Servizz tal-klijenti għan-negozji online
Biex iżżomm dawn is-servizzi aġġornati għall-ħtiġijiet tal-klijenti tiegħek, stabbilixxi sistema biex titlob u tiġbor feedback mingħand il-klijenti kollha tiegħek, u wieġeb kwalunkwe kumment jew ilment fil-pront. Il-garanziji fuq il-prodotti li tbigħ huma wkoll ir-responsabbiltà tiegħek li tipproċessahom, u jiġu rregolati minn regoli speċifiċi.
Garanziji fuq il-prodotti
Jekk is-sit web tiegħek ibigħ prodotti, int legalment obbligat li tagħti lill-konsumaturi tiegħek garanzija ta' sentejn mingħajr ħlas u li tissostitwixxi jew issewwi l-prodott jekk il-prodott jirriżulta difettuż jew mhux kif irreklamat. F'xi pajjiżi tal-UE, il-perjodu tal-garanzija legali huwa itwal.
Mistoqsijiet u kummenti tal-klijenti
Is-sit web tiegħek għandu jinkludi wkoll informazzjoni ċara dwar kif in-negozju tiegħek jittratta l-ilmenti tal-klijenti. Bħala minimu, trid tindika indirizz tal-email fejn tista' tibgħat il-mistoqsijiet jew tissottometti l-ilmenti.
Għandek tipprova ssolvi l-ilmenti tal-klijenti malajr u direttament, iżda jekk ma tkunx tista' tilħaq ftehim tista' tissuġġerixxi wkoll li int u l-klijenti tiegħek tirrikorru għal korp ta' Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR). Skopri aktar dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim.
Sabiex l-ADR tkun aktar faċli biex tintuża għal tilwim li jirriżulta minn tranżazzjonijiet online, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat pjattaforma multilingwi għas- Soluzzjoni Online għat-Tilwim.
Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni dwar il-pjattaforma għas-Soluzzjoni Onlajn għat-Tilwim.
Għal tilwim transfruntier dwar talbiet ta' inqas minn €5,000, żomm f'moħħok li kemm in-negozju tiegħek kif ukoll il-klijenti tiegħek jistgħu jagħmlu użu minn proċedura Ewropea simplifikata – il- Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar en (ESCP). Din hija proċedura bil-miktub li ma teħtieġx avukat.
Tista' tikseb aktar dettalji dwar Talbiet Żgħar fit-taqsima dwar is- Soluzzjoni tat-Tilwim.
It-trattament ta' tilwim online
Il- Pjattaforma għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR) tgħin lin-negozjanti jsolvu t-tilwim mal-klijenti online tagħhom mingħajr ma jmorru l-qorti. Tista' tuża l-pjattaforma tal-ODR biex issolvi kwalunkwe tilwima kuntrattwali li tirriżulta mill-bejgħ online,kemm jekk in-negozju tiegħek kif ukoll il-klijent ikkonċernat ikunu bbażati fl-UE jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea.
Żur l-artiklu dettaljat tagħna dwar is- Soluzzjoni Online għat-Tilwim għal aktar informazzjoni dwar kif tista' tagħmlu fis-sit tiegħek.