Id-drittijiet tal-vjaġġaturi b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa
Jekk għandek diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa, għandek id-dritt għall-ivvjaġġar bl-ajru, bil-ferrovija, bix-xarabank, bil-kowċ jew fuq bastiment bħal ħaddieħor. Meta tixtri l-biljett tiegħek, il-bejjiegħ tal-biljetti għandu jagħtik informazzjoni dwar il-vjaġġ tiegħek f’format li huwa aċċessibbli għalik kif ukoll informazzjoni dwar il-faċilitajiet speċifiċi disponibbli għalik abbord l-inġenju tal-ajru, il-ferrovija, ix-xarabank, il-kowċ jew il-bastiment.
Għall-mezzi kollha tat-trasport, għandek id-dritt għal assistenza bla ħlas fit-terminals u abbord il-vetturi. Ma tistax tiġi rifjutat trasport minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tiegħek ħlief għal raġunijiet ġustifikati abbażi tas-sikurezza jew tad-disinn tal-vettura jew l-infrastruttura.
X'inhi s-sitwazzjoni tiegħek?
- Qed tivvjaġġa bl-ajruplan
- Qed tivvjaġġa bil-ferrovija
- Qed tivvjaġġa bix-xarabank jew bil-kowċ
- Qed tivvjaġġa fuq bastiment
Qed tivvjaġġa bl-ajruplan
Assistenza
Meta tivvjaġġa bl-ajruplan, għandek id-dritt għal assistenza, bla ħlas. Din tista' tinkludi:
- assistenza bil-bagalji tiegħek
- biex titla’ u tinżel mill-ajruplan
- matul it-titjira u fl-ajruporti qabel u wara t-titjira tiegħek
- servizzi fuq l-art jekk qed tivvjaġġa b’kelb tal-assistenza
Jekk qed tivvjaġġa akkumpanjat għat-tul kollu tal-vjaġġ tiegħek, il-linja tal-ajru u l-istaff tal-linja tal-ajru għandhom jiffaċilitaw kwalunkwe assistenza li int teħtieġ li din il-persuna tipprovdilek. Barra minn hekk, kull meta jkun possibbli, il-linja tal-ajru għandha tpoġġi lil din il-persuna ħdejk fuq l-ajruplan.
Biex tingħata l-aħjar assistenza possibbli, agħmel kuntatt mal-linja tal-ajru, mal-bejjiegħ tal-biljetti jew mal-organizzatur turistiku mill-inqas 48 siegħa qabel il-vjaġġ u spjega x'tipi ta' assistenza teħtieġ u jekk intix se tivvjaġġa akkumpanjat. Għandek tinfurmahom ukoll jekk intix se tivvjaġġa b’kelb ta’ assistenza. Dawn jagħtu wkoll pariri dwar is-siġġu tar-roti jew l-apparat tal-mobbiltà tiegħek u, meta japplika, il-batteriji tiegħu.
Il-linji tal-ajru mhumiex obbligati jipprovdulek għajnuna biex tiekol jew biex tieħu l-mediċini waqt it-titjira. Jekk ikollok bżonn għajnuna ta' dan it-tip, ngħidu aħna waqt titjira twila, il-linji tal-ajru jistgħu jitolbu li tkun akkumpanjat minn persuna oħra.
Twissija
Ma tistax tiġi miċħud l-imbark minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tiegħek, ħlief jekk l-inġenju tal-ajru jkun fiżikament żgħir wisq, ikun hemm tħassib dwar is-sigurtà, jew regoli ta’ sikurezza jipprevjenu lil-linja tal-ajru milli tittrasportak.
Teħtieġ aktar għajnuna?
Jekk qed ikollok problemi biex tikseb assistenza waqt li tkun qed tivvjaġġa bl-ajruplan, jew jekk l-apparat tal-mobbiltà tiegħek intilef jew inqered, għandek tinforma lill-awtoritajiet tal-ajruport jew lil-linja tal-ajru involuta. Jekk ma tkunx sodisfatt bit-tweġiba li jagħtuk, tista' tikkuntattja lill-korp nazzjonali responsabbli mill-infurzar en fil-pajjiż fejn ikun seħħ l-inċident.
Id-drittijiet l-oħra tiegħek tal-passiġġieri tal-ajru fl-UE
Iċċekkja l-għodda interattiva tagħna fuq il-paġna tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru tal-UE, għal aktar informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek u kif titlobhom jekk tiġi rifjutat l-imbark, jew jekk it-titjira tiġi kkanċellata jew tittardja.
Qed tivvjaġġa bil-ferrovija
Assistenza
Meta tivvjaġġa bil-ferrovija, għandek id-dritt għall-assistenza, bla ħlas.
L-assistenza tkopri l-għajnuna:
- biex titla’ u tinżel mill-ferrovija / tittrasferixxi għal servizz ferrovjarju ta’ konnessjoni (li għalih għandek biljett)
- abbord (inkluż l-aċċess għal servizzi abbord) u fl-istazzjon qabel u wara l-vjaġġ tiegħek.
Biex tiżgura li tingħata l-aħjar assistenza possibbli, trid tagħmel kuntatt mal-kumpanija ferrovjarja, mal-manager tal-istazzjon ferrovjarju, mal-bejjiegħ tal-biljetti jew mal-organizzatur turistiku mill-inqas 24 siegħa qabel il-vjaġġ u spjega x'assistenza jkollok bżonn. Sabiex tipprovdi l-għajnuna mitluba, il-kumpanija ferrovjarja jew il-manager tal-istazzjon ferrovjarju jistgħu jitolbuk tasal f’punt magħżul fl-istazzjon mhux aktar minn siegħa qabel it-tluq skedat jew il-ħin finali taċ-check-in għall-ferrovija tiegħek. Jekk ma tkunx ġejt infurmat meta għandek tasal fil-punt magħżul, għandek tippreżenta ruħek hemmhekk mill-inqas 30 minuta qabel il-ħin tat-tluq skedat jew qabel il-ħin li l-passiġġieri kollha jintalbu jagħmlu ċ-check-in.
Jekk il-kumpanija ferrovjarja, il-manager tal-istazzjon ferrovjarju, il-bejjiegħ tal-biljetti jew l-operatur tal-vjaġġi ma jkunux ġew infurmati dwar il-ħtieġa għall-assistenza mill-inqas 24 siegħa qabel il-vjaġġ tiegħek, huma għandhom jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jgħinuk sabiex tkun tista’ tivvjaġġa kif ippjanat.
L-operaturi ferrovjarji jistgħu jirrikjedu li tivvjaġġa akkumpanjat iżda biss jekk dan ikun strettament meħtieġ biex tikkonforma mar-regoli ta’ aċċess nondiskriminatorji diġà fis-seħħ (pereżempju minħabba l-mod kif l-infrastruttura tal-ferrovija jew tal-istazzjon hija ddisinjata). Il-persuna li takkumpanjak hija intitolata li tivvjaġġa mingħajr ħlas u fejn possibbli tkun bilqiegħda ħdejk. Jekk għandek kelb ta’ assistenza dawn jitħallew jakkumpanjawk f’konformità ma’ kwalunkwe regola lokali fil-pajjiż fejn qed tivvjaġġa.
Twissija
Xi pajjiżi tal-UE jirrikjedu li t-talbiet għal assistenza lill-kumpaniji ferrovjarji, lill-managers tal-istazzjonijiet ferrovjarji, lill-bejjiegħa tal-biljetti jew lill-operaturi turistiċi jridu jsiru mill-inqas 36 siegħa qabel, minflok 24 siegħa. Iċċekkja l-lista ta’ pajjiżi li japplikaw dan il-perjodu itwal ta’ notifika. Ma tistax tiġi miċħud l-imbark minħabba d-diżabbiltà jew il-mobbiltà mnaqqsa tiegħek, ħlief jekk ikun hemm tħassib dwar is-sigurtà, jew regoli ta’ sikurezza jipprevjenu lill-kumpanija ferrovjarja milli tittrasportak.
Teħtieġ aktar għajnuna?
Jekk qed issib problemi biex tikseb assistenza waqt li tkun qed tivvjaġġa bil-ferrovija, għandek tinforma lill-awtoritajiet tal-istazzjon jew lill-kumpanija ferrovjarja involuta. Jekk ma tkunx sodisfatt bit-tweġiba li jagħtuk, tista' tikkuntattja lill-korp nazzjonali responsabbli mill-infurzar en fil-pajjiż fejn ikun seħħ l-inċident.
Id-drittijiet l-oħra tiegħek tal-passiġġieri tal-ferrovija fl-UE
Iċċekkja l-għodda interattiva tagħna fuq il-paġna tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija tal-UE għal aktar informazzjoni dwar drittijietek (inkluż il-kumpens għal tagħmir ta’ mobbiltà mitluf/li jġarrab ħsarat) meta tivvjaġġa bil-ferrovija u kif titlobhom jekk ikollok bżonn.
Qed tivvjaġġa bix-xarabank jew bil-kowċ
Assistenza
Int intitolat għal assistenza bla ħlas jekk jekk qed tippjana vjaġġ fuq distanza twila (fejn id-distanza skedata tas-servizz (mhux il-vjaġġ individwali) hi ta’ 250km jew aktar). Għandek id-dritt għal assistenza fit-terminals magħżula en , jew biex titla’ fix-xarabank jew fil-kowċ u biex tinżel minnhom. Barra dan, il-kumpanija trid tħalli persuna li tagħżel int biex tivvjaġġa miegħek bla ħlas - jekk dan ineħħi xi tħassib li jista' jkun hemm fir-rigward tas-sigurtà jew tas-sikurezza u li minħabba fih ma tkunx se titħalla tivvjaġġa.
Biex tiżgura li tingħata l-assistenza li teħtieġ, trid tikkuntattja lill-kumpanija tax-xarabank/tal-kowċ, il-bejjiegħ tal-biljetti jew l-operatur turistiku mill-inqas 36 siegħa qabel ma tivvjaġġa sabiex tgħidilhom x'assistenza jkollok bżonn. L-operatur jew il-maniġer tat-terminal jistgħu jitolbuk tmur f'post magħżul mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin skedat għat-tluq.
Twissija
Ma tistax ma titħalliex tixtri biljett, tagħmel prenotazzjoni jew titla' abbord minħabba d-diżabbiltà jew in-nuqqas ta' mobbiltà tiegħek - ħlief f'każ fejn dan ikun strettament meħtieġ għall-konformità mar-rekwiżiti legali tas-saħħa u s-sikurezza, jew fejn l-infrastruttura ma tkunx tista' tiggarantixxi trasport bla periklu.
Teħtieġ aktar għajnuna?
Jekk qed issib problemi biex tikseb assistenza waqt li tkun qed tivvjaġġa bix-xarabank jew bil-kowċ, għandek tinforma b'dan lill-awtoritajiet tat-terminal jew lill-kumpanija tax-xarabank / tal-kowċ involuta. Jekk ma tkunx sodisfatt bit-tweġiba li jagħtuk, tista' tikkuntattja lill-korp nazzjonali responsabbli mill-infurzar en fil-pajjiż fejn ikun seħħ l-inċident.
Id-drittijiet l-oħra tiegħek tal-passiġġieri tax-xarabank u tal-kowċ tal-UE
Iċċekkja l-għodda interattiva tagħna fuq il-paġna tad-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ tal-UE għal aktar informazzjoni dwar drittijietek meta tivvjaġġa bix-xarabank jew bil-kowċ u kif titlobhom jekk ikollok bżonn.
Qed tivvjaġġa fuq bastiment
Assistenza
Int intitolat għal assistenza, bla ħlas, biex titla’ jew tinżel minn fuq bastiment, biex tibdel il-bastimenti, abbord u fil-port. Biex tiżgura li tingħata l-aħjar assistenza possibbli, trid tavża lit-trasportatur, lill-bejjiegħ tal-biljetti jew lill-operatur turistiku mill-inqas 48 siegħa qabel il-vjaġġ tiegħek u tispjega x'tip ta' assistenza jkollok bżonn. Anke jekk dan ma tkunx għamiltu, it-trasportatur u l-operatur tat-terminal xorta waħda jridu jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jgħinuk.
Jekk ikollok bżonnijiet speċjali għall-akkomodazzjoni u biex tpoġġi bilqiegħda jew bżonn ta' xi assistenza oħra, jew jekk ikollok bżonn tieħu miegħek xi tagħmir mediku, informa b'dan lill-bejjiegħ tal-biljetti meta tagħmel il-prenotazzjoni.
It-trasportaturi jistgħu jitolbuk li tkun akkumpanjat minn persuna oħra jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' sikurezza, jew minħabba l-mod kif ikunu mfasslin il-bastiment jew l-infrastruttura tal-port. Din il-persuna li takkumpanjak tivvjaġġa bla ħlas.
Teħtieġ aktar għajnuna?
Jekk qed issib problemi biex tikseb assistenza waqt li tkun qed tivvjaġġa fuq bastiment, għandek tinforma b'dan lill-awtoritajiet tal-port jew lit-trasportatur involut. Jekk ma tkunx sodisfatt bit-tweġiba li jagħtuk, tista' tikkuntattja lill-korp nazzjonali responsabbli mill-infurzar en fil-pajjiż fejn ikun seħħ l-inċident.
Id-drittijiet l-oħra tiegħek tal-passiġġieri fuq bastiment fl-UE
Iċċekkja l-għodda interattiva tagħna fuq il-paġna tad-drittijiet tal-passiġġieri fuq bastiment tal-UE għal aktar informazzjoni dwar drittijietek meta tivvjaġġa fuq bastiment u kif titlobhom jekk ikollok bżonn.