Pakkett tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta
Bħala xi ħadd li sejjer vaganza li qed jibbukkja vaganza b'kollox inkluż u/jew arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, int tibbenefika minn livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur skont ir-regoli tal-UE. Jekk tixtri pakkett, int għandek drittijiet definiti sew qabel u waqt il-proċess tal-ibbukkjar, u sakemm tispiċċa l-vaganza, pereżempju d-dritt għall-informazzjoni prekuntrattwali, ir-responsabbiltà tal-organizzatur għal prestazzjoni xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-pakkett tiegħek u l-protezzjoni mill-insolvenza. Dawn id-drittijiet japplikaw għal pakketti mixtrija online jew wiċċ imb'wiċċ, mingħand operatur turistiku, aġent tal-ivvjaġġar, jew kwalunkwe kummerċjant ieħor li qed jaġixxi bħala l-organizzatur tal-pakkett. Japplikaw drittijiet aktar limitati għal dawk magħrufa bħala "arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta" (LTAs).
Twissija
Dawn ir-regoli ma jkoprux is-servizzi tal-ivvjaġġar individwali (bħal titjira jew akkomodazzjoni li jiġu bbukkjati separatament), ċerti tipi ta' vjaġġar għan-negozju, pakketti mibjugħa abbażi ta' ftehim qafas fuq bażi okkażjonali u mingħajr qligħ lil grupp limitat ta' vjaġġaturi, kif ukoll pakketti li jdumu inqas minn 24 siegħa sakemm ma jkunux jinkludu l-akkomodazzjoni.
Pakketti tal-ivvjaġġar – tipi differenti ta' pakketti jagħtuk l-istess drittijiet
Meta tibbukkja vaganza b'kollox inkluż, int tixtri kombinazzjoni ta' żewġ tipi differenti jew aktar ta' servizzi tal-ivvjaġġar għall-istess vjaġġ jew vaganza. Dawn is-servizzi jistgħu jinkludu t-trasport, l-akkomodazzjoni, il-kiri ta' vettura, jew taħt kundizzjonijiet speċifiċi kwalunkwe servizz turistiku ieħor. Il-pakkett tiegħek jista' jkun irranġat minn qabel u jkun magħmul minn għadd ta' servizzi kkombinati minn operatur turistiku jew aġent tal-ivvjaġġar – jew jista' jkollok pakkett personalizzat aktar billi tagħżel is-servizzi int stess qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt. Fiż-żewġ każijiet, japplikaw ir-regoli tal-UE sakemm il-pakkett tal-ivvjaġġar ikun ġie mixtri b'ċertu mod.
X'inhu pakkett tal-ivvjaġġar?
L-ivvjaġġar tiegħek jitqies bħala pakkett meta:
1. Tibbukkja servizzi tal-ivvjaġġar impoġġija flimkien minn negozjant jew bl-għajnuna tiegħu, bħal operatur turistiku jew aġenzija tal-ivvjaġġar online jew offline taħt kuntratt wieħed.
jew
2. Int tibbukkja servizzi tal-ivvjaġġar taħt kuntratti separati ma' fornituri individwali u jkun hemm waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:
- tixtri s-servizzi f'punt wieħed ta' bejgħ (bħal aġenzija tal-ivvjaġġar, ċentru tas-sejħiet jew sit web) u tagħżel is-servizzi qabel taqbel li tħallas, jiġifieri qabel ma tikkonkludi l-ewwel kuntratt. Dan hu l-każ, pereżempju, fejn servizzi tal-ivvjaġġar differenti jitpoġġew f'basket tax-xiri jew jiġu magħżulin b'mod ieħor qabel ma jiġi konkluż kuntratt.
- is-servizzi jiġu mibjugħin lilek bi prezz inklussiv jew totali
- is-servizzi kienu rreklamati/mibjugħin bħala "pakkett" jew simili
- is-servizzi tal-ivvjaġġar huma kkombinati wara l-konklużjoni ta' kuntratt li taħtu int għandek id-dritt tagħżel minn għażla ta' servizzi tal-ivvjaġġar differenti, pereżempju rigal ta' pakkett tal-ivvjaġġar li għad irid jiġi definit.
- Pakkett click-through: int tixtri servizzi mingħand kumpaniji tal-ivvjaġġar separati permezz ta' proċess tal-ibbukkjar online marbut fejn l-ewwel kumpanija tittrasmetti ismek, l-indirizz tal-email tiegħek u d-dettalji tal-pagament lit-tieni kumpanija u t-tieni kuntratt hu konkluż fi żmien 24 siegħa mill-ewwel kuntratt.
Kombinazzjoni ta' servizz tal-ivvjaġġar, bħall-akkomodazzjoni u servizz turistiku ieħor, bħal tour bi gwida jew dħul għal kunċert jew avveniment sportiv, jew il-kiri ta' tagħmir għall-isport, jista' jkun biss ikklassifikat bħala pakkett tal-ivvjaġġar jekk is- servizz turistiku l-ieħor jammonta għal 25% jew aktar mill-valur globali tal-vjaġġ, jew jekk dak is-servizz hu fattur essenzjali tal-vjaġġ.
Storja bħala eżempju
L-ibbukkjar ta' pakkett tal-ivvjaġġar għal vaganza
Michel mill-Belġju ddeċieda li jorganizza l-vaganza tas-sajf tiegħu permezz ta' aġenzija tal-ivvjaġġar online. Il-pakkett li għażel, vaganza ta' ġimagħtejn fl-Italja, kien jinkludi t-titjiriet, l-akkomodazzjoni f'lukanda u għadd ta' vjaġġi ta' ġurnata. Peress li l-prezz totali għal dan il-pakkett kollox inkluż kien attraenti ħafna, Michel iddeċieda li jibbukkja l-vaganza tiegħu. Iffinalizza l-ibbukkjar, iffirma l-kuntratt u ħallas għall-vaganza tiegħu permezz tal-aġenzija tal-ivvjaġġar online.
Il-pakkett tal-ivvjaġġar – id-dritt tiegħek għal informazzjoni ċara u preċiża
Qabel ma tibbukkja pakkett, il-punt tal-bejgħ (is-sit web jew l-app tal-ibbukkjar pereżempju) jew l-aġent tal-ivvjaġġar tiegħek irid jagħtik l-informazzjoni standard kollha dwar il-pakkett, bħal:
- id-destinazzjoni tal-ivvjaġġar (l-itinerarju, id-dati u t-tul tal-vjaġġ, id-dettalji tat-trasferimenti kollha, iż-żjarat jew l-eskursjonijiet) u lista tas-servizzi inklużi
- l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-organizzatur tal-pakkett u, meta jinbiegħ permezz ta' bejjiegħ bl-imnut, tal-bejjiegħ bl-imnut
- il-prezz totali, inklużi t-taxxi kollha u fejn applikabbli t-tariffi addizzjonali kollha, u l-arranġamenti għall-pagament
- informazzjoni dwar kif tista' twaqqaf il-kuntratt qabel ma jibda l-pakkett bi ħlas ta' tariffa ta' terminazzjoni xierqa
- l-informazzjoni dwar ħtiġijiet ta' passaport u viża
- l-informazzjoni dwar il-proċeduri għat-tressiq ta' ilment, il-mekkaniżmi tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR), u, fejn xieraq, l-entità tal-ADR, u l- pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim
Għandek tirċievi wkoll informazzjoni ċara dwar drittijietek, abbażi ta' formola standardizzata tal-UE, li tispjega li int ġejt offrut pakkett u li telenka d-drittijiet tiegħek.
Il-pakkett tal-ivvjaġġar – tibdil jew terminazzjoni tal-kuntratt
Żieda fil-prezz:l-organizzatur jista' jżid il-prezz tal-pakkett biss jekk joħorġu spejjeż speċifiċi (pereżempju prezzijiet tal-fjuwil). Dan irid ikun spjegat b'mod ċar fil-kuntratt u ma jistax jiġi applikat aktar tard minn 20 jum qabel il-bidu tal-pakkett. Jekk iż-żieda fil-prezz hi ta' aktar minn 8% tal-prezz totali tal-pakkett, għandek id-dritt li twaqqaf il-kuntratt tal-pakkett mingħajr ma tħallas tariffa ta' terminazzjoni.
Jekk ma tistax tivvjaġġa, tista':
- Tittrasferixxi l-pakkett lil persuna oħra: taħt ċerti ċirkostanzi, tista' tittrasferixxi l-pakkett tiegħek lil persuna oħra, għalkemm jista' jkun li jkollok tħallas tariffa raġonevoli għal dan, sal-ispiża reali mġarrba mill-organizzatur biex jittrasferixxi l-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar tiegħek.
- Twaqqaf il-kuntratt: madankollu l-organizzatur jista' jnaqqas tariffa raġonevoli mir-rifużjoni tiegħek, skont, b'mod partikolari, meta tikkanċella l-pakkett.
Dawn id-drittijiet huma indipendenti minn kwalunkwe dritt li jista' jkollok taħt polza tal-assigurazzjoni ta' kanċellazzjoni li jista' jkollok.
Kanċellazzjoni mill-organizzatur: f'kundizzjonijiet normali, jekk l-organizzatur jikkanċella l-bejgħ qabel il-bidu tal-pakkett tiegħek, int intitolat għal rifużjoni u kumpens fejn adatt.
Kanċellazzjoni f'ċirkostanzi eċċezzjonali: jekk iseħħ diżastru naturali jew jekk ikun hemm problemi ta' sigurtà serji fid-destinazzjoni tal-vaganza tiegħek li x'aktarx jaffettwaw il-pakkett, l-organizzatur jista' jikkanċella l-pakkett. Bħala vjaġġatur, int ukoll liberu li tikkanċella l-pakkett tiegħek bla ħlas għall-istess raġunijiet. F'dawn il-każijiet, int intitolat għal rifużjoni sħiħa ta' kwalunkwe pagament li tkun għamilt iżda ma tkunx intitolat għal kumpens addizzjonali.
Twissija
Minħabba l-pandemija tal-coronavirus li għaddejja bħalissa, l-organizzaturi joffru vouchers li tista' tifdi aktar tard bħala alternattiva għar-rimborż. Madankollu, bħala klijent, għandek l-għażla li titlob rimborż fi flus kontanti.
Il-pakkett tal-ivvjaġġar – ir-responsabbiltà għal prestazzjoni xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar
L-organizzatur hu responsabbli għall-prestazzjoni xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar kollha inklużi fil-pakkett tiegħek.
Jekk servizz tal-ivvjaġġar ma jistax jingħata kif miftiehem, pereżempju jekk fornitur ma jistax iwettaq servizz miftiehem jew ma jistax jagħmel dan bil-mod li kien hemm qbil dwaru (bħall-għoti ta' trasport lejn u mid-destinazzjoni, l-għoti ta' tip miftiehem ta' akkomodazzjoni, jew it-twettiq ta' tour bi gwida li tkun ibbukkjajt), l- organizzatur irid isolvi l-problema mingħajr spejjeż żejda għalik.
Jekk ikun impossibbli li jsiru arranġamenti alternattivi jew jekk tirrifjuta l-arranġamenti offruti u jkollok raġunijiet validi, u l-pakkett jinkludi t-trasport tiegħek (bħall-ivvjaġġar bl-ajru), l-organizzatur irid joffri li jieħdok lura minn fejn tlaqt. Jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jilħqux l-istandards miftiehma u dan ma jistax ikun solvut fuq il-post, hemm mnejn tkun intitolat għall-kumpens.
Il-pakkett tal-ivvjaġġar – l-assistenza għall-vjaġġaturi
Jekk issib ruħek f'diffikultajiet matul il-vaganza b'kollox inkluż tiegħek, pereżempju jekk ikollok problemi ta' saħħa jew titlef il-passaport, l- organizzatur irid joffrilek l-assistenza, bħall-informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa jew l-assistenza konsulari, u għandu jgħinek tagħmel arranġamenti tal-ivvjaġġar alternattivi jekk ikun meħtieġ.
Arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta
L-arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (LTAs) huma żewġ servizzi tal-ivvjaġġar jew aktar li jinxtraw minn kummerċjanti differenti b'kuntratti separati, iżda li huma marbuta. Dawn huma kklassifikati bħala arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta meta kummerċjant wieħed jiffaċilita l-ibbukkjar tas-servizzi sussegwenti, u dawn huma mixtrija għall-fini tal-istess vjaġġ jew vaganza.
L-arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta japplikaw biss jekk il-kombinazzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar ma jikkostitwixxux pakkett (ara hawn fuq) u kummerċjant jiffaċilita:
- l-ibbukkjar abbażi ta' żjara waħda jew kuntatt uniku mal-punt ta' bejgħ tiegħu/tagħha, eż. waqt żjara lil aġent tal-ivvjaġġar jew sit web
jew
- ibbukkjar ieħor li int twettaq għal servizz tal-ivvjaġġar ieħor, b'reazzjoni għal invit immirat, pereżempju b'email jew link tal-web, u int tikkonkludi kuntratt għat-tieni servizz tal-ivvjaġġar minn fornitur ieħor fi żmien 24 siegħa wara li tirċievi l-konferma tal-ibbukkjar tal-ewwel servizz tal-ivvjaġġar.
Kombinazzjoni ta' servizz tal-ivvjaġġar bħall-akkomodazzjoni u servizz turistiku ieħor bħal tour bi gwida jew dħul għal kunċert, jista' jkun biss ikklassifikat bħala arranġament tal-ivvjaġġar marbut jekk is- servizz addizzjonali jammonta għal 25% jew aktar mill-valur globali tal-vjaġġ, jew jekk is-servizz hu fattur essenzjali tal-vjaġġ.
Storja bħala eżempju
L-ibbukkjar ta' arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta
Laura mill-Italja ibbukkjat u ħallset għal titjira għall-vaganza tagħha lejn l-Irlanda direttament mal-linja tal-ajru. Ftit wara li rċeviet email ta' konferma għat-titjira tagħha, irċeviet email b'link għal katina ta' lukandi fl-Irlanda li kienu joffru offerta tajba għal waqt li tkun l-Irlanda. Laura ddeċidiet li taċċetta l-offerta u kkonkludiet kuntratt mal-katina tal-lukandi dakinhar stess.
L-arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – informazzjoni ċara u preċiża
Il-kummerċjant li qed jiffaċilita l-arranġament tal-ivvjaġġar marbut irid jagħtik informazzjoni ċara dwar drittijietek, abbażi ta' formola standardizzata tal-UE, li tispjega li ġejt offrut arranġament tal-ivvjaġġar marbut (mhux pakkett) u li telenka d-drittijiet tiegħek.
Responsabbiltà għal żbalji ta' bbukkjar
Dawn ir-regoli japplikaw għall-pakketti tal-ivvjaġġar u l-LTAs.
Meta tibbukkja vaganza, il-kummerċjant responsabbli (l-aġent tal-ivvjaġġar jew l-aġenzija tal-ivvjaġġar online) hu responsabbli jekk iseħħ xi ħaġa minn dawn li ġejjin waqt il-proċess tal-ibbukkjar:
- difetti tekniċi fis-sistema tal-ibbukkjar
- żbalji magħmula mill-bejjiegħ bl-imnut jekk huma responsabbli li jirranġaw l-ibbukkjar ta' pakkett jew ta' servizzi tal-ivvjaġġar li huma parti minn arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta.
Il-kummerċjanti mhumiex responsabbli għal kwalunkwe żball magħmul minnek, jew problemi li jitqiesu li ma setgħux jiġu evitati jew li seħħew minħabba ċirkostanzi straordinarji.
Il-protezzjoni f'każ ta' falliment
Dawn ir-regoli japplikaw għall-pakketti tal-ivvjaġġar u l-LTAs.
Jekk il-kummerċjant li bbukkjajt il-vaganza miegħu jfalli, int protett mill- protezzjoni tal-insolvenza. Dan jista' jkun fond, assigurazzjoni jew kwalunkwe mekkaniżmu ieħor fis-seħħ f'pajjiżek tal-UE. Dan se jirrifondilek kwalunkwe pagament li tkun għamilt u jekk ikun meħtieġ, se jieħdok lura minn fejn ġejt jekk dan kien inkluż fil-pakket jew l-LTA tiegħek.