Pakkett tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta
Jekk in-negozju tiegħek ibigħ żewġ tipi differenti jew aktar ta' servizzi tal-ivvjaġġar bħall-akkomodazzjoni, it-trasport ikkombinat mal-kiri ta' vetturi bil-mutur jew, b'kundizzjonijiet speċifiċi, servizzi turistiċi oħrajn, għandek ċerti obbligi skont ir-regoli tal-UE dwar il-pakkett tal-ivvjaġġar. Dawn ir-regoli japplikaw għall- pakketti tal-ivvjaġġar u għall- arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (LTAs).
Pakkett tal-ivvjaġġar
Pakkett tal-ivvjaġġar ikopri l-bejgħ kollu li jinkludi żewġ tipi differenti jew aktar ta' servizzi ta' vvjaġġar għall-istess vjaġġ/vaganza li huma bbukkjati b'kuntratt uniku ma' fornitur wieħed. Pakkett tal-ivvjaġġar jinkludi wkoll il-bejgħ li bih jiġu bbukkjati s-servizzi ma' fornituri differenti b'kuntratti separati sakemm hi osservata waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:
- Is-servizzi tal-ivvjaġġar huma mixtrija f'punt uniku ta' bejgħ (ħanut, call centre jew sit web) fejn il-klijent jagħżel is-servizzi qabel ma jaqbel li jħallas, jiġifieri qabel ma jikkonkludi l-ewwel kuntratt.
- Is-servizzi kienu mibjugħin bi prezz inklużiv.
- Is-servizzi kienu rreklamati/mibjugħin bħala "pakkett" jew taħt terminu simili.
- Il-konsumaturi huma intitolati li jagħżlu minn għażla ta' servizzi tal-ivvjaġġar, pereżempju gift-box tal-ivvjaġġar.
Ikkumbinar ta' servizz tal-ivvjaġġar wieħed bħall-akkomodazzjoni u servizz turistiku ieħor (tour bi gwida jew dħul għal kunċert) jista' jkun biss ikklassifikat bħala pakkett tal-ivvjaġġar jekk is-servizz addizzjonali jammonta għal 25% jew aktar mill-valur globali tal-vjaġġ, jew hu fattur essenzjali tal-vjaġġ.
L-informazzjoni li għandek tipprovdi lill-klijenti
Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta' pakkett ta' vvjaġġar trid tiżgura li l-konsumatur jirċievi l-informazzjoni essenzjali kollha, bħal:
- id-destinazzjoni tal-ivvjaġġar
- il-lista ta' servizzi inklużi
- il-prezz sħiħ
- l-informazzjoni dwar ħtiġijiet ta' passaport u viża
Għandek tiżgura li l-klijenti jirċievu link għall- formola ta' informazzjoni standard (l-informazzjoni hi disponibbli fl-annessi tad- Direttiva ) li tispjega li huma ġew offruti pakkett u li tiddeskrivi d-drittijiet ewlenin tagħhom.
L-immodifikar tat-termini kuntrattwali – bħal żidiet fil-prezzijiet
Jekk tingħata notifika raġonevoli bil-quddiem mill-klijenti tal-pakkett tal-ivvjaġġar, huma jistgħu jittrasferixxu l-pakkett lil persuna oħra, għalkemm dan jista' jkollu spejjeż addizzjonali.
- Tista' żżid il-prezz tal-pakkett jekk jiżdiedu spejjeż speċifiċi (pereżempju, prezzijiet tal-fjuwil), għalkemm dan għandu jiġi spjegat b'mod ċar fil-kuntratt u ma jistax jiġi applikat aktar tard minn 20 jum qabel il-bidu tal-pakkett. Jekk iż-żieda fil-prezz taqbeż it-8% tal-prezz tal-pakkett, il-konsumatur jista' jittermina l-kuntratt mingħajr tariffa ta' terminazzjoni.
- F'kundizzjonijiet normali, jekk tikkanċella l-bejgħ qabel il-bidu tal-pakkett, il-klijenti tiegħek huma intitolati għal rifużjoni u kumpens fejn adatt.
- F'każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, pereżempju jekk ikun hemm diżastru naturali jew jekk ikun hemm problemi serji ta' sigurtà fid-destinazzjoni li x'aktarx jaffettwaw il-pakkett, l-organizzatur jista' jikkanċella l-pakkett. F'dan il-każ mhu dovut ebda kumpens.
- L-organizzaturi għandhom jipprovdu assistenza jekk il-vjaġġatur ikun f'diffikultà, bħalma hu l-ipprovdir ta' informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa u jgħin lill-vjaġġatur isib arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar.
Twissija
Minħabba l-pandemija tal-coronavirus li għaddejja bħalissa, tista' tikkanċella pakkett u toffri vouchers lill-klijenti bħala alternattiva għar-rimborż. Madankollu, għandek dejjem tagħti lill-klijent għażla bejn rimborż ta' flus kontanti u voucher.
Il-protezzjoni għall-klijenti (perezempju arranġamenti alternattivi, kumpens, rifużjonijiet)
Bħala organizzatur int responsabbli għall-prestazzjoni xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar kollha inklużi fil-pakkett. Jekk servizz tal-ivvjaġġar ma jkunx jista' jiġi pprovdut kif miftiehem, jista' jkollok tagħmel arranġamenti alternattivi għall-klijenti tiegħek mingħajr ebda spiża addizzjonali. Għandu mnejn ikollok tħallas kumpens jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jilħqux l-istandards miftiehma.
Twissija
F'xi pajjiżi tal-UE, skont fejn hu offrut il-pakkett, il-bejjiegħa bl-imnut għandu mnejn ukoll ikunu responsabbli flimkien mal-organizzaturi.
Arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta
Arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (LTAs) huma servizzi tal-ivvjaġġar li jinxtraw minn kummerċjanti differenti b'kuntratti separati iżda li huma marbuta. Dawn huma kklassifikati bħala marbuta meta kummerċjant wieħed jiffaċilita l-ibbukkjar tas-servizz(i) sussegwenti, u dawn huma mixtrija għall-fini tal-istess vjaġġ jew vaganza.
Arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta japplikaw biss jekk l-ikkumbinar tas-servizzi tal-ivvjaġġar ma jikkostitwixxux pakkett (ara hawn fuq) u forntitur jiffaċilita:
- l-ibbukkjar abbażi ta' żjara waħda jew kuntatt uniku mal-punt ta' bejgħ tiegħu/tagħha, eż. waqt żjara lill-aġent tal-ivvjaġġar, jew
- it-tieni bbukkjar, li jsir b'mod immirat u l-konklużjoni ta' kuntratt għat-tieni servizz tal-ivvjaġġar minn fornitur ieħor isir fi żmien 24 siegħa mill-konferma tal-ibbukkjar tal-ewwel servizz tal-ivvjaġġar
Ikkumbinar ta' servizz tal-ivvjaġġar wieħed bħall-akkomodazzjoni u servizz turistiku ieħor (tour bi gwida jew dħul għal kunċert) jista' jkun biss ikklassifikat bħala arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta jekk is-servizz addizzjonali jammonta għal 25% jew aktar mill-valur globali tal-vjaġġ, jew hu fattur essenzjali tal-vjaġġ.
Għandek tipprovdi l-klijieti b'link għall- formola ta' informazzjoni standard li tispjega li huma ġew offruti arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta u li tiddeskrivi d-drittijiet ewlenin tagħhom.
Pakketti click-through
Pakketti click-through - ibbukkjar online (titjira, akkomodazzjoni eċċ.) magħmulin minn klijent f'punti ta' bejgħ differenti - huma wkoll ikklassifikati bħala "pakketti", sakemm l-ewwel fornitur tas-servizz jittrasmetti l-isem, l-indirizz tal-email u d-dettalji ta' pagament tal-klijent lit-tieni fornitur u t-tieni kuntratt jiġi konkluż fi żmien 24 siegħa mill-ewwel kuntratt.
Jekk ma jsirx it-trasferiment tad-dettalji tal-klijent bejn il-fornituri, dan l-ibbukkjar jitqies bħala arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (LTAs).
Responsabbiltà għall-iżbalji tal-ibbukkjar u d-dritt ta' rimedju
Dawn ir-regoli japplikaw għall-pakketti tal-ivvjaġġar u l-LTAs.
Int se titqies responsabbli jekk kwalunkwe minn dawn li ġejjin isseħħ matul il-proċess tal-ibbukkjar:
- difetti tekniċi fis-sistema tal-ibbukkjar li jkunu attribwiti għalik
- żbalji magħmula meta inti responsabbli li tirranġa l-ibbukkjar tal-pakkett jew ta' servizzi tal-ivvjaġġar li huma parti minn arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta.
M'intix responsabbli għall-iżbalji tal-ibbukkjar li jkunu attribwiti lill-klijenti tiegħek, jew li huma meqjusa bħala inevitabbli, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji.
Għandek id-dritt li tfittex rimedju minn kwalunkwe parti terza li kkontribwixxiet għall-avveniment li għalih kellek tħallas kumpens, tnaqqas il-prezz jew twettaq kwalunkwe obbligu ieħor.
Protezzjoni mill-insolvenza
Dawn ir-regoli japplikaw għall-pakketti tal-ivvjaġġar u l-LTAs.
Se jkollok tieħu protezzjoni mill-insolvenza fil-pajjiż tal-UE li fih tinsab stabbilit. Dan se jiżgura li f'każ ta' falliment, il-garanti (fond ta' garanzija tal-ivvjaġġar, kumpaniji tal-assigurazzjoni jew kwalunkwe mekkaniżmu pprovdut fil-pajjiż rilevanti tal-UE) jista' jrodd lura l-pagamenti magħmula mill-klijenti tiegħek u, jekk ikun hemm bżonn, jirripatrija l-vjaġġaturi jekk it-trasport hu inkluż fil-pakkett.