Immarkar CE
Ħafna prodotti jeħtieġu l-immarkar CE qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu fl-UE. L-Immarkar CE jindika li l-prodott ġie vvalutat mill-manifattur u jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti ta' sikurezza, saħħa u protezzjoni ambjentali tal-UE. Hu meħtieġ għall-prodotti manifatturati kullimkien fid-dinja li mbagħad jiġu kkummerċjalizzati fl-UE.
Meta l-immarkar CE hu obbligatorju?
L-Immarkar CE hu obbligatorju biss għal prodotti li għalihom hemm speċifikazzjonijiet tal-UE u jeħtieġu t-twaħħil tal-immarkar CE.
Xi prodotti huma suġġetti għal diversi rekwiżiti tal-UE fl-istess ħin. Int trid tiżgura li l-prodott tiegħek jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti kollha qabel ma twaħħallu l-immarkar CE. Hu pprojbit li twaħħal l-immarkar CE fuq prodotti li għalihom m’hemmx speċifikazzjonijiet tal-UE jew ma jeħtiġux it-twaħħil tal-immarkar CE.
Kif tikseb l-immarkar CE?
Bħala manifattur tal-prodott, għandek ir-responsabbiltà sħiħa għad-dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti kollha. M’għandekx bżonn liċenzja biex twaħħal l-immarkar CE fuq il-prodott tiegħek, madankollu, qabel ma tagħmel hekk, int għandek:
- tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti kollha tal-UE kollha
- tiddetermina jekk tistax int stess tivvaluta l-prodotti tiegħek jew jekk tridx tinvolvi korp notifikat.
- tiġbor dossier tekniku li jiddokumenta l-konformità: tiskopri dwar id-dokumentazzjoni teknika
- tabbozza u tiffirma dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE
Ladarba l-prodott tiegħek ikollu l-immarkar CE — jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti titlob hekk — int trid tipprovdilha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ appoġġ kollha li jikkonċernaw l-immarkar CE.
Għandek bżonn ta’ valutazzjoni indipendenti?
Għandek bżonn tiċċekkja jekk il-prodott tiegħek għandux jiġi ttestjat minn korp notifikat. Int tista’ ssib din l-informazzjoni fil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-prodott tiegħek: iċċekkja r-regoli skont il-kategorija tal-prodott en . Dan il-pass mhux obbligatorju għall-prodotti kollha.
Jekk għandek bżonn tinvolvi korp notifikat, l-immarkar CE jrid ikun akkumpanjat min-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat. L-immarkar CE u n-numru ta’ identifikazzjoni jistgħu jitwaħħlu separatament, sakemm jidher biċ-ċar li hemm rabta bejniethom.
Tista’ tuża l-bażi tad-data Nando en biex tfittex korp notifikat li jista’ jiċċertifika l-prodott tiegħek.
Jekk il-prodott ma jeħtieġx li jkun verifikat minn korp indipendenti, mela f'idejk biex tivverifika li jkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi. Dan jinkludi stima u dokumentazzjoni tar-riskji possibbli meta jintuża l-prodott tiegħek.
Twissija
Oqgħod attent għaċ-ċertifikati volontarji!
Jekk ikollok bżonn tinvolvi korp notifikat, tista’ tpoġġi l-immarkar CE fuq il-prodott
tiegħek biss jekk ikun ġie ttestjat u jkun għadda mill-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni. Sfortunatament xi korpi taċ-ċertifikazzjoni
li mhumiex korpi notifikati en skont il-liġi tal-UE joħorġu ċertifikati f’oqsma lil hinn mill-kompetenza tagħhom, u jsejħulhom “ċertifikati
volontarji”. Dawk iċ-ċertifikati jinħarġu mingħajr kontrolli tal-prodotti u mhuma
koperti minn ebda leġiżlazzjoni. Għalhekk, titfixkilhomx maċ-ċertifikazzjoni tal-valutazzjoni
tal-konformità mill-korpi notifikati fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom. Barra minn
hekk, mhux aċċettabbli li ċ-ċertifikati volontarji jkollhom l-immarkar CE.
Trid tħallas xi tariffi?
Jekk int bħala manifattur twettaq il-valutazzjoni ta’ konformità int stess, m’għandekx għalfejn tħallas ebda tariffa. Madankollu, jekk tagħżel li tuża s-servizzi ta’ korp notifikat, jew jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-UE applikabbli għall-prodott tiegħek jeħtieġu l-valutazzjoni indipendenti minn korp notifikat, allura int għandek tħallas lill-korp notifikat għas-servizz li jipprovdilek. L-ispiża tiddependi fuq liema proċedura ta’ ċertifikazzjoni tapplika fuq il-prodott tiegħek u l-komplessità tal-prodott eċċ.
Kif twaħħal l-immarkar CE?
L-immarkar għandu jkun viżibbli, jinqara u ma jitħassarx.
L-immarkar CE jrid ikun magħmul mill-inizjali “CE”, iż-żewġ ittri għandu jkollhom l-istess qies vertikali u ma jistgħux ikunu iżgħar minn 5 mm (sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fir-rekwiżiti rilevanti tal-prodott).
Jekk tixtieq iċċekken jew tkabbar l-immarkar CE fuq il-prodott tiegħek, int għandek tirrispetta l-proporzjonijiet taż-żewġ ittri. Sakemm l-inizjali jibqgħu viżibbli, l-immarkar CE jista’ jieħu forom differenti (pereżempju, kulur, mimli jew vojt).
Jekk l-immarkar CE ma jistax jitwaħħal fuq il-prodott innifsu, int tista’ twaħħlu fuq l-imballaġġ jekk ikun hemm, jew ma’ kwalunkwe dokumenti li jakkumpanjah. Jekk il-prodott ikun suġġett għal diversi direttivi/regolamenti tal-UE li jeħtieġu li jitwaħħlulu l-immarkar CE, id-dokumenti li jakkumpanjawh għandhom jindikaw li l-prodott jikkonforma mad-direttivi/regolamenti kollha tal-UE.
Int tista’ tiddawnlowdja l-files tal-istampa tal-immarkar CE en mill-portal ta’ DĠ GROW.
L-immarkar CE għandu perjodu ta’ validità?
M’hemm ebda perjodu ta’ validità għall-immarkar CE. Madankollu, id-Dikjarazzjoni ta’ Konformità (DoC) tal-UE li hi meħtieġa għall-immarkar CE trid tinżamm aġġornata. F’każ li xi wieħed mill-elementi tad-DoC jinbidel, il-verżjoni tad-Dikjarazzjoni trid tiġi aġġornata. Il-bidliet jistgħu jkunu, pereżempju, modifika tal-leġiżlazzjoni, fil-prodott, jew fid-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat.
Għal prodotti importati, l-importatur għandu jiżgura li l-prodott hu akkumpanjat b’DoC u għandu jżomm kopja tagħha għal 10 snin wara li l-prodott jiġi kkummerċjalizzat fis-suq.