Prezzijiet u pagamenti
Meta tixtri oġġetti jew servizzi fl-UE, trid tkun infurmat b’mod ċar dwar il-prezz totali, inklużi t-taxxi u l-miżati addizzjonali kollha.
Għal xiri online, għandek tirrikonoxxi espliċitament – pereżempju billi tagħfas buttuna – li inti konxju/a li meta tagħmel l-ordni tiegħek għandek l-obbligu li tħallas.
Twissija
Jekk tixtieq tagħmel pagament online ta’ aktar minn €30, se jkollok bżonn tuża taħlita ta’ mill-inqas żewġ elementi ta’ awtentikazzjoni, bħal:
- xi ħaġa li għandek (bħall-mobile jew il-card reader) U xi ħaġa li taf (PIN jew password)
- xi ħaġa li għandek (bħall-mobile jew il-card reader) U xi ħaġa tiegħek (il-marka tas-swaba’ tiegħek)
- xi ħaġa li taf (PIN jew password) U xi ħaġa minn tiegħek (il-marka tas-swaba’ tiegħek)
Dan jagħmel il-pagamenti tiegħek aktar sikuri u siguri.
Ħlasijiet addizzjonali: tariffi għall-użu ta’ kards
In-negozjanti fl-UE mhumiex permessi li jitolbuk tħallas aktar jekk tuża l-kard tal-kreditu jew tad-debitu tiegħek. L-uniċi eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma l-kards American Express/Diners Club u l-kards tal-kreditu tan-negozju jew korporattivi, fejn il-fattura toħroġ fuq min iħaddmek minflok fuqek. Jekk tuża dawn il-kards, jista’ jagħti l-każ li xorta tiġi ċċarġjat tariffa iżda t-tariffa ma tistax tkun ogħla milli fil-fatt tiġi tiswa lin-negozjant biex jipproċessa l-pagament tiegħek.
Għandek tkun taf li jekk tħallas f’muniti tal-UE li mhumiex euros, xorta tista’ tiġi ċċarġjat tariffa tal-kambju tal-munita mill-fornitur tal-kard tiegħek meta tuża l-kard tiegħek f’pajjiż ieħor tal-UE.
Servizzi online “bla ħlas”
Is-servizzi online bla ħlas jiġu bi prezz – id-data personali tiegħek hija ta’ valur – din hija r-raġuni għaliex is-servizzi tal-web u l-apps mingħajr ħlas jiġbruha. Skont ir-regoli tal-UE, għandek id-dritt tkun taf kif id-data personali tiegħek qed tinħażen u qed tintuża. Għandek tkun taf ukoll id-dettalji tal-kuntratt bħat-tip ta’ servizz “bla ħlas” li se tirċievi, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt, l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar u l-kundizzjonijiet tat-terminazzjoni tal-kuntratt.
Skont ir-regoli tal-UE, għandek dritt espliċitu li tirċievi informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt li tirtira mix-xirja fi żmien 14-il jum. Sitwazzjonijiet fejn ma ħallastx prezz jew tariffa, iżda pprovdejt lin-negozjant b’data personali mhux direttament meħtieġa għas-servizz huma koperti wkoll (eż. il-kunsens għall-ġbir ta’ data dwar l-imġiba għal skopijiet ta’ reklamar).
Huma dawn id-drittijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, flimkien mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali li jirregolaw il-ġbir u l-użu tad-data personali tal-konsumaturi.
Storja bħala eżempju
Tagħtix aktar data milli meħtieġ
Daniel minn Franza pprova jfittex għodda online biex jikkonverti l-files PDF tiegħu f’dokumenti li jistgħu jiġu editjati. Huwa sab applikazzjoni apparentement affidabbli, iżda biex ilesti l-konverżjoni tad-dokument, intalab jabbona għas-servizz billi jipprovdi l-email tiegħu u kull tip ta’ informazzjoni personali. Peress li ma kienx ċar x’kien jinvolvi l-abbonament, Daniel iddeċieda li ma jagħmilx dan.
Bħala konsumatur, għandek id-dritt tikseb informazzjoni prekuntrattwali ċara u li tinftiehem dwar is-servizz kif ukoll id-dritt li tirtira minn kwalunkwe servizz fi żmien 14-il jum mingħajr ebda ġustifikazzjoni u ebda spiża.
Miżati għal servizzi addizzjonali
Trid tagħti l-kunsens tiegħek għal kwalunkwe pagament addizzjonali mitlub min-negozjant, pereżempju konsenja express, tgeżwir f’karta tar-rigali jew assigurazzjoni tal-ivvjaġġar.
Negozjant ma jistax jitolbok ħlas għal dawn is-servizzi sakemm inti ma tagħżilhomx espliċitament. L-użu ta’ kaxxa ttikkjata minn qabel fis-sit web tan-negozjant ma tikkostitwixxix kunsens, għalhekk tkun intitolat għal rimborż ta’ kwalunkwe pagament li jkun inġabar b’dan il-mod.
Storja bħala eżempju
In-negozjanti jridu jgħidulek il-prezz sħiħ (inklużi taxxi u miżati) qabel tħallas
Ewa mill-Polonja xtrat xi kotba minn negozjant online. Madankollu, il-kard tal-kreditu tagħha ġiet iċċarġjata iktar mill-ammont totali muri fil-punt tal-bejgħ tas-sit web tan-negozjant. Ewa ndunat li l-kumpanija ma kinitx inkludiet l-ispejjeż għall-posta, u żidithom wara li lestiet ix-xirja tagħha.
Minħabba li r-regoli tal-UE jobbligaw lin-negozjanti juru l-informazzjoni dwar il-prezz korrett u totali qabel ma konsumatur jagħmel akkwist online, Ewa rrapportat il-kwistjoni kemm lill-kumpanija kif ukoll lill-awtoritajiet Pollakki. Wara intervent mill-awtoritajiet, ingħatat lura d-differenza.
Pagament f’munita oħra – miżati fuq il-kambju tal-munita
Meta tixtri prodott jew servizz li huwa pprezzat f’munita oħra, tħallas aktar minn sempliċiment il-prezz tax-xiri. Bl-istess mod, meta tiġbed il-flus minn ATM f’munita oħra, tħallas aktar minn sempliċiment l-ammont li tiġbed. L-ispejjeż addizzjonali jistgħu jinkludu:
- tariffa ta’ tranżazzjoni barranija mitluba mill-bank tiegħek jew mill-fornitur tal-kard tiegħek (jekk ma tħallasx f’euro jew tirtira flus euro)
- tariffa tal-kambju tal-munita
- tariffa imposta mis-sid tal-ATM
Meta tixtri xi ħaġa personalment jew online, tista’ tiġi offrut l-għażla li tħallas fil-munita lokali jew fil-munita nazzjonali tiegħek. Jekk tħallas fil-munita lokali, trid tistenna d-dikjarazzjoni bankarja jew tal-kard tal-kreditu tiegħek biex tiskopri kemm swiet it-tranżazzjoni fil-munita nazzjonali tiegħek. Ħafna drabi din hija l-irħas alternattiva. Jekk tħallas fil-munita ta’ pajjiżek, tkun taf mill-ewwel eżattament kemm se tiġi ċċarġjat. It-tariffi żejda spiss jagħmlu din l-għażla aktar għalja.
Jekk negozjant jew sit web joffrilek l-għażla li tħallas bil-munita ta’ pajjiżek, irid jgħidlek bl-eżatt kemm se tiswik aktar. Hu għandu jesprimi din l-ispiża bħala valwazzjoni pożittiva perċentwali fuq l-aħħar rati tal-kambju tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Eżempju. Lukanda tagħtik għażla bejn li tħallas għas-soġġorn fil-munita lokali jew fil-munita ta’ pajjiżek. Jekk tagħżel il-munita ta’ pajjiżek, il-lukanda għandha taqleb l-ammont tal-kont billi tuża r-rata tal-BĊE u tinfurmak dwar il-valwazzjoni pożittiva perċentwali li se żżid.
Is-sit web tal-bank jew tal-fornitur tal-kard tiegħek irid joffri wkoll informazzjoni dwar dawn it-tipi ta’ miżati. Fi kwalunkwe każ, dejjem għandek id-dritt li tgħid le u tħallas fil-munita lokali.
Diskriminazzjoni fil-prezz
Bħala ċittadin jew residenti tal-UE ma tistax tiġi ċċarġjat prezz ogħla meta tixtri prodotti jew servizzi fl-UE sempliċiment minħabba n-nazzjonalità jew il-pajjiż ta’ residenza tiegħek.
Meta tixtri oġġetti online fl-UE, il-prezzijiet jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor jew f’verżjonijiet differenti tal-istess sit web, pereżempju minħabba differenzi fl-ispejjeż tal-konsenja. Madankollu, jekk tixtri oġġetti online mingħajr konsenja transfruntiera – bħal meta tixtri xi ħaġa online li inti biħsiebek tiġborha mingħand in-negozjant jew mill-ħanut inti stess – għandu jkollok aċċess għall-istess prezzijiet u offerti speċjali bħax-xerrejja li jgħixu f’dak il-pajjiż tal-UE. Ma tistax tiġi ċċarġjat aktar jew ma titħalliex tixtri xi ħaġa sempliċement minħabba li tgħix f’pajjiż ieħor.
Japplikaw l-istess regoli meta tixtri servizzi pprovduti fil-bini tan-negozjant, pereżempju meta tixtri biljetti għal xi park tad-divertiment, tibbukkja hotel, tikri karozza, jew meta tixtri servizzi pprovduti b’mod elettroniku (bħal servizzi tal-cloud jew l-ospitar ta’ sit web), inti intitolat li jkollok aċċess għall-istess prezzijiet bħax-xerrejja lokali.
Twissija
Media protetta mid-drittijiet tal-awtur, bħal films, kotba elettroniċi u mużika, ħafna drabi huma koperti minn ftehimiet ta’ liċenzjar differenti f’pajjiżi differenti. Għalhekk inti jista’ ma jkollokx l-istess aċċess għall-istess prodotti bl-istess prezz fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Storja bħala eżempju
Ma jistgħux jitolbuk tħallas aktar, sempliċiment minħabba l-pajjiż ta’ residenza tiegħek
Hilda mid-Danimarka riedet tikri karozza fi Spanja għall-vaganzi tas-sajf. Hija għażlet il-karozza li xtaqet tibbukkja fis-sit web ta’ kumpanija tal-kiri tal-karozzi fi Spanja. Madankollu, meta daħlet l-indirizz tagħha biex tiffinalizza l-prenotazzjoni, hija rat li l-prezz totali tagħha għall-kiri tal-karozza żdied b’€140.
Hilda kkuntattjat liċ-Ċentru tal-Konsumatur Ewropew lokali tagħha biex tilmenta dwar din id-diskriminazzjoni fil-prezz. Dawn għenuha tagħmel ilment formali, b’enfasi fuq prezzijiet diskriminatorji fis-sit web tal-kumpanija tal-kiri tal-karozzi. Peress li l-kumpanija tal-karozzi ma kkonformatx mar-regoli tal-UE, din tista’ tingħata multa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.
Ir-regoli tal-prezzijiet tal-biljetti tal-ivvjaġġar
Ir-regoli tal-UE dwar il-prezzijiet japplikaw ukoll meta tixtri biljetti tal-ivvjaġġar, bħal titjiriet jew biljetti tal-ferrovija, online jew personalment. Dan ifisser li meta tixtri l-biljetti tiegħek, it-taxxi, it-tariffi u l-miżati kollha għandhom ikunu inklużi u għandhom ikunu jidhru fil-prezz totali mill-bidu tal-proċess tal-ibbukkjar. Dan jagħmilha aktar faċli għalik biex tqabbel il-prezzijiet ma’ operaturi oħra tal-ivvjaġġar.
Kwalunkwe suppliment fakultattiv (bħall-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar) għandu jkun indikat b’mod ċar u rrakkomandat biss bħala għażla ħielsa.
Għall-akkwist ta’ biljetti tal-ajru, jekk tiskopri prezzijiet online li ma jkunux ċari meta tibbukkja titjira, tista’ tirrapporta għand l-awtoritajiet nazzjonali en fil-pajjiż ta’ residenza tal-UE tiegħek.
Ridirezzjoni awtomatika fuq sit web
Meta jkun hemm diversi verżjonijiet ta’ sit web ta’ negozjant, inti ma tistax tinbagħat awtomatikament f’verżjoni differenti, sakemm ma tagħtix il-permess tiegħek. Pereżempju, jekk int tgħix fi Franza u tagħżel direttament biex tmur f’sit web .be (il-Belġju), in-negozjant jista’ jissuġġerixxi li forsi tkun tixtieq tikkonsulta l-verżjoni .fr tas-sit web tagħhom. Madankollu, sakemm ma tagħtix il-permess espliċitu tiegħek għal dan, għandu jkollok aċċess għas-sit web .be li tkun għażilt oriġinarjament.
Inti għandek tkun tista’ wkoll tbiddel l-għażla tiegħek fi kwalunkwe ħin – pereżempju, permezz ta’ kaxxa "agħżel pajjiż". Din tippermettilek tara l-prezzijiet u l-promozzjonijiet għal prodotti u servizzi offruti min-negozjant f’pajjiżi oħra. Madankollu, dejjem għandek tiċċekkja t-termini u l-kundizzjonijiet tan-negozjant biex tifhem l-għażliet tal-konsenja u l-ispejjeż għal pajjiżek.