Bejgħ tal-prodotti fl-UE

Bħala negozju b'kummerċ fl-Ewropa inti tista' tibbenefika mis-Suq Uniku tal-UE kif ukoll minn ċerti ftehimiet ta' kummerċ ma' pajjiżi Ewropej oħrajn. Dan ifisser li l-biċċa l-kbira tal-merkanzija tista' tiċċaqlaq b'mod liberu f'dan it-territorju mingħajr spejjeż żejda jew restrizzjonijiet kwantitattivi. Dan hu magħruf bħala l- moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, ċerti oġġetti bħall- merkanzija soġġetta għas-sisa u prodotti kimiċi huma soġġetti għal regoli addizzjonali. Għandek ukoll obbligi differenti tal-VAT skont xi tbigħ, lil min u fejn il-merkanzija tiġi ttrasportata.

Twissija

Il-formalitajiet doganali jridu jimtlew meta tiġi importata jew esportata merkanzija bejn pajjiż tal-UE u pajjiż mhux tal-UE (inkluż dawk li jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-merkanzija, f'dan il-każ: iż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Iżvizzera, it-Turkija, Andorra u San Marino).

Regoli u regolamenti dwar il-prodotti tal-UE

Qabel ma l-merkanzija tidħol fis-suq tal-UE, trid tiżgura li l-prodotti tiegħek jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE biex tkun protetta s-saħħa tal-bniedem u dik tal-annimali, l-ambjent u d-drittijiet tal-konsumatur. Dawn jistgħu jkunu regoli u speċifikazzjonijiet li huma armonizzati fl-UE jew dawk immaniġġjati minn kull pajjiż tal-UE iżda rikonoxxuti mill-UE; magħrufin bħala r-rikonoxximent reċiproku. Tista' taqra aktar dwar dan fis-suġġett dwar ir- regoli u l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti.

M'hemmx differenza bejn il-klijenti jkunu fejn ikunu fl-UE.

Filwaqt li int liberu li tiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ, inklużi l-limitazzjonijiet fuq il-konsenja, il-klijenti kollha bbażati fl-UE jrid ikollhom l-istess aċċess għall-merkanzija bħall-klijenti lokali tiegħek.

Jekk qed toffri prezz speċjali, promozzjoni jew kundizzjonijiet ta' bejgħ favorevoli, dawn iridu jkunu aċċessibbli għall-klijenti kollha tiegħek irrispettivament minn fejn jinsabu fl-UE, in-nazzjonalità, il-post tar-residenza jew il-post tan-negozju tagħhom.

Ir-regoli japplikaw għat-tranżazzjonijiet online u offline sakemm il-bejgħ ikun qed isir lill-utent finali (individwu jew negozju li ma għandux il-ħsieb li jerġa' jbigħ, jittrasforma, jipproċessa, jikri jew jagħti b'sottokuntratt dak li xtara).

Aċċess għal interfaces online

Il-klijenti tiegħek iridu jkunu jistgħu jaċċessaw kwalunkwe verżjoni tas-sit web tiegħek li jixtiequ, pereżempju, jekk jittajpjaw il-URL Spanjol tas-sit web u jkunu kkonnettjati mill-Italja ma għandhomx jittieħdu awtomatikament fil-verżjoni Taljana. Huma għandhom jagħtuk il-kunsens tagħhom qabel ma jsir trasferiment bħal dan u għandhom id-dritt li jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe ħin.

Bejgħ tal-prodotti mingħajr konsenja

Jekk toffri servizz ta' ġbir jeħtieġlek tiżgura li l-klijenti bbażati f'pajjiżi tal-UE fejn ma toffrix servizz ta' konsenja għandhom id-dritt li jordnaw prodotti minn fuq is-sit web tiegħek, u jagħmlu arranġamenti għall-konsenja għalihom stess jew li jiġbru l-prodotti huma stess.

Rapportar tal-movimenti tal-merkanziji

Jekk tesporta u/jew timporta fl-UE b'aktar minn ċertu valur, ikollok tipprovdi rapport statistiku dwar il-flussi kummerċjali tiegħek fl-UE.

Il- limiti hawn fuq li għandek tirrapporta jiġu stabbiliti kull sena minn kull pajjiż tal-UE (normalment fl-aħħar kwart) u japplikaw għas-sena kalendarja ta' wara. Jeżistu limiti separati (li jistgħu jvarjaw) għall-esportazzjonijiet (dispaċċi) u l-importazzjonijiet (il-kunsinni li jaslu).

INTRASTAT: Limitu ta' eżenzjoni (ta' kull pajjiż) 2021 - Wasla - Euro 2021 - Wasla - Munita Nazzjonali 2021 - Dispaċċ - Euro 2021 - Dispaċċ - Munita Nazzjonali
AT 750 000 750 000 750 000 750 000
BE 1 500 000 1 500 000 1 000 000 1 000 000
BG 219 856 430 000 138 049 270 000
CY 180 000 180 000 55 000 55 000
CZ 480 000 12 000 000 480 000 12 000 000
DE 800 000 800 000 500 000 500 000
DK 967 000 7 200 000 699 000 5 200 000
EE 230 000 230 000 130 000 130 000
GR 150 000 150 000 90 000 90 000
ES 400 000 400 000 400 000 400 000
FI 600 000 600 000 600 000 600 000
FR 460 000 460 000 460 000 460 000
HR 333 333 2 500 000 173 333 1 300 000
HU 471 600 170 000 000 277 400 100 000 000
IE 500 000 500 000 635 000 635 000
IT 800 000 800 000 400 000 400 000
LT 250 000 250 000 150 000 150 000
LU 200 000 200 000 150 000 150 000
LV 230 000 230 000 120 000 120 000
MT 700 700 700 700
NL 800 000 800 000 1 000 000 1 000 000
PL 930 665 4 000 000 486 333 2 000 000
PT 350 000 350 000 250 000 250 000
RO 189 970 900 000 189 970 900 000
SE 860 000 9 000 000 430 000 4 500 000
SI 140 000 140 000 220 000 220 000
SK 200 000 200 000 400 000 400 000

Fejn jibda l-obbligu tar-rappurtar tiegħek?

Il-pajjiż "tiegħek" tal-UE jistabbilixxi limitu li hu applikabbli għal sena kalendarja partikolari.

  • Jekk l-importazzjonijiet/esportazzjonijiet tiegħek tas- sena ta' qabel jaqbżu dak il-limitu mela jkollok tirrapporta minn Jannar ta' dik is-sena partikolari 'l quddiem.

Eżempju: il-pajjiż "tiegħek" tal-UE jistabbilixxi limitu ta' importazzjoni għall-2019 ta' €100 000. Jekk, fl-2018 importajt aktar minn €100 000, jeħtieġlek tirrapporta minn Jannar 2019 'il quddiem.

  • Jekk l-importazzjonijiet/esportazzjonijiet tiegħek fis-sena ta' qabel ma qabżux il-limitu, iżda qabżuh matul is-sena kurrenti, mela jkollok tibda tirrapporta mix-xahar li fih ikun inqabeż il-limitu.

Eżempju: Il-pajjiż "tiegħek" tal-UE stabbilixxa limitu ta' importazzjoni għall-2018 ta' €100 000. Minn Jannar sa Ġunju 2018 l-importazzjonijiet akkumulati tiegħek ammontaw għal €90 000. F'Lulju, int timporta merkanzija ta' €15 000 oħrajn. Minħabba li qbiżt il-limitu f'Lulju 2018 trid tirraporta minn dan ix-xahar 'l quddiem. L-ewwel dikjarazzjoni tal-Intrastat imbagħad tirrigwarda l-importazzjonijiet ta' Lulju ta' €15 000.

Hemm imnejn ikollok tirrapporta movimenti tal-merkanzija minn jew lejn pajjiżi tal-UE fejn mhix ibbażata l-kumpanija tiegħek.

Storja bħala eżempju

Rapportar tal-movimenti tal-merkanzija

Matul sena kalendarja, kumpanija tal-ħwejjeġ Awstrijaka ttrasportat €400 000 f'merkanzija mill-Istati Uniti lejn l-Awstrija permezz tal-port ta' Leixões, fil-Portugall.

Il-valur tal-merkanzija mibgħuta mill-Portugall lill-Awstrija kien ogħla mil-limitu tar-rappurtar għad-dispaċċi stabbiliti fil-Portugall (€250 000), għalhekk il-kumpanija Awstrijaka kellha tippreżenta rapport mal-awtoritajiet Portugiżi. Ma kienx hemm bżonn li tirrapporta l-merkanzija li waslet fl-Awstrija għal dik is-sena kalendarja, minħabba li l-livell limitu ta' rappurtar tal-Awstrija għall-wasliet hu ta' €750 000, li hu ogħla mill-valur tal-merkanzija ttrasportata.

Għalhekk, anki jekk il-kumpanija hi stabbilita fl-Awstrija, f'dan il-każ ir-rappurtar sar biss fil-Portugall.

Min għandu jirrapporta?

Negozji u individwi privati rreġistrati għall-finijiet tal-VAT li jibagħtu u/jew jirċievu merkanzija - jekk id-dispaċċi jew il-wasliet jaqbżu l-limiti annwali rispettivi.

Tista' tistaqsi kumpanija speċjalizzata tirrappreżentak u tipprovdi rapport f'ismek

Meta jeħtieġlek tirrapporta?

  • Tal-anqas darba kull xahar dwar l-andamenti tal-kummerċ tiegħek għax-xahar ta' qabel.
  • L- iskadenza għas-sottomissjoni hi stabbilita mill-awtorità nazzjonali rilevanti f'kull pajjiż tal-UE.

Liema andamenti kummerċjali għandhom jiġu rrapportati?

Il-moviment fiżiku tal-merkanzija mill-istat membru tad-dispaċċ sal-istat membru tal-wasla (u viċi-versa).

Jekk għandek awtorizzazzjoni għall-proċedura tad-dwana ta' pproċessar 'il ġewwa - u l-merkanzija mhux ipproċessata/ipproċessata tiċċaqlaq bejn pajjiżi tal-UE - inti obbligat tirrapporta dawn il-movimenti.

Nota: Jekk int toffri biss servizzi transfruntieri li ma jinkludux iċ-ċaqliq transfruntier ta' merkanzija, m'hemmx il-ħtieġa li tirrapporta taħt is-sistema Intrastat.

Liema data għandek tirrapporta?

Ir-rapporti Intrastat ta' kull xahar tiegħek jeħtiġilhom jinkludu dan li ġej:

  • in- numru tal-VAT tiegħek
  • il- perjodu (xahar) li qed tirrapporta dwaru
  • id-direzzjoni tal-andament kummerċjali: dispaċċ jew wasla
  • il- kodiċi bi 8 ċifri tal-prodott tan‑Nomenklatura Magħquda (NM) (In-NM tiġi ppubblikata kull sena fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
  • il- kodiċi tal-pajjiż tal-UE tad-dispaċċ/tad-destinazzjoni
  • il- valur tal-merkanzija – esklużi l-VAT u d-dazji tas-sisa

(Jekk il-valur għandu x'jaqsam ma' attivitajiet ta' pproċessar, ikollok tikseb il-valur tal-merkanzija pproċessata, u mbagħad taħdem il-valur tal-merkanzija mhux ipproċessata u tgħoddu mal-valur miżjud waqt l-ipproċessar, eż. għall-materjali u l-pagi).

Eżempju: Għandek kuntratt biex tiksi pajpijiet tal-metall li se jintbagħtulek minn Stat Membru ieħor. Il-valur li tirrapporta għall- importazzjonijiet tiegħek ikun tal-valur tal-pajpjiet mhux ipproċessati; għall- esportazzjonijiet tiegħek ikollok tirrapporta l-valur tal-pajpijiet miksija, ipproċessati (li jkun jikkonsisti fil-valur tal-pajpijiet mhux ipproċessati flimkien ma' kwalunkwe spejjeż oħra: ħlasijiet ta' servizzi u materjali).

  • il- kwantità tal-prodotti f' massa netta (bi tnaqqis tat-toqol tal-ippakkjar)
  • l- unità ta' kejl skont in-NM (pereżempju litru, għadd ta' oġġetti, metri kwadri)
  • il- kodiċi għan-natura ta' tranżazzjoni (li jidentifika l-attività ta' xiri, bejgħ jew ipproċessar).

Jista' jkollok tipprovdi informazzjoni addizzjonali bħat-termini tal-konsenja kif speċifikat fil-ftehim kuntrattwali (eż. EXW, CIF, FOB) jew it-tip ta' trasport (eż. baħar/triq/ferrovija).

L-awtoritajiet nazzjonali joffru għodod li jgħinu lin-negozji jilħqu l-obbligi tagħhom ta' rappurtar tal-Intrastat. Ara kif pajjiżi differenti japplikaw is-sistema tal-Intrastat fuq is-siti web ta' hawn taħt.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

Sib soluzzjoni għal tilwim mal-fornituri jew mal-klijenti minn pajjiż ieħor tal-UE, għal talbiet li jammontaw sa EUR 2,000.

Punt ta' Kuntatt tal-Prodott

Il-Punt ta’ Kuntatt tal-Prodott tiegħek jista’ jinfurmak dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prodott u jgħinek fl-aċċess għal suq nazzjonali ieħor fl-UE.

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 27/11/2023
Ikkondividi din il-paġna