Dokumenti u formalitajiet għar-reġistrazzjoni tal-karozza

Bħala regola ġenerali, fl-UE int għandek tirreġistra l-karozza tiegħek fil-pajjiż li fih għandek ir- residenza normali tiegħek.

M'hemmx liġi komuni għall-UE kollha dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. L-informazzjoni li ġejja tirrifletti x'jiġri f'ħafna mill-pajjiżi tal-UE.

Tista' tiċċekkja r-regoli li japplikaw għal pajjiżek u għall-pajjiż li sejjer fih.

Biex tirreġistra l-karozza tiegħek, se jkollok tissottometti numru ta' dokumenti.

  • Ċertifikat tal-kontroll tekniku u prova tal-kontroll tekniku
  • Ċertifikat ta' reġistrazzjoni
  • Prova ta' pussess
  • Prova tal-pagament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)
  • Prova ta' kopertura tal-assigurazzjoni
  • Ċertifikat ta' konformità għal karozzi ġodda

Ċertifikat tal-kontroll tekniku u prova tal-kontroll tekniku

Bħala sid il-karozza, int responsabbli kemm li żżomm il-karozza f'kundizzjoni tajba għat-triq kif ukoll li tippreżentaha għat-test tal-kontroll tekniku 4 snin wara li tkun ġiet irreġistrata l-ewwel darba u kull sentejn wara dan.

Jekk tiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor tal-UE u tixtieq tirreġistra mill-ġdid il-karozza tiegħek fih, se jkollok tagħti prova lill-awtoritajiet li l-karozza tiegħek għaddiet minn test ta' kontroll tekniku fil-pajjiż ta' residenza ta' qabel tiegħek.

Twissija

Il-frekwenza tal-ittestjar tista' tvarja konsiderevolment minn pajjiż tal-UE għal ieħor.

Il-prova li karozza tiegħek hi f'kundizzjoni tajba għat-triq għandha tkun viżibbli fil-karozza tiegħeku tinkludi r-riżultati tat-test, l-identità tal-vettura u d-data tat-test li jmiss. Il-validità taċ-ċertifikat tal-kontroll tekniku għandha tkun rikonoxxuta anki jekk jinbidel il-pussess tal-karozza.

Aqra aktar dwar iċ-ċertifikat tal-affidabilità stradali tiegħek en u l-prova tal-affidabilità stradali (inklużi karatteristiċi ta’ sigurtà) u tgħallem dwar il-mudelli użati f’pajjiżi oħrajn tal-UE.

Ċertifikat ta' reġistrazzjoni

Meta tirreġistra l-karozza tiegħek fl-UE, l-awtoritajiet se joħorġulek ċertifikat ta' reġistrazzjoni. Iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni se jkollu parti jew żewġ partijiet, dan ivarja skont ir-regoli nazzjonali f'pajjiżek. Iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tal-karozza tiegħek għandu jkun rikonoxxut minn pajjiżi oħrajn tal-UE meta tivvjaġġa jew tmur toqgħod f'pajjiż ieħor tal-UE. Jekk jeħtieġlek tirreġistra mill-ġdid il-karozza tiegħek f'pajjiż ieħor tal-UE, se jkollok tissottometti ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tal-karozza lill-awtoritajiet ta' reġistrazzjoni fil-pajjiż ġdid tiegħek. Jekk iċ-ċertifikat tiegħek jikkonsisti f'żewġ partijiet, int ikollok tissottometti ż-żewġ partijiet. Xi pajjiżi tal-UE għandhom imnejn jeħtieġu dokumenti addizzjonali qabel ir-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-karozza tiegħek, għalhekk għandek tiċċekkja r-rekwiżiti eżatti fil-pajjiż ġdid tiegħek.

Għandu jkollok fuqek iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tal-karozza tiegħek meta tivvjaġġa bil-karozza jew meta tmur toqgħod f'pajjiż barrani. Il-Parti I hi suffiċjenti jekk id-dokument fih żewġ partijiet.

Sib aktar informazzjoni dwar id-dokument ta’ reġistrazzjoni en tal-vettura tiegħek (karatteristiċi ta’ sigurtà eċċ.) u l-mudelli użati f’pajjiżi oħrajn tal-UE.

Prova ta' pussess

Għandek imnejn tintalab tipprova li inti s-sid legali tal-vettura. Fatturi użati bħala prova ta' xiri għandhom jiddikjaraw b'mod ċar in-numru tal-VAT tal-bejjiegħ tal-karozza.

Prova tal-pagament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)

Meta tirreġistra l-vettura tiegħek, l-awtoritajiet nazzjonali huma intitolati jiċċekkjaw jekk il-VAT tħallsitx kif suppost. Ir-regoli tal-VAT ivarjaw skont jekk il-karozza hix ġdida jew użata u jekk tixtrihiex mingħand dealer professjonali jew mingħand individwu privat.

Għall-iskopijiet tal-VAT, karozza ġdida tkun għamlet anqas minn 6,000 km JEW intużat anqas minn sitt xhur. Iċċekkja fejn għandek tħallas il-VAT għal karozza mixtrija f'pajjiż ieħor tal-UE.

Prova ta' kopertura tal-assigurazzjoni

Meta tirreġistra l-karozza tiegħek, ikollok tippreżenta prova li għandek kopertura ta' assigurazzjoni. L-awtoritajiet għandhom jaċċettaw il-kopertura mingħand kwalunkwe kumpanija tal-assigurazzjoni:

  • ibbażata fil-pajjiż li tgħix fih jew li għandha fih uffiċċju ta' fergħa
  • mingħajr uffiċċju f'pajjiżek iżda awtorizzata li tipprovdi servizzi fih

Ċertifikat ta' konformità għal karozzi ġodda

Iċ-ċertifikat ta' konformità jinħareġ mill-manifattur u juri li l-karatteristiċi tekniċi tal-vettura jissodisfaw l-istandards tas-sigurtà u l-ambjent. Jista' jkun ċertifikat Ewropew (KE) jew nazzjonali.

Iċ-ċertifikat ta' konformità tal-KE

Iċ-ċertifikat ta' konformità tal-KE hu validu fil-pajjiżi tal-UE kollha. Jekk il-karozza għandha ċertifikat tal-KE validu, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jitolbu dokumentazzjoni teknika addizzjonali - sakemm il-karozza tiegħek ma ġietx modifikata wara li ħarġet mill-fabbrika (f'dak il-każ jistgħu jitolbuk għal approvazzjoni ġdida).

Iċ-ċertifikat nazzjonali ta' konformità

Iċ-ċertifikat nazzjonali ta' konformità hu validu biss fil-pajjiż li ħarġu. Normalment dan jinħareġ għal karozzi tal-linja, trakkijiet, vannijiet, trejlers u vetturi individwali prodotti qabel Mejju 2009 jew karozzi vintage.

Jekk il-karozza tiegħek diġà reġistrata u tmur toqgħod f'pajjiż ieħor tal-UE, l-awtoritajiet fil-pajjiż ġdid tiegħek spiss jitolbu verifiki tekniċi addizzjonali jew ċertifikati qabel ma jirreġistraw mill-ġdid il-vettura tiegħek.

Twissija

L-informazzjoni f'din il-paġna ma tapplikax għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE u għaċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit. Ir-regoli nazzjonali huma applikabbli f'dawn il-każijiet.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 09/02/2023
Ikkondividi din il-paġna