Prodotti ta' investiment

Il-prodotti ta' investiment, il-fondi u l-polzi tal-azzigurazzjoni marbuta mal-investiment, magħrufa wkoll bħala " Prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni" (PRIPPs), huma ġeneralment offruti lilek mill-banek jew il-kumpaniji tal-assigurazzjoni meta tkun tixtieq tinvesti flusek minflok ma tħallihom f'kont tat-tfaddil standard. B'differenza mill-kont tat-tfaddil standard, il-valur tal-investimenti u d-dħul mill-prodotti ta' investiment jista' jonqos kif ukoll jiżdied.

Peress li l-mod kif jaħdmu l-prodotti ta' investiment jista' jkun pjuttost kumpless, mhux dejjem faċli tifhem kemm x'tista' takkwista kif ukoll ir-riskji potenzjali li taffaċċja. Ir- regoli tal-UE jiggarantixxu li int tingħata informazzjoni dettaljata qabel ma tiffirma għal prodott ta' investiment, biex tkun konxju dwar l-iskala u n-natura tar-riskji li qed tieħu.

Twissija

Dawn ir-regoli tal-UE ma jkoprux l-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali, l-investimenti diretti (bħall-ishma), il-prodotti ta' investiment għall-investituri professjonali, u l-prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja mingħajr opzjonijiet ta' investiment għall-investituri fil-livell tal-konsumatur fejn il-benefiċċji jitħallsu biss f'każ ta' mewt jew inkapaċità.

Informazzjoni ewlenija li tispjega l-investiment

Qabel ma tiffirma għal prodott ta' investiment, il-persuna jew l-organizzazzjoni li qed tbiegħu trid tagħtik Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija. Dan id-dokument standard hu mfassal biex jagħtik tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet tiegħek dwar il-karatteristiċi, ir-riskji u l-ispejjeż tal-prodott ta' investiment li int interessat fih.

Id-dokument ta' informazzjoni li tingħata ma jridx ikun itwal minn 3 paġni A4 u jrid ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

  • informazzjoni ġenerali dwar il-fornitur u d-dettalji ta' kuntatt tiegħu
  • deskrizzjoni tal-prodott ta' investiment, x'qed jimmira li jagħmel u kif
  • spjegazzjoni dwar il-fatturi ewlenin li fuqu jiddependi d-dħul
  • informazzjoni dwar it-terminu tal-prodott ta' investiment, id-data ta' maturità tiegħu, u l-kundizzjonijiet biex twaqqaf l-investiment tiegħek
  • il- livell ta' riskju tal-prodott ta' investiment (ikklassifikat minn1 sa 7)
  • indikazzjoni tat-telf massimu possibbli mill-investiment tiegħek, flimkien ma' 4 xenarji ta' prestazzjoni possibbli - xenarju ta' stress, xenarju mhux favorevoli, xenarju moderat, xenarju favorevoli
  • tabella li tispjega l- ispejjeż tal-investiment tiegħek matul is-snin, kemm f'termini monetarji kif ukoll f'termini perċentwali
  • tabella li tagħtik informazzjoni dwar spejjeż ta' darba (bħall-ispejjeż tad-dħul u tal-ħruġ), spejjeż rikorrenti (bħall-ispejjeż ta' tranżazzjoni f'portafoll kull sena) u spejjeż inċidentali, bħat-tariffi ta' prestazzjoni – kollha espressi b'termini perċentwali.
  • kif tressaq ilment inkluż link għas-sit web tal-ilmenti rilevanti, u indirizz postali u tal-email biex tressaq l-ilmenti

Żmien biex tqabbel u tagħżel

Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jippermettilek li tqabbel b'mod faċli prodotti ta' investiment minn fornituri differenti u tagħżel dak li l-aktar jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħek.

Għalhekk għandek tirċievi d-dokument ta' informazzjoni qabel biżżejjed biex ikollok biżżejjed ħin tikkunsidra l-opzjonijiet tiegħek qabel ma tkun marbut minn kuntratt jew offerta. Anke jekk hemm perjodu ta' rtirar il-persuna li qed tbiegħlek il-prodott ta' investiment trid tagħtik id-dokument ta' informazzjoni qabel ma tiffirma kuntratt.

Storja bħala eżempju

Id-dokument ta' informazzjoni jista' jgħinek tagħżel il-prodott ta' investiment it-tajjeb għalik

Leonard xtaq ifaddal xi flus għall-irtirar tiegħu. Tkellem mal-bank tiegħu dwar l-opzjonijiet ta' kontijiet differenti. Il-bank issuġġerielu li jwarrab EUR 150 kull xahar fi pjan tat-tfaddil tal-assigurazzjoni tal-ħajja speċjali. Huma spjegaw li dan it-tip ta' investiment jagħti lil Leonard il-possibbiltà li jkollu dħul aħjar fuq flusu minn kont tat-tfaddil normali. Leonard staqsa għal aktar informazzjoni dwar il-pjan, u ngħata Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija. Meta qara dan id-dokument, mix-xenarji ta' prestazzjoni differenti Leonard ra li kien qed jirriskja li jitlef ftit mill-flus tal-irtirar imfaddla tiegħu jekk l-investimenti marbuta mal-pjan tat-tfaddil ma jmorrux tajjeb. Hu tkellem mal-bank u minflok iddeċieda li jagħżel kont tat-tfaddil standard.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 04/11/2024
Ikkondividi din il-paġna