L-elezzjonijiet muniċipali
Jekk int ċittadin tal-UE li tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE, għandek id-dritt li tivvota u li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali li jsiru f'dak il-pajjiż.
Kif tinkiteb fir-reġistru elettorali
Jekk tixtieq tivvota fl-elezzjonijiet muniċipali fil-pajjiż fejn tgħix, għandek bżonn tesprimi l-intenzjoni tiegħek dwar dan biex titniżżel fir-reġistru elettorali ta' dak il-pajjiż. Se tintalab tagħti informazzjoni dwar in-nazzjonalità u l-indirizz tiegħek.
Sib fejn u kif tirreġistra fil-pajjjiż ospitanti tiegħek:
Agħżel il-pajjiż
Madankollu, fil-każ tal-elezzjonijiet muniċipali, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru elettorali hi awtomatika f'dawn il-pajjiżi: l-Awstrija (ħlief Burgenland), id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, is-Slovakkjaa, is-Slovenja u l-Isvezja. Ladarba tkun reġistrat bħala resident hemmhekk, titniżżel awtomatikament fir-reġistru elettorali għall-elezzjonijiet muniċipali.
Fil-pajjiżi fejn il-votazzjoni hi obbligatorja, titniżżel fir-reġistru elettorali fuq talba tiegħek.
Il-kundizzjonijiet għall-vot
Bħala ċittadin tal-UE, tivvota tħat l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-pajjiż fejn tgħix. Jekk iċ-ċittadini tal-pajjiż huma meħtieġa li jkunu ilhom jgħixu fil-pajjiż jew il-muniċipalità għal ċertu tul ta' żmien biex ikunu permessi jivvutaw, tant ieħor int.
Madankollu, għandhom jitqiesu l-perjodi li tkun għext f'pajjiżi oħra tal-UE - ħlief dawk f'pajjiżek.
Japplikaw regoli speċjali f'pajjiżi tal-UE fejn dawk li mhumiex ċittadini jiffurmaw aktar minn 20% tal-elettorat sħiħ; f'każijiet bħal dawn, il-pajjiż li qed jospitak jista' jitolbok perjodu addizzjonali ta' residenza qabel ma tkun tista' tipparteċipa fl-elezzjonijiet muniċipali. L-uniku pajjiż f'din is-sitwazzjoni hu l-Lussemburgu.
Votazzjoni obbligatorja
Jekk il-votazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali hi obbligatorja fil-pajjiż li qed jospitak u, wara r-reġistrazzjoni tiegħek, tniżżilt fir-reġistru elettorali ta' dak il-pajjiż, int obbligat tivvota - bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż.
Il-votazzjoni hi obbligatorja f'dawn il-pajjiżi tal-UE: il-Belġju, Ċipru, il-Greċja u l-Lussemburgu.
Kif toħroġ bħala kandidat
Biex toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali jista' jkollok bżonn tagħmel dikjarazzjoni li m'intix skwalifikat milli tipparteċipa bħala kandidat f'pajjiżek. Tista' tintalab tappoġġja din id-dikjarazzjoni b'attestazzjoni maħruġa minn pajjiżek.
F'dawn il-pajjiżi, tista' tiġi elett għal pożizzjoni ta' kunsillier - iżda ċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż biss jistgħu isiru sindki:
- Il-Belġju
- Il-Bulgarija
- Ċipru
- Franza
- Il-Ġreċja
- L-Italja
- Il-Litwanja
- Il-Polonja
- Ir-Rumanija
- Is-Slovenja
F'xi pajjiżi oħra, il-pożizzjonijiet ta' deputat sindku u membru tal-kumitat eżekuttiv tas-sindku huma riżervati wkoll għaċ-ċittadini tal-pajjiż.
Kundizzjonijiet biex toħroġ bħala kandidat
Bħala ċittadin tal-UE, tista' toħroġ bħala kandidat tħat l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tal-pajjiż fejn tgħix. Jekk iċ-ċittadini tal-pajjiż huma meħtieġa li jkunu ilhom jgħixu fil-pajjiż jew il-muniċipalità għal ċertu tul ta' żmien biex ikunu jistgħu joħorġu għall-elezzjonijiet, tant ieħor int.
Madankollu, għandhom jitqiesu l-perjodi li tkun għext f'pajjiżi oħra tal-UE - ħlief dawk f'pajjiżek.
Japplikaw regoli speċjali f'pajjiżi tal-UE fejn dawk li mhumiex ċittadini jiffurmaw aktar minn 20% tal-elettorat sħiħ; f'każijiet bħal dawn, il-pajjiż li qed jospitak jista' jitolbok perjodu addizzjonali ta' residenza qabel ma tkun tista' toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċpali. L-uniku pajjiż f'din is-sitwazzjoni hu l-Lussemburgu.
Aktar dwar il-votazzjoni u l-ħruġ bħala kandidat fil-pajjiż ospitanti tiegħek: