbżu dan l-ammont, il-kumpens jista' jiżdied għal limitu massimu ta' madwar €490,000. Għandek ukoll id-dritt għal ħlas bil-quddiem, fi proporzjon mad-danni sofferti, biex tkopri kull ħtieġa immedjata jekk il-korriment tiegħek kien ikkawżat minn nawfraġju, qlib, ħabta, inkaljar tal-bastiment, splużjoni jew nar fuq il-bastiment, jew difett fil-bastiment.
Twissija
M'intix intitolat għal kumpens jekk it-trasportatur jista' jipprova li l-inċident kien ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji, bħal diżastri naturali jew theddid għas-sigurtà, lil hinn mill-kontroll tiegħu.
Int dipendenti ta' vittma ta' inċident fatali fuq il-baħar
Jekk int dipendenti ta' vittma ta' inċident fatali fuq il-baħar, għandek id-dritt għal kumpens ta' madwar €300,000 mingħand it-trasportatur jew mingħand l-assiguratur tiegħu. F'xi każijiet, il-kumpens jista' jiżdied għal limitu massimu ta' madwar €490,000. Għandek ukoll id-dritt għal pagament bil-quddiem ta' mhux anqas minn €21,000 biex ikopru kwalunkwe ħtieġa immedjata jekk il-mewt tal-vittma kienet ikkawżat minn nawfraġju, qlib, ħabta, inkaljar tal-bastiment, splużjoni jew nar fuq il-bastiment, jew difett fil-bastiment.
Twissija
M'intix intitolat għal kumpens jekk it-trasportatur jista' jipprova li l-inċident kien ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji, bħal diżastri naturali jew theddid għas-sigurtà, lil hinn mill-kontroll tiegħu.
Talbiet relatati ma' dewmien u kanċellazzjonijiet
Jekk taħseb li d-drittijiet tiegħek ma ġewx rispettati, għandek tressaq ilment lit-trasportatur fi żmien xahrejn mis-servizz skedat li matulu seħħet il-problema. It-trasportatur għandu jirreaġixxi fi żmien xahar u jagħtik tweġiba finali mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun wasallu l-ilment. Jekk ma tkunx sodisfatt bit-tweġiba, tista' tressaq ilment mal-awtoritajiet nazzjonali en rilevanti f'pajjiżek. L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdilek opinjoni legali mhux vinkolanti dwar kif tipproċedi bit-talba tiegħek.
Tista' wkoll tipprova ssolvi t-tilwima tiegħek billi tuża l-proċeduri barra mill-qorti ta' entità għal Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR). Jekk xtrajt il-biljett tiegħek online, tista' tissottometti l-ilment tiegħek permezz tal- pjattaforma ta' Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR). L-ADRs u l-ODRs huma miftuħin biss għar-residenti tal-UE.
Tista' tagħżel li tieħu azzjoni legali formali u tissottometti talba għal kumpens skont ir-regoli tal-UE billi tuża l- proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Tista' wkoll tressaq il-kwistjoni quddiem il-qrati fil-pajjiżi fejn hu rreġistrat it-trasportatur. Il-limiti ta' żmien biex tressaq azzjoni kontra t-trasportatur quddiem qorti nazzjonali huma definiti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-limitazzjoni ta' azzjonijiet f'kull pajjiż tal-UE.
Tista' tikkonsulta wkoll liċ- Ċentru Ewropew tal-Konsumatur lokali tiegħek għal għajnuna jew parir dwar problemi relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri tal-bastimenti.
Talbiet relatati ma' inċidenti fuq il-baħar
Telf jew ħsara lill-luggage u lill-vetturi
Jekk il-luggage tal-kabina u/jew il-vettura tiegħek jintilfu jew tiġrilhom ħsara minħabba inċident tat-tbaħħir, għandek tinforma lit-trasportatur jew lill-aġent tiegħu bil-miktub. Idealment, għandek tagħmel dan qabel ma tħalli l-bastiment, jew meta l-luggage tiegħek jiġi eventwalment ikkonsenjat. L-aktar tard li tista' tinforma lit-trasportatur hu 15-il jum mill-iżbark minn fuq il-bastiment jew minn meta jasal il-luggage tiegħek inkella titlef id-dritt tiegħek għall-kumpens.
Trid tressaq it-talba tiegħek quddiem il-qrati fi żmien sentejn mid-data tal-iżbark jew sentejn mid-data meta jkun messu seħħ l-iżbark - skont liema data tkun l-aktar tard.
Tista' tressaq talba għal kumpens għal kwalunkwe telfa jew ħsara kkawżata minħabba inċident fuq il-baħar quddiem qorti fil-pajjiż:
- fejn it-trasportatur ikollu s-sede ewlenija jew ir-residenza permanenti tiegħu, jew
- tal-post tat-tluq jew tal-wasla tiegħek, jew
- fejn tkun toqgħod b'mod permanenti, jekk it-trasportatur ikollu sede hemmhekk u jkun suġġett għall-ġuriżdizzjoni ta' dak il-pajjiż, jew
- fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt tal-vjaġġ, jekk it-trasportatur ikollu sede hemmhekk u jkun suġġett għall-ġuriżdizzjoni ta' dak il-pajjiż