Termini kuntrattwali inġusti
Kull darba li tixtri prodott jew servizz mingħand negozjant professjonali, tkun qed tidħol f'kuntratt - kemm jekk tirreġistra għas-sħubija f'ġimm, tordna t-tajers tal-karozza onlajn, tikseb self għad-dar jew anki tixtri x-xirja tiegħek ta' kull ġimgħa mis-supermarkit.
Skont il-liġi tal-UE, it-termini ta' kuntratt standard użati min-negozjanti jeħtiġilhom li jkunu ġusti. Dan ma jinbidilx jekk huma jissejħu "termini u kundizzjonijiet" jew huma parti minn kuntratt iddettaljat li fil-fatt jeħtieġlek tiffirma. Il-kuntratt ma jistax joħloq żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tiegħek bħala konsumatur u d-drittijiet u l-obbligi tal-bejjiegħa u fornituri.
It-termini kuntrattwali għandhom ikunu abbozzati b'lingwa ċara, li tinftiehem. Kwalunkwe ambigwitajiet se jiġu interpretati favur tiegħek.
Termini potenzjalment inġusti
Minn barra r-rekwiżit ġenerali ta' "rieda tajba" u "bilanċ", ir-regoli tal-UE fihom lista ta' termini speċifiċi li jistgħu jitqiesu inġusti. Jekk termini speċifiċi f'kuntratt huma inġusti, ma jorbtukx u n-negozjant ma jistax jistrieħ fuqhom.
Dawn huma xi sitwazzjonijiet fejn it-termini kuntrattwali jistgħu jitqiesu inġusti skont ir-regoli tal-UE:
1. Responsabbiltà meta konsumatur imut jew iweġġa'
Termini li jeskludu/jillimitaw ir-responsabbiltà tan-negozjant jekk konsumatur imut jew iweġġa' minħabba att/ommissjoni minn dak in-negozjant.
Storja bħala eżempju
Sam issieħeb mal-ġimm lokali tiegħu. Meta ta daqqa t'għajn aktar mill-viċin lejn il-kuntratt tas-sħubija tiegħu, kien sorpriż hu u jaqra li l-ġimm ma jassumix ir-responsabbiltà għal kwalunkwe dannu jew korriment ikkawżat mill-użu tal-faċilitajiet u tat-tagħmir.
Meta ċċekkja, l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi qaltlu li terminu li jeskludi r-responsabbiltà tan-negozjant mhux validu. Wara investigazzjoni mill-awtorità nazzjonali tal-inforzar, abbażi tal-ilment ta' Sam, il-qorti pprojbit lin-negozjant milli juża terminu ta' din ix-xorta fil-kuntratti tiegħu.
2. Kumpens jekk negozjant ma jonorax dak li jwiegħed
Termini li jeskludu/jillimitaw b'mod mhux xieraq id-drittijiet tal-konsumaturi għal kumpens jekk in-negozjant ma jżommx mal-obbligu tiegħu fil-kuntratt.
Storja bħala eżempju
Costas mar fuq pakkett tal-ivvjaġġar mat-tfajla tiegħu l-Kenja u ħallas EUR 2 000 kull persuna. Il-vaganza kienet diżastru: it-titjira ttardjat bi 12-il siegħa; l-air conditioning fil-lukanda ma kienx qed jaħdem; u s-safari sar iżda mhux fil-park li kien imwiegħed lilhom.
Huma lmentaw mal-operatur tat-tur u talbu kumpens li ammonta għal EUR 5 000 (EUR 4 000 għall-ispiża tal-pakkett tal-ivvjaġġar u EUR 1 000 għall-ħin u l-divertiment mitlufin). L-operatur tat-tur qabel biss li jikkumpensahom EUR 1 000, hu indika dispożizzjoni fil-kuntratt li tillimita r-responsabbiltà tal-organizzatur għall-25% tat-total tal-ispiża tal-vaganza.
Meta Costas staqsa lill-assoċjazzjoni lokali tal-konsumaturi, qalulu li termini li b'mod mhux xieraq jillimitaw ir-responsabbiltà tan-negozjant f'każ ta' prestazzjoni kuntrattwali mhux xierqa aktarx li huma inġusti. Costas iddeċieda li jieħu l-operatur tat-tur il-qorti biex jinforza d-drittijiet tiegħu.
Ara wkoll id-drittijiet tiegħek jekk qed tixtri pakkett tal-ivvjaġġar.
3. Klawżola li tiffavorixxi lin-negozjant li jiżloq mill-kuntratt
Termini li jorbtu lill-konsumatur iżda jippermettu lin-negozjanti li jiżolqu milli jipprovdu s-servizz sempliċement għax ma jaqblilhomx.
Storja bħala eżempju
Liese kienet qed tivvjaġġa ħafna u ddeċidiet li tqabbad ġardinar biex jiġi kull ġimgħa jieħu ħsieb il-lon u l-fjuri quddiem id-dar tagħha. Iżda xahar minnhom fis-sajf il-ġardinar ma ġiex u l-fjuri mietu minħabba nuqqas ta' ilma. Meta Liese lmentat, il-ġardinar indikalha terminu fil-kuntratt li kien jippermettilu ma jiġix meta kien ikun mgħobbi bix-xogħol minħabba klijenti oħrajn.
Liese qalet lill-ġardinar li, skont l-informazzjoni li hi kienet sabet fuq l-internet, din il-klawżola ma kinitx valida. Għalhekk hi rnexxielha tingħata kumpens għat-telf tal-fjuri u kisbet impenn formali min-naħa tal-ġardinar li jiggarantixxi s-servizzi tiegħu ta' kull ġimgħa.
4. Kumpens lil naħa waħda għal kanċellazzjoni
Termini li jippermettu negozjant iżżomm pagamenti li jkunu saru minn qabel jekk il-konsumatur jikkanċella l-kuntratt mingħajr ma jippermettu li jingħata kumpens ekwivalenti lill-konsumatur meta jikkanċella n-negozjant.
Storja bħala eżempju
Mary ordnat kċina għall-appartment ġdid tagħha. Ħallset depożitu ta' 30% bil-quddiem u l-kumpanija ġiet fl-appartament tagħha biex tieħu l-qies. L-għamara kellha tkun lesta u tiġi installata fi żmien 8 ġimgħat.
Wara xahrejn Mary ċemplet lill-bejjiegħ u qalulha li, sfortunatament, ma kienx se jkun possibbli li jwasslulha l-kċina għal diversi xhur. Billi Mary xtaqet li tidħol fl-appartament il-ġdid tagħha, hi kkanċellat il-kuntratt, u xtrat kċina li ħanut ieħor kellu fl-istokk. Imbagħad hi talbet li tingħata lura l-flus tad-depożitu. Il-bejjiegħ irrifjuta li jagħti lura d-depożitu, hu u jindika terminu fil-kuntratt li jiddikkjara li jekk il-klijent jikkanċella l-kuntratt il-bejjiegħ hu intitolat li jżomm id-depożitu. Meta Mary ħarset aktar mill-qrib lejn il-kuntatt skopriet li, kieku l-bejjiegħ iddeċieda li jikkanċella l-kuntratt, hi ma kenitx se tkun intitolata għal kumpens ekwivalenti.
Mary iċċekkjat mal-assoċjazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi, li qaltilha li l-klawżola tal-kuntratt kienet inġusta. Għalhekk, Mary ikkuntattjat mill-ġdid il-bejjiegħ, irriferit għall-kuntatti tagħha ma' esperti legali fl-assoċjazzjoni tal-konsumaturi, u rnexxielha tikseb lura l-flus tad-depożitu tagħha.
5. Kumpens eċċessiv
Termini li jeżiġu lil konsumatur li ma josservax obbligu li jħallas ammont għoli u irraġonevoli ta' kumpens.
Storja bħala eżempju
Tom kera karozza fl-ajruport ta' Malaga. Hu kien mistenni li jirritornaha b'tank tal-petroll mimli 3 ijiem wara. Fil-jiem miftiehem, kien hemm konġestjoni tat-traffiku lejn l-ajruport minħabba aċċident. Tom ma ridtx jaħli ħin addizzjonali jimla l-karozza bil-petroll jekk dan kien ifisser li jitlef it-titjira. Ta lura l-karozza bit-tank nofsu vojt. Meta wasal lura d-dar, induna li kien immultat EUR 45 għall-fjuwil, flimkien ma' EUR 150 talli tahom lura l-karozza b'nofs tank.
Tom ikkuntattja n-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi u ġie mgħarraf li l-impożizzjoni ta' ħlas diżproporzjonalment għoli kien inġust. Bl-appoġġ tal-ECC-net, il-kumpanija tal-kiri tatu lura EUR 100.
6. Kanċellazzjoni magħmula minn naħa waħda
Termini li jippermettu negozjant iħoll kuntratt b'mod unilaterali iżda fejn il-konsumatur ma jgawdix mill-istess dritt.
Storja bħala eżempju
Kristina ordnat il-libsa tat-tieġ tagħha mingħand diżinjatur tal-moda. Ġimagħtejn qabel il-tieġ, suppost kellha tiltaqa' mad-diżinjatur għall-aħħar prova. Meta ċemplitlu biex tagħmel appuntament, qalilha li kien ittermina l-kuntratt bejniethom mingħajr ma ta ġustifikazzjoni vera.
Kristina ċċekkjat ma' avukat ħabib tagħha jekk d-disinjatur setax jikkanċella l-kuntratt b'dan il-mod. Ħabibha spjegalha li dan kien b'mod ċar terminu inġust billi l-kuntratt ma jagħtix lil Kristina l-istess dritt li tikkanċella. Ħabibha ċempel lid-disinjatur u spjegalu s-sitwazzjoni legali. Id-disinjatur ikkuntattja lil Kristina u għamel appuntament għall-prova. Il-libsa tagħha kienet lesta eżattament fil-ħin qabel il-tieġ.
7. Kanċellazzjoni fl-aħħar minuta
Termini li jawtorizzaw negozjant li jtemm kuntratt fl-aħħar minuta mingħajr data ta' tmiem fissa, ħlief meta jkun assolutament iġġustifikat.
Storja bħala eżempju
Nathalie kellha kuntratt ma' provveditur lokali żgħir tal-Internet, mingħajr ebda data ta' tmiem speċifikata. Ġurnata fost l-oħrajn irċeviet email li kienet qed tinformaha li l-kuntratt kellu jintemm mill-ġimgħa ta' wara. Hi ċemplet lill-provveditur u talbitu spjegazzjoni iżda ma tawx raġuni vera għala l-kuntratt kellu jiġi kkanċellat b'avviż mogħti fi żmien daqshekk qasir.
Nathalie kkuntattjat assoċjazzjoni tal-konsumaturi, li qaltilha, li terminu ta' din ix-xorta aktarx li kien inġust. Għalhekk hi kkuntattjat mill-ġdid il-provveditur tal-internet u rnexxielha ġġedded l-abbonament tagħha estiż għal tul ta' żmien biżżejjed għaliha sabiex taqleb ma' provveditur differenti.
8. Estensjonijiet awtomatiċi ta' kuntratti b'limitu ta' żmien fiss
Termini fejn konsumatur għandu jinnotifika intenzjoni biex itemm kuntratti ta' din ix-xorta iżda fejn il-limitu ta' żmien biex jagħmel dan hu minn qabel irraġonevoli.
Storja bħala eżempju
Mark għandu kuntratt ta' sena għal mowbajl tiegħu li għamlu 10 xhur ilu. Martu dan l-aħħar qalbet ma' kumpanija tal-mowbajl ġdida li kienet qed toffri bundle packs attraenti u sejħiet bla ħlas fi ħdan in-netwerk. Mark iddeċieda li jaqleb ma' dan l-operatur ġdid appena jagħlaqlu l-kuntratt. Hu ċċekkja l-kuntratt tiegħu u sab li jekk xtaq itemmu, ħtieġlu jagħmel dan b'avviż 6 xhur qabel. Billi ma kienx għamel dan, il-kuntratt kien awtomatikament estiż għal sena oħra.
Mark kien diżappunatat u ddeċieda li jikkuntattja lill-organizzazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi. Infurmawh li kien inġust min-naħa tal-kumpanija tal-mowbajl li tirrikjedi avviż daqstant minn qabel. Dawn qalulu biex iressaq il-kwistjoni quddiem il-qorti jekk il-kumpanija kienet se tipprova tinforza dan it-terminu inġust.
9. Termini moħbijin
Termini li jorbtu l-konsumaturi anki jekk huma ma setgħux ikunu faċilment konxji minnhom qabel ma ffirmaw il-kuntratt.
Storja bħala eżempju
Monika kriet appartament, b'kirja ta' 3 snin. Meta ġarret biex toqgħod fih sabet li kellha tuża servizz speċifiku ta' tindif bi ħlas ta' EUR 100 fix-xahar, apparti l-ħlas tal-kirja. Bla dubju ta' xejn kien hemm klawżola fil-kuntratt li kienet tirreferi għad-dokument dwar is-servizzi ta' tindif. Iżda Monika qatt ma ngħatat dan id-dokument.
Monika fittxet fuq l-internet u sabet li termini moħbija bħal dawn huma inġusti. Hi qalet lill-proprjetarju tal-appartament li dan l-obbligu addizzjonali ma kienx ġust minħabba li hi ma kinitx ġiet informata dwaru qabel ma ffirmat il-kuntratt tal-kera – u hi eventwalment irnexxielha tevita dik l-ispiża fissa.
10. Tibdiliet unilaterali fil-kuntratt
Termini li jippermettu n-negozjant jibdel kuntratt b'mod unilaterali sakemm il-kuntratt ma jiddikjarax raġuni valida biex isir dan.
Storja bħala eżempju
Pavel issellef somma flus mill-bank biex jixtri karozza ġdida. Wara 8 xhur, hu skopra li l-pagamenti fix-xahar tiegħu żdidulu.
Meta ta daqqa t'għan aktar bir-reqqa lejn il-kuntratt, Pavel skopra terminu li jawtorizza lill-bank li jibdel ir-rata tal-interess mingħajr ma jagħtih iċ-ċans li jtemm il-kuntratt.
Hu kkuntattja l-assoċjazzjoni tal-konsumaturi lokali biex jingħata parir. Huma qalulu li, billi ma kienx hemm klawżola li tagħti lil Pavel id-dritt li jittermina l-kuntratt, it-terminu li jippermetti lill-bank li jżied ir-rata tal-interessi kien inġust. Huma tawh il-parir biex ma jħallasx l-għola rata ta' interess u biex iressaq ilment uffiċjali magħhom jekk il-bank jirrifjuta li jeżamina mill-ġdid it-terminu inġust. Pavel segwa l-parir tagħhom u rnexxielu jibdel il-klawżola fil-kuntratt.
11. Tibdiliet unilaterali lill-prodott jew lis-servizz
Termini li jippermettu negozjant li jagħmel tibdiliet lill-prodott jew lis-servizz li għandu jingħata, b'mod unilaterali u mingħajr raġuni valida.
Storja bħala eżempju
Birgit ordnat madum ġdid għall-kamra tal-bajnu rinnovata tagħha. Hi għażlet madum bi strixxi bojod u blu. Wara 4 ġimgħat, il-madum wasal iżda dan kien sempliċement madum abjad mingħajr strixxi. Meta hi kkuntattjat lill-fornitur, huma indikawlha li, skont it-termini u l-kundizzjonijiet li jidhru fuq il-formola tal-ordni, jekk il-kumpanija ma tkunx tista' tissupplixxi oġġett tkun xi tkun ir-raġuni, hi kellha tissostitwixxih b'oġġett ta' standard u valur ekwivalenti.
Birgit ikkuntattjat in-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi u qalulha li kien inġust li tingħata termini u kundizzjonijiet li jipprovdu għal tibdiliet unilaterali fil-prodott fornut. Bl-appoġġ tan-netwerk ta' ECC-net, eventwalment reġgħet ingħatat flusha lura.
12. Varjazzjonijiet fil-prezzijiet
Termini fejn in-negozjant jista' jiffissa l-prezz finali mal-kunsinna jew iżidu mingħajr ma jagħti l-konsumaturi l-għażla li jikkanċellaw il-kuntratt jekk l-ammont ikun bil-wisq ogħla milli kien miftiehem fil-bidu.
Storja bħala eżempju
Thomas iffirma kuntratt ta' 5 snin għall-manutenzjoni tas-sistema ċentrali tat-tisħin fid-dar il-ġdida tiegħu. Wara 18-il xahar , hu skopra li l-pagamenti fix-xahar tiegħu żdidulu b'mod mhux mistenni. Meta talab spjegazzjoni, in-negozjant indikalu klawżola fil-kuntratt li kienet tirriżerva d-dritt tal-kumpanija li żżid il-prezzijiet għall-manutenzjoni tat-tisħin sempliċement b'avviż mogħti xahar qabel.
Thomas iċċekkja mal-assoċjazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi, li qaltlu li terminu li jippermetti n-negozjant li jżid il-prezz ta' servizz mingħajr ma jippermetti lill-konsumatur jikkanċella l-kuntratt kien aktarx inġust. Thomas iddeċieda li jikkanċella l-kuntratt minflok ma jħallas l-ispejjeż addizzjonali li ma kinux previsti.
13. Interpretazzjoni unilaterali tal-kuntratt
Termini fejn in-negozjant biss għandu d-dritt li jinterpreta kwalunkwe klawżola tal-kuntratt u li jiddeċiedi jekk il-prodott jew is-servizz jikkonformax mal-kuntratt.
Storja bħala eżempju
Krisztina ordnat album tar-ritratti personalizzat b'ritratti ta' bintha. Meta waslilha l-ktieb indunat li l-qoxra tal-ktieb ma kellhiex il-kulur li kienet għażlet. Hi lmentat mal-bejjiegħ iżda hu rrifjuta li jistampalha l-ktieb mill-ġdid. Hu rriferieha għat-termini u l-kundizzjonijiet murija fl-ordni, hu u jgħid li l-kunsinna hi konformi mal-kuntatt meta l-bejjiegħ jiddeċiedi li dan hu l-każ.
Krisztina kienet taf li termini ta' din ix-xorta kienu inġusti u insistiet li n-negozjant jistampalha l-ktieb jew jagħtiha l-flus lura. Billi indikat drittijietha, eventwalment hi ġiegħlet li l-ktieb jiġi stampat mill-ġdid mingħajr ebda spejjeż addizzjonali.
14. Meta wieħed ma jonorax dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persunal ta' negozjant
Termini li bis-saħħa tagħhom negozjant jipprova jiżgiċċa mill-impenji magħmulin mill-persunal tiegħu jew fejn tali impenji huma soġġetti għal kundizzjonijiet oħrajn.
Storja bħala eżempju
Jake xtara par żarbun f'ħanut. Ma kellux il-ħin jipprovahom iżda l-assistent tal-ħanut qallu li, jekk il-qies ikun ħażin seta' joħodhomlu lura u jibdilhomlu. Iż-żarbun irriżulta li kien żgħir wisq, għalhekk Jake ħadhom lura. Iżda l-maniġer irrifjuta li jibdilhomlu u wera lilu dokument bil-miktub dwar il-kundizzjonijiet ta' bejgħ. Id-dokument stqarr li ma kienx offrut li jsir bdil, u li kienu biss validi r-regoli misjubin f'dan id-dokument.
Jake kkuntattja netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi li kkonfermaw in-natura inġusta tat-terminu. Bl-assistenza ta' ECC-Net, hu malajr irnexxielu jibdel iż-żraben ma' par ieħor.
15. Konformità unilaterali mal-obbligi
Termini li jobbligaw lill-konsumaturi li josservaw l-obbligi tagħhom meta negozjant ma jonorax l-obbligi tiegħu.
Storja bħala eżempju
Louise abbonat ma' newsletter ta' reċensjoni tal-istampa dwar in-negozji. Hi suppost li kellha tirċievi reċensjoni tal-istampa mill-pajjiżi kollha tal-UE bl-Ingliż kuljum. Iżda xi drabi ma kien hemm ebda newsletter għal jumejn jew tlitt ijiem, u mhux l-aħbarijiet kollha kienu tradotti bl-Ingliż. Xahar minnhom irċiviet newsletter waħda biss. Għalkemm is-servizz ma kienx qed jaħdem kif suppost, hi xorta waħda rċiviet invojsis għall-ħlas ta' abbonament sħiħ. Hi staqsiet lill-fornitur biex inaqqsilha l-prezz biex b'hekk tħallas biss għal ġranet meta fil-fatt irċiviet is-servizz. Madankollu, il-kumpanija rrifjutat hi u tindika li, skont il-kuntratt, is-servizz seta' jkun temporarjament interrot mingħajr ma jerħi lill-klijenti mill-obbligi li jħallsu.
Fl-aħħar, l-organizzazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi ndaħlet fil-kwistjoni. Il-ħlas ta' Louise tnaqqas u l-fornitur tas-servizz kien imġiegħel jibdel it-terminu inġust fil-kuntratt.
16. Trasferimenti ta' kuntratti lejn negozjanti oħrajn b'kundizzjonijiet anqas vantaġġużi
Termini li jippermettu n-negozjant jittrasferixxi l-kuntratt mingħajr il-kunsens tal-konsumatur u li jistgħu jagħtu lill-konsumatur ftehim anqas vantaġġuż.
Storja bħala eżempju
Karl ordna kċina ġdida mingħand kumpanija li wegħditu "10-snin garanzija". Il-kċina kellha tiġi stallata fl-appartament tiegħu fi żmien 6 ġimgħat. Meta d-data finalment waslet, Karl innota li l-ħaddiema kienu minn kumpanija differenti. Huma kkonfermaw li l-kuntratt tiegħu ġie trasferit lill-kumpanija tagħhom. Karl ċempel lill-kumpanija l-ġdida biex jiċċekkja jekk il-garanzija ta' 10 snin kinitx għadha valida. Il-kumpanija l-ġdida spjegat li l-politika tagħhom kienet li tingħata s-soltu garanzija ta' sentejn u li l-kuntratt ta' Karl kien ta lill-kumpanija l-qadima d-dritt li jittrasferixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom lil dik ġdida.
Karl fittex parir minn assoċjazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi. Qalulu li klawżola li tawtorizza li jiġu trasferiti drittijiet u obbligi kuntrattwali kienet inġusta, għalhekk, invalida – meta dan kien ifisser tnaqqis fil-garanzija. Għalhekk, Karl kien għad għandu d-dritt għall-10 snin garanzija mill-kumpanija li oriġinalment xtara l-kċina mingħandha. Abbażi tal-parir tal-assoċjazzjoni tal-konsumaturi, hu rnexxielu jingħata estensjoni tal-garanzija mill-kumpanija l-qadima, li rabtet lilha nfisha li tipprovdilu s-servizzi meħtieġa wara l-bejgħ.
17. Drittijiet limitati għal azzjoni legali
Termini li jirrestrinġu kif u fejn il-konsumaturi jistgħu jieħdu azzjoni legali u li jobbligawhom li jagħtu prova li hi r-responsabbiltà tal-parti l-oħra tal-kuntratt.
Storja bħala eżempju
Alain xtara biljett tal-ajru minn Pariġi għal Porto għal vaganza tas-sajf tiegħu. Fi triqtu lejn l-ajruport, weħel fit-trasport pubbliku, wasal l-ajruport 30 minuta tard u spiċċa kellu jixtri biljett ġdid biex jasal Porto. Meta kien qed jagħmel iċ-checking in ġimġagħtejn wara fl-ajruport ta' Porto, inħasad meta skopra li t-titjira lura kienet ikkanċellata minħabba li hu ma kienx għamel użu mill-biljett ta' tluq. Ma kellu ebda għażla ħlief li jixtri biljett ieħor mal-istess linja tal-ajru.
Meta tela' fuq l-ajruplan, hu informa lill-assistent tat-titjira li kien se jieħu proċeduri bil-qorti biex jingħata kumpens hekk kif jasal lura Franza. L-assistent tat-titjira qallu li, skont it-termini u l-kundizzjonijiet standard tal-linja tal-ajru, hu seta' biss jieħu azzjoni fir-Renju Unit fejn kienet ibbażata l-linja tal-ajru. Alain ta daqqa t'għajn aktar bir-reqqa lejn it-termini u l-kundizzjonijiet fuq is-sit web tal-kumpanija u sab terminu li jgħid li kwalunkwe azzjoni legali kellha tittieħed quddiem qorti fir-Renju Unit.
Alain ikkuntattja n-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi , li qallu li t-terminu li kien jillimita d-dritt legali tiegħu li jieħu azzjoni kien inġust u invalidu, għalhekk seta' jieħu l-kwistjoni f'qorti fi Franza minkejja kollox. Irċieva wkoll konferma li terminu kien jipprovdi għall-kanċellazzjoni ta' biljett bir-ritorn purament għall-raġunijiet li l-biljett tat-tluq ma kienx intuża jista', f'ċerti ċirkostanzi, jitqies bħala inġust.
Jekk issib termini inġusti fil-kuntratt tiegħek
Termini kuntrattwali li huma inġusti skont il-liġi tal-UE ma għandhomx forza jew irbit legali fuq il-konsumaturi. Sakemm it-terminu inġust ma jkunx element essenzjali tal-kuntratt, il-bqija tal-kuntratt tiegħek (iżda mhux it-terminu inġust) jibqa' validu. Dan ifisser, pereżempju, li ma jkollokx għax tabbanduna s-sħubija tiegħek f'ġimm sempliċement minħabba klawżola waħda li hi inġusta fil-kuntratt.
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkunu jafu kif għandhom jeżerċitaw dawn id-drittijiet skont il-liġi nazzjonali, u għandu jkollhom proċeduri li bis-saħħa tagħhom in-negozji ma jitħallux milli jużaw termini inġusti.
Fl-UE kollha, l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għall- inforzar tar-regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fl-UE. Jekk tħoss li l-negozjant partikulari qed ripetutament jikser ir-regoli, inkluż fil-livell transkonfinali, għandek tirrapporta wkoll il-każ tiegħek lilhom.
Twissija
Jekk tħoss li termini ta' kuntratt partikulari kienu inġusti, tista' titlob parir mingħand:
- Assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi - għal parir dwar problemi fil-pajjiż fejn tgħix.
- netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) - għal għajnuna f'tilwim bejn il-fruntieri