VAT - Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Ħallas il-VAT fil-pajjiż minn fejn tixtri

Bħala individwu privat li qed tixtri fl-UE, għandek tħallas il-VAT darba biss, fil-pajjiż minn fejn tixtri.

Tista' ġġib lura f'pajjiżek kull ma tixtri f'pajjiż ieħor tal-UE, mingħajr ma toqgħod tieqaf fil-fruntiera jew timla dikjarazzjoni għad-dwana. L-unika kondizzjoni hi li x-xiri jrid ikun għall-użu personali tiegħek jew tal-familja tiegħek, u mhux biex jerġa' jinbigħ.

Rifużjonijiet tal-VAT

Min ikun residenti barra l-UE hu intitolat għar-rifużjoni tal-VAT fuq prodotti li jkun xtara waqt iż-żjara tiegħu fl-UE jekk il-prodotti jintwerew lid-dwana dakinhar tat-tluq, fi żmien 3 xhur mix-xiri tagħhom flimkien mad-dokumenti għar-rimborż tal-VAT.

Il-proċess innifsu (jiġifieri t-talba u r-rifużjoni) mhuwiex armonizzat fil-livell tal-UE. Dan ifisser li l-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw proċeduri differenti, skont jekk il-bejjiegħ tal-prodott u/jew parti terza (“operatur tar-rifużjoni tal-VAT”) hix involuta (fil-ħin tax-xiri jew wara).

It-talbiet kollha jridu jiġu vvalidati mill-awtorità doganali (jew b’mod diġitali jew fiżiku) qabel ma toħroġ mill-UE. Kun konxju li xi pajjiżi jistabbilixxu valur minimu ta' xiri jew kriterji oħra sabiex wieħed jikkwalifika għar-rimborż.

Ix-xiri online minn pajjiż ieħor tal-UE

Jistgħu japplikaw regoli speċjali meta tixtri prodotti minn pajjiż ieħor tal-UE għal konsenja fil-pajjiż fejn tgħix. Jekk il-kumpanija li tixtri mingħandha tbigħ prodotti li jaqbżu ċertu valur f’pajjiżek, fejn jiġu mwassla l-prodotti, din ma tistax tiċċarġja l-VAT fil-pajjiż fejn huma stabbiliti.

Minflok, iridu japplikaw il-VAT fil-pajjiż fejn titwettaq il-konsenja tal-prodotti – VAT ta' destinazzjoni. Il-livell limitu għal dan il-bejgħ online transfruntier huwa stabbilit għal €10,000 għall-pajjiżi kollha tal-UE. Dan ifisser li ħafna bejjiegħa bl-imnut online ewlenin li jwettqu konsenji fl-UE ikollhom japplikaw ir-regola tal-VAT tad-destinazzjoni.

Storja bħala eżempju

Xi kultant jista’ jkollok tħallas rata ogħla ta’ VAT

Katrien, min-Netherlands, ordnat ktieb minn bejjiegħ kbir online fl-Irlanda. Meta ħallset għall-ordni u ttajpjat l-indirizz tagħha, innotat li l-prezz għola f’daqqa. Iċċekkjat għala ġara dan u skopriet li l-kumpanija ġegħlitha tħallas il-VAT Olandiża ta' 9% minflok il-VAT ta’ 0% tal-Irlanda (iż-żewġ pajjiżi għandhom rati speċifiċi għall-bejgħ tal-kotba).

Il-limitu massimu biex wieħed ikun jista’ jikkonsenja oġġetti mingħajr ma jħallas il-VAT lokali huwa ta’ €10,000. Kwalunkwe kumpanija li biegħet aktar minn €10,000 fi prodotti lil pajjiżi oħra tal-UE matul is-sena finanzjarja preċedenti trid tapplika r-rata tal-VAT tal-pajjiż tad-destinazzjoni. Il-kumpanija li ordnat il-ktieb mingħandha Katrien spiss tibgħat prodotti lejn in-Netherlands u għalhekk għandha tiċċarġjaha l-VAT Olandiża, minkejja li l-ordni tagħha qed tintbagħat mill-Irlanda.

Twissija

Din ir-regola ma tapplikax għal oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet.

Dazju tas-sisa

Jekk tixtri prodotti tat-tabakk jew xarbiet alkoħoliċi online minn pajjiż ieħor tal-UE, il-prezz se jinkludi d-dazji tas-sisa, irrispettivament mill-kwantità u anke jekk l-oġġetti jkunu rigal.

In-negozjant huwa responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa dovut fil-pajjiż tal-UE ta’ destinazzjoni.

Għalhekk għandek tistenna li l-prezz għal dawn it-tipi ta’ oġġetti jirrifletti l-ispiża tad-dazju tas-sisa. Jekk il-prezz hu baxx ħafna, ara li tiċċekkja mal-bejjiegħ jekk id-dazju jkunx tħallas qabel ma tagħmel l-akkwist. Jekk il-bejjiegħ ma ħallasx id-dazju tas-sisa, l-oġġetti tiegħek jistgħu jiġu kkonfiskati mid-dwana mal-wasla jew jista’ jkun li jkollok tħallas id-dazju tas-sisa inti stess. Dejjem għandek tiżgura li l-bejjiegħ iħallas id-dazju tas-sisa neċessarju fil-pajjiż tal-UE ta’ destinazzjoni.

Twissija

Jekk tixtri oġġetti online minn barra l-UE, il-VAT, id-dwana u d-dazju tas-sisa huwa dejjem dovut.

VAT fuq is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi

Għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew elettroniċi japplikaw l-istess regoli tal-VAT bħall-oġġetti. Jekk il-kumpanija tbigħ aktar minn €10,000 fis-sena lil pajjiżi oħra tal-UE, il-VAT tiġi imposta fil-pajjiż fejn tgħix bħala xerrej (il-pajjiż fejn int stabbilit, għandek l-indirizz permanenti tiegħek jew tgħix normalment), u mhux fil-pajjiż fejn il-fornitur huwa rreġistrat. Dawn ir-regoli japplikaw għal servizzi akkwistati kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-UE.

Storja bħala eżempju

Il-VAT fuq il-kontenut diġitali jiġi normalment mill-pajjiż ta’ residenza

Senta, tgħix l-Iżvezja u spiss tixtri kotba elettroniċi minn bejjiegħ ewlieni tal-kotba online Finlandiż. Il-fornitur Finlandiż għandu jiċċarġjaha l-VAT Żvediża mhux dik Finlandiża.

Eċċezzjonijiet għal servizzi oħrajn mixtrija online

Meta tixtri servizzi online minn negozjant stabbilit fl-UE, inti tħallas il-VAT bir-rata tal-pajjiż fejn huwa stabbilit in-negozjant. Din ir-regola tapplika wkoll jekk tgħix f’pajjiż differenti tal-UE minn dak tan-negozjant.

Storja bħala eżempju

Il-ħlas tal-VAT fil-pajjiż fejn huwa stabbilit in-negozjant

Joao jmexxi kumpanija ta’ konsulenza li hija bbażata f’Liżbona. Huwa jipprovdi servizzi ta’ konsulenza lil individwu privat li jgħixu f’Copenhagen. Peress li l-kumpanija ta’ Joao hija rreġistrata fil-Portugall, huwa għandu jiċċarġja lill-klijent Daniż tiegħu l-VAT Portugiża.

Madankollu, hemm bosta eċċezzjonijiet għal din ir-regola. Xi wħud mill-eċċezzjonijiet l-aktar komuni huma:

  • Servizzi provduti minn intermedjarju: il-VAT hija ċċarġjata fil-pajjiż fejn isseħħ it-tranżazzjoni prinċipali mal-intermedjarju. Pereżempju, jekk is-sid ta’ dwejra tas-sajf fi Franza jrid iċaqlaq xi għamara lejn id-dar tiegħu fl-Iżvezja u jitlob intermedjarju sabiex isib kumpanija li tieħu ħsieb il-ġarr. Il-VAT Franċiża tkun dovuta fuq it-tariffa tal-kummissjoni tal-intermedjarju, peress li l-provvista prinċipali (jiġifieri t-trasport ta’ merkanzija bejn 2 pajjiż tal-UE) isseħħ fil-punt tat-tluq.
  • Is-servizzi marbuta mal-proprjetà immobbli huma intaxxati fil-post fejn tinsab il-proprjetà. Pereżempju, jekk perit ibbażat fi Franza ġie mqabbad biex jiddisinja dar fi Spanja. It-tariffa tal-perit se tkun suġġetta għall-VAT Spanjola.
  • It-trasport tal-passiġġieri huwa ntaxxat skont id-distanza koperta. Pereżempju, jekk il-prezz ta’ biljett għal vjaġġ bil-karozza tal-linja mill-Polonja sa Franza li tgħaddi mill-Ġermanja, se jinkludu l-VAT Pollakka, Ġermaniża u Franċiża, bi proporzjon mad-distanza koperta f’kull pajjiż. Jekk il-karozza tal-linja tgħaddi wkoll mill-Iżvizzera, mhu se jkun hemm ebda VAT tal-UE fuq dik il-parti tal-vjaġġ, peress li l-Iżvizzera mhijiex pajjiż membru fl-UE.
  • Is-servizzi tar-ristoranti u l-catering (minbarra dawk fuq il-vapuri, l-ajruplani jew il-ferroviji) huma ntaxxati fil-post fejn jitwettqu s-servizzi fiżikament. Pereżempju, jekk kumpanija bbażata l-Lussemburgu tipprovdi l-ikel u x-xorb għal avveniment f’Firenze. Il-kumpanija għandha tiċċarġja l-VAT Taljana.

Jekk jogħġbok innota li din il-lista mhix eżawrjenti.

Eċċezzjoni għall-karozzi

Għall-karozzi ġodda mixtrija f'pajjiż ieħor tal-UE, il-VAT titħallas fil-pajjiż fejn tirreġistra l-karozza tiegħek, (il-pajjiż ta' residenza tiegħek). Din l-iskema tal-VAT tapplika wkoll għal modi oħra ta' trasport, bħal muturi kbar, dgħajjes u ajruplani.

Skopri aktar dwar il-ħlas tal-VAT meta tixtri karozza f'pajjiż ieħor tal-UE.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 30/04/2024
Ikkondividi din il-paġna