Validità tal-assigurazzjoni tal-karozza fl-UE
Il-validità tal-assigurazzjoni obbligatorja u fakultattiva
Meta tirreġistra karozza fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, għandek tinxurjaha għar- responsabbiltà ta' terzi. Din l- assigurazzjoni obbligatorja hija valida fil-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE. Din tkoprik jekk ikollok aċċident li jikkawża ħsara fuq proprjetà jew jekk xi ħadd minbarra s-sewwieq iweġġa'. Din ma tkoprix spejjeż oħra (eż. l-ispejjeż ta' tiswijiet lill-vettura tiegħek).
Tista' takkwista wkoll assigurazzjoni addizzjonali, fakultattiva, imsejħa responsabbiltà tal-ewwel parti, li tkopri riskji oħra. Din l-assigurazzjoni testendi l-kopertura tiegħek (eż. għal korrimenti lis-sewwieq, ħsara lill-vettura tiegħek, serq tal-vettura tiegħek/il-kontenuti tagħha, vandaliżmu, u assistenza legali).
Ma hemmx regoli tal-UE dwar l-assigurazzjoni addizzjonali fakultattiva tal-karozza. Ara t-termini u l-kundizzjonijiet mal-assiguratur lokali tiegħek qabel ma ssiefer. L-assiguraturi jistgħu japplikaw regoli differenti f'kull pajjiż. Għalhekk, l-assigurazzjoni tista' tkun limitata biż-żmien (eż. xahar barra l-pajjiż) jew bid-distanza (eż. 150 km mill-fruntieri ta' pajjiżek), jew tista' teskludi xi pajjiżi għal ċerti tipi ta' riskji (bħal serq).
L-assigurazzjoni tal-karozza tiegħek fil-pajjiż ospitanti
Għandek tirreġistra l-karozza tiegħek fil-pajjiż li normalment tgħix fih. Ma għandekx għalfejn tirreġistra l-karozza tiegħek fil-pajjiż li qed jospitak jekk tista' turi li int qed toqgħod hemm temporanjament biss eż. bħala student.
Meta tirreġistra, ikollok tippreżenta prova li għandek kopertura ta' assigurazzjoni.
L-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-karozzi għandhom jaċċettaw il-kopertura tal-assigurazzjoni minn kwalunkwe kumpanija tal-assigurazzjoni:
- ibbażata f'dak il-pajjiż jew b'uffiċċju hemmhekk
- mingħajr uffiċċji f'dak il-pajjiż iżda awtorizzata li tipprovdi servizzi fih.
Twissija
Jekk se tiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor tal-UE trid terġa' tirreġistra l-karozza tiegħek u trid tiċċekkja mal-kumpanija tal-assigurazzjoni jekk il-kuntratt attwali tiegħek ikunx validu fil-pajjiż li se tgħix fih.
Fil-prinċipju, tista' wkoll tinxurja l-karozza tiegħek f'pajjiż tal-UE differenti mill-pajjiż ta' residenza tiegħek. Iżda ftakar li trid tiċċekkja jekk il-kumpanija tal-assigurazzjoni toffrix servizzi internazzjonali.
Storja bħala eżempju
L-assigurazzjoni minn pajjiżi hija valida barra?
Lazlo, li huwa mis-Slovenja, mar jgħix l-Irlanda, hu ħa miegħu l-karozza tiegħu, li għaliha għandu polza ta' assigurazzjoni standard Slovena.
Ladarba jasal l-Irlanda, hu jrid jirreġistra l-karozza tiegħu mal-awtoritajiet Irlandiżi u jrid jara jistax isuq bl-assigurazzjoni Slovena tiegħu. Jekk dan mhux il-każ, ikollu jagħmel assigurazzjoni ġdida fl-Irlanda.
Sib aktar informazzjoni dwar ir-regolamenti nazzjonali li jikkonċernaw l-assigurazzjoni tal-karozza
Agħżel il-pajjiż
Il-Kummissjoni Ewropea mhix responsabbli għall-kontenut tas-siti web esterni.
Assigurazzjoni ġdida barra pajjiżek
Jekk il-kuntratt kurrenti tiegħek mhux validu fil-pajjiż fejn sejjer tgħix, jew jiskadi jekk terġa' tirreġistra l-karozza tiegħek hemmhekk, tista' tikkuntattja l-uffiċċji nazzjonali tal-kard ħadra / iċ-ċentri għall-informazzjoni biex tistaqsi dwar il-kumpaniji li joffru assigurazzjoni fuq il-karozzi f'dak il-pajjiż.
Primjums tal-assigurazzjoni u rekord tal-klejms
Il-primjums tal-assigurazzjoni ta' vetturi bil-mutur huma differenti minn pajjiż tal-UE għal ieħor, l-aktar minħabba d-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali, il-valutazzjonijiet tar-riskju u skemi ta' kumpens jew amministrazzjoni tal-klejms internazzjonali kumplessi u li jiswew ħafna flus.
F'xi pajjiżi tal-UE ir-rekord tal-klejms tiegħek jista' jaffettwa l-primjums tal-assigurazzjoni tiegħek. Jista' jkun li smajt bis-sistemi ta' no-claims discount, no-claims bonus jew bonus-malus. Jekk ma tiddikjarax klejms matul is-sena, l-assiguratur tiegħek jista' jagħtik skont meta ġġedded il-kuntratt tiegħek. Iżda jekk tagħmel klejm, tista' tintalab tħallas aktar.
Tista' titlob lill-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek meta trid biex tingħata rekord tal-klejms tiegħek tal-aħħar ħames snin. Għandhom jagħtuk dan fi 15-il ġurnata.
Iżda jekk jeħtieġlek tinxurja l-karozza f' pajjiż ieħor tal-UE, il-kumpanija tal-assigurazzjoni l-ġdida mhix obbligata li tqis ir-rekord tal-klejms preċedenti tiegħek (jew kwalunkwe tnaqqis li tista' tkun eliġibbli għalih) meta jkun ikkalkulat il-primjum tiegħek.
Twissija
Iżda xi assiguraturi jistgħu jqisu r-rekord tal-klejms tiegħek, għalhekk dejjem fittex kumpaniji differenti.
Storja bħala eżempju
Għandi rekord tajjeb għas-sewqan f'pajjiżi. Għaliex il-kumpanija tal-assigurazzjoni fil-pajjiż barrani qed titlobni biex inħallas primjum ogħla?
Rosa hi mill-Italja u reċentement marret tgħix fi Franza. Kienet ilha ssuq għal 10 snin mingħajr ebda klejm u b'hekk il-primjums għall-assigurazzjoni Taljana tagħha kienu relattivament irħas.
Diversi kumpaniji tal-assigurazzjoni Franċiżi rrifjutaw li jqisu r-rekord ta' Rosa fl-Italja, għalhekk hi daret ftit sakemm sabet waħda li kienet lesta li tagħmel dan – li għamlithielha possibbli li takkwista assigurazzjoni irħas.