Is-Soluzzjoni alternattiva/online għat-tilwim

Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim

Jekk għandek nuqqas ta' ftehim ma' konsumatur u tixtieq tevita proċedura tal-qorti, is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim en għandha mnejn tkun l-għażla tiegħek. Meta mqabbla ma' li tmur il-qorti, is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim spiss hi aktar malajr, eħfef u irħas. Dan it-terminu jiddeskrivi l-modi differenti kollha għas-soluzzjoni ta' lment li ma jinvolvux li wieħed imur il-qorti. Jista' jkun li tafha bħala "medjazzjoni", "konċiljazzjoni", "arbitraġġ", "ombudsman" jew "bord tal-ilmenti".

Jew int jew il-konsumatur jitlob terza parti newtrali biex tintervjeni u taġixxi bħala intermedjarju bejnhom u bejnek; din it-terza parti hi msejħa korp tas-soluzzjoni għat-tilwim. Dan il-korp jista' jissuġġerixxi soluzzjoni għall-ilment, jimponi soluzzjoni fuq iż-żewġ partijiet jew sempliċement ilaqqagħhom flimkien biex jiddiskutu kif tista' tinstab soluzzjoni.

Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, il-korpi tas-soluzzjoni għat-tilwim huma evalwati mill-Istati Membri u għandhom jissodisfaw għadd ta' rekwiżiti ta' kwalità li jiggarantixxu li joperaw b'mod effettiv, ġust, imparzjali, indipendenti u trasparenti meta jittrattaw it-tilwim tiegħek. Jintlaħaq normalment riżultat fi żmien 90 ġurnata.

Għandek aċċess għal dawn il-korpi għat- tilwim kuntrattwali kollu li jista' jkollok mal-klijenti tiegħek fil-pajjiżi tal-UE kollha. Sib korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim f'pajjiżek.

Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim tista' tiffrankalek l-ispejjeż tal-litigazzjoni u tiffaċilita l-bejgħ ta' oġġetti u servizzi f'pajjiżek jew barra minn pajjiżek, online jew offline. Tista' tgħinek ukoll biex tinżamm ir-reputazzjoni tan-negozju u relazzjonijiet tajba mal-konsumatur tiegħek.

Soluzzjoni Online għat-Tilwim

Din il-pjattaforma hi biss għal tilwim bejn in-Negozji u l-Konsumaturi.

Jekk għandek tilwima ma' konsumatur dwar xiri online u tixtieq tevita proċedura l-qorti, il-pjattaforma tas-soluzzjoni online għat-tilwim tista' tkun l-għodda adatta għalik biex tikseb soluzzjoni malajr u ekonomika. Tista' tuża din il-pjattaforma biex tagħmel ilment dwar klijent (p.e. nuqqas ta' ħlas) jew il-klijent tiegħek jista' jużaha biex jagħmel ilment dwarek.

Dan is-sit web interattiv hu disponibbli bil-lingwi tal-UE kollha u hu bla ħlas. Wieħed mill-korpi tas-soluzzjoni għat-tilwim li huma rreġistrati mal-pjattaforma jirċievi u jittratta t-tilwima tiegħek. Il-proċeduri kollha jsiru online.

Tista' tiddawnlowdja PDF infograff għal ħarsa ġenerali dwar kif taħdem il-pjattaforma tas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim u dwar l-obbligi tiegħek bħala kummerċjant.

Liema proċedura għandi nsegwi?

Jekk ilment jiġi sottomess permezz tal- pjattaforma tas-soluzzjoni online għat-tilwim int u l-klijent tiegħek jeħtiġilkom li taqblu dwar il- korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim li għandu jittratta l-ilment. Kun af, li kull korp tas-soluzzjoni għat-tilwim għandu l-proċeduri tiegħu, li possibbilment jinkludu ħlas.

Waqt li t-tilwima tkun qed tiġi pproċessata, il-korp tas-soluzzjoni għat-tilwim jista' jikkuntattjak biex jitolbok biex tagħti aktar informazzjoni jew dokumenti jew biex jistiednek għal laqgħa.

Tista' taħtar rappreżentant biex jassistik. Dan ifisser li qed tistaqsi lil xi ħadd ieħor iressaq l-ilment jew isegwi l-każ f'ismek.

Fi kwalunkwe stadju tal-proċedura tista' titlob informazzjoni jew għajnuna. Hemm punt ta' kuntatt nazzjonali f'kull pajjiż tal-UE li jista' jgħinek rigward l-ilment tiegħek.

Twissija

Kun af li ċerti punti ta' kuntatt jistgħu jgħinuk biss f'tilwim transkonfinali.

Illinkjar mal-pjattaforma tas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR)

Jekk tinnegozja online jeħtieġlek tipprovdi link dirett għall-pjattaforma tal-ODR mis-sit web tiegħek. Barra minn hekk, l-indirizz tal-email tiegħek għandu jkun jidher b'mod ċar fuq is-sit web tiegħek.

Meta obbligat (bil-liġi, bi skema ta' sħubija jew ta' kuntratt) li tuża korp speċifiku ta' soluzzjoni għat-tilwim, jeħtieġlek:

  • tinforma lill-konsumaturi — permezz tas-sit web tiegħek — dwar dan il-korp ta' soluzzjoni għat-tilwim u tinkludih ukoll fit-termini u l-kundizzjonijiet tiegħek;
  • tinforma lill-konsumaturi dwar il-pjattaforma tal-ODR fit-termini u l-kundizzjonijiet tiegħek u fl-offerti tal-emails tiegħek.

Consumer Law Ready

Consumer Law Ready hu programm madwar l-UE, li joffri korsijiet ta' taħriġ bla ħlas fil-liġi tal-konsumatur għall-mikrointrapriżi u l-SMEs. Tista' tapplika biex tattendi kors ta' taħriġ f'pajjiżek biex tiżgura li l-SME tiegħek hi Consumer Law Ready.

Jekk tippreferi titgħallem bir-ritmu tiegħek, agħmel is-sign up biex taċċessa l-materjal edukattiv. Imbagħad tista' tagħmel test elettroniku u tivvalida t-taħriġ tiegħek b'ċertifikat.

Iċċekkja l-portal tal- Consumer Law Ready en biex tiskopri kif tagħmel is-sign up.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

Sib soluzzjoni għal tilwim mal-fornituri jew mal-klijenti minn pajjiż ieħor tal-UE, għal talbiet li jammontaw sa EUR 2,000.

L-Ombudsman Ewropew>

Ressaq ilment dwar istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE.

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 07/05/2024
Ikkondividi din il-paġna