Kopertura tas-sigurtà soċjali barra minn pajjiżek

Hemm 2 fatturi li jiddeterminaw minn liema pajjiż int kopert:

  • is- sitwazzjoni ta' xogħol tiegħek (impjegat, taħdem għal rasek, bla xogħol, stazzjonat barra l-pajjiż, taħdem fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera minn fejn tgħix, eċċ.)
  • il-pajjiż ta' residenza tiegħek - mhux in-nazzjonalità tiegħek.

Ma tistax tagħżel f'liema pajjiż tkun kopert.

Meta taħdem jew tgħix f'pajjiż ieħor, ikollok is-sigurtà soċjali jew minn pajjiżek jew mill-pajjiż li qed jospitak. Fi kwalunkwe każ, ikollok tagħmel arranġamenti biex tiżgura li tibqa' kopert wara li tmur fil-pajjiż il-ġdid.

Biex tevita problemi u nuqqas ta' ftehim li jistgħu jkunu serji, fittex ftit dwar is- sigurtà soċjali tal-pajjiż il-ġdid.

X'tagħmel jekk tkun:

Bħala ħaddiem migrant fl- UE - impjegat jew li taħdem għal rasek - għandek tirreġistra mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż li qed jospitak.

B'hekk int u d-dipendenti tiegħek tkunu koperti bis-sistema ta' sigurtà soċjali ta' dak il-pajjiż. Il- benefiċċji tiegħek relatati mal-mard, il-familja, il-qgħad, il-pensjonijiet, l-inċidenti u l-mard relatati max-xogħol, l-irtirar bikri u l-mewt jiġu ddeterminati mil-liġijiet lokali.

Perjodi ta' kwalifika

F'ħafna pajjiżi, il-benefiċċji li inti intitolat għalihom jiddependu fuq kemm tkun ilek tħallas il-kontribuzzjonijiet.

Il-pajjiż fejn tikklejmja l-benefiċċji jkollu jqis il-perjodi kollha li int ħdimt jew il-kontribuzzjonijiet kollha li ħallast f'pajjiżi oħra tal-UE daqslikieku ilek kopert fil-pajjiż mill-bidu.

Jekk dan ma jsirx, ikkuntattja s- servizzi tal-assistenza tagħna biex jgħinuk.

Storja bħala eżempju

Kull perjodu ta' xogħol fl-UE jgħodd għall-benefiċċji

Ania (Pollakka) ħadmet 6 snin fil-Polonja qabel ma marret il-Ġermanja, fejn ħadmet għal sentejn.

Imbagħad ħabtet bil-karozza u spiċċat ma timxix, allura applikat għall-pensjoni tal-invalidità kemm fil-Polonja kif ukoll fil-Ġermanja.

L-awtoritajiet Ġermaniżi ċaħdu l-applikazzjoni ta' Ania għax kienet ilha inqas minn 5 snin taħdem hemm (iż-żmien minimu biex tikkwalifika għall-pensjoni tal-invalidità fil-Ġermanja).

Madankollu, meta ħadmu s-snin ta' ħidma ta' Ania, l-awtoritajiet misshom inkludew iż-żmien li ħadmet fil-Polonja. Dan kien iwassal għal perjodu ta' 8 snin, sew 'il fuq mill-minimu tal-Ġermanja.

Għaldaqstant, Ania suppost li kienet intitolata għall-pensjoni tal-invalidità kemm mill-Ġermanja kif ukoll mill-Polonja - kull pajjiż iħallas il-proporzjon skont kemm Ania ħadmet hemm.

Jekk int impjegat jew professjonista li taħdem għal rasek tista' taħdem temporanjament bħala ħaddiem stazzjonat f' pajjiż ieħor tal-UE iżda tibqa' kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali f'pajjiżek.

Dan mhu se jkollu ebda impatt fuq id-drittijiet ta' sigurtà soċjali tiegħek jew ta' familtek: il-kopertura tas-saħħa, l-allowances tal-familja, il-pensjoni ta' diżabbiltà jew tax-xjuħija.

Aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa

Biex taċċessa s-servizzi tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn inti stazzjonat, ara li jkollok il- Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC). Tista' tikseb EHIC mill-fornituri tal-kura tas-saħħa tiegħek jew mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali f'pajjiżek.

Jekk, madankollu, iċċaqlaq ir-residenza tiegħek għall-pajjiż li qed jospitak, int jew l-impjegatur tiegħek għandu jikkuntattja lill-awtoritajiet tal-kura tas-saħħa f'pajjiżek u tintalab il-formola (PD S1) Dokument Portabbli S1 minflok. Imbagħad trid tirreġistra l-PD S1 mal-awtoritajiet tal-kura tas-saħħa tal-pajjiż ospitanti mal-wasla.

Kopertura mis-sistema tas-sigurtà soċjali f'pajjiżek

Il-formola PD A1 hi prova li int tibqa' kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali f'pajjiżek waqt li tkun stazzjonat f'pajjiż ieħor tal-UE. Il-formola PD A1 tinħareġ għal perjodu ta' mhux aktar minn 24 xahar. Jekk l-istazzjonar tiegħek huwa itwal, tista' tintalab estensjoni tal-validità tal-formola PD A1 tiegħek minnek jew minn min iħaddmek. Dan huwa soġġett għall-ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet f'pajjiżek u l-pajjiżi ospitanti.

Jekk int impjegat, ara li min iħaddmek jinforma lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ospitanti tiegħek minn qabel u li jitlob il-formola PD A1.

Jekk taħdem għal rasek, trid tinforma minn qabel lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż li qed jospitak, u titlob formola PD A1 mill- istituzzjoni tas-sigurtà soċjali PDF en f'pajjiżek. Biex tkun eliġibbli għall-formola PD A1, trid tagħti prova li l-attivitajiet li se twettaq barra minn pajjiżek huma simili għal dawn li wettaqt f'pajjiżek. Biex tissodisfa dan ir-rekwiżit, trid:

  • tkun ħdimt bħala persuna li taħdem għal rasha f'pajjiżek. Il-perjodu ta' żmien meħtieġ ivarja minn pajjiż tal-UE għal ieħor, iżda dan jista' jkun anke xahrejn biss.
  • tissodisfa r-rekwiżiti biex tkompli taħdem bħala persuna li taħdem għal rasha mar-ritorn tiegħek f'pajjiżek.

Għandek tkun tista' tippreżenta l-formola PD A1 lill-awtoritajiet fi kwalunkwe ħin matul l-istazzjonar tiegħek barra, pereżempju, f'każ ta' verifika fuq il-post mill-ispettorat tax-xogħol. Sakemm ikollok formola A1 valida, l-awtoritajiet fil-pajjiż li qed jospitak għandhom jirrikonoxxuha.

Stazzjonar ta' aktar minn 24 xahar

Peress li l-formola PD A1 tiegħek hija valida għal 24 xahar biss, jekk l-istazzjonar tiegħek f'pajjiż ieħor tal-UE jdum aktar, tista' jew:

  • taqleb għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż li qed jospitak u tħallas il-kontribuzzjonijiet hemm jew
  • tapplika għal estensjoni tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tiegħek u tibqa' kopert f'pajjiżek.

Tingħata estensjoni tas-sigurtà soċjali jekk jintlaħaq ftehim reċiproku bejn il-pajjiżi involuti fl-istazzjonar tiegħek u jekk l-estensjoni tkun fl-interess tiegħek. Biex titlob estensjoni, int u min iħaddmek tridu tikkuntattjaw lill-awtorità kompetenti li ħarġet il-PD A1 tiegħek qabel ma tiskadi.

Meta tmur lura fil-pajjiż fejn taħdem se tkun kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali hemmhekk. Tista' tintbagħat f'pajjiż ieħor iżda biss wara li jkun għadda ċertu perjodu ta' żmien minn meta tirritorna f'pajjiżek (perjodu ta' xahrejn jitqies li jkun biżżejjed minn ħafna pajjiżi tal-UE).

Jekk taħdem maċ-ċivil u ġejt issekondat f' pajjiż ieħor tal-UE (f'ambaxxata, konsulat jew istituzzjoni uffiċjali oħra), se tkun kopert bis-sistema ta' sigurtà soċjali f'pajjiżek.

Dan ifisser li l- benefiċċji tiegħek relatati mal-mard, il-familja, il-pensjonijiet, l-inċidenti u l-mard relatati max-xogħol, l-irtirar bikri u l-mewt jiġu determinati skont il-liġijiet ta' pajjiżek.

Japplikaw sett ta' regoli ġodda jekk tisfa bla xogħol waqt li tkun issekondat.

Bħala ħaddiem bejn il-fruntieri - kemm jekk int impjegat jew taħdem għal rasek:

  • Tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u inti kopert mill- pajjiż tal-UE fejn taħdem.
  • Madankollu tista' tikseb kura medika fil-pajjiż fejn tgħix.
  • Jekk titlef xogħlok, għandek tapplika għall-benefiċċji fil-pajjiż fejn tgħix.

Twissija

Japplikaw regoli speċjali għall- kura tas-saħħa u għall- qgħad. Kun ċert li tifhem ukoll kif id- drittijiet tal-pensjoni u l- benefiċċji tal-familja tiegħek se jkunu affettwati.

Storja bħala eżempju

Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali - jitħallsu biss fil-pajjiż fejn taħdem

Balázs kien jgħix l-Ungerija u jaħdem l-Awstrija. Kien iħallas il-kontribuzzjonijiet fl-Awstrija. Madankollu, l-awtoritajiet Ungeriżi issa qed isostnu li kellu jħallas il-kontribuzzjonijiet fl-Ungerija.

Il-ħaddiema ta' bejn il-fruntieri fl-UE huma koperti minn sistema ta' sigurtà nazzjonali waħda — fil-pajjiż fejn jaħdmu. Dak li qed jgħidu l-awtoritajiet Ungeriżi mhux minnu.

Ir-regola bażika hija li jekk taħdem f'aktar minn pajjiż wieħed tal-UE iżda tagħmel parti sostanzjali mill-attivitajiet professjonali tiegħek fil-pajjiż fejn tgħix, int kopert mis-sistema ta' sigurtà soċjali tal-pajjiż ta' residenza tiegħek.

Twissija

" Parti sostanzjali" tal-attivitajiet tiegħek tfisser tal-inqas 25% tal-ħin tax-xogħol u/jew tal-introjtu tiegħek. Jekk int taħdem għal rasek, jistgħu jkunu wkoll rilevanti l-fatturat u l-għadd ta' servizzi mogħtija meta jiġi kkalkulat dan il-perċentwal.

Każijiet speċjali

Jekk int ...

Int kopert...

impjegat iżda m'għandek ebda attività sostanzjali fil-pajjiż ta' residenza tiegħek

fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali jew in-negozju ta' min iħaddmek

taħdem għal żewġ impjegaturi b'uffiċċji prinċipali f'pajjiżi differenti, wieħed fil-pajjiż ta' residenza tiegħek u ieħor barra l-pajjiż ta' residenza tiegħek iżda m'għandek ebda attività sostanzjali fil-pajjiż ta' residenza tiegħek

fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali ta' min iħaddmek jew il-post tan-negozju barra mill-pajjiż ta' residenza tiegħek

taħdem għal żewġ impjegaturi b'uffiċċji prinċipali f'pajjiżi differenti barra l-pajjiż ta' residenza tiegħek iżda m'għandek ebda attività sostanzjali fil-pajjiż ta' residenza tiegħek

fil-pajjiż ta' residenza tiegħek

taħdem għal rasek iżda m'għandek ebda attività sostanzjali fil-pajjiż ta' residenza tiegħek

fejn jinsab iċ-ċentru ta' interess tal-attivitajiet tiegħek

impjegat f'pajjiż u twettaq xogħol għal rasek f'pajjiż ieħor

fil-pajjiż fejn int impjegat

Qed tieħu l-benefiċċji tal-qgħad?

Jekk qed tieħu l-benefiċċju tal-qgħad mill- pajjiż tal-UE li fih spiċċajt bla xogħol, id-drittijiet (bħall-assikurazzjoni tas-saħħa, l-allowance tal-familja, l-invalidità jew id-drittijiet għall-pensjoni tax-xjuħ) tiegħek (jew tal-familja tiegħek) mhux se jiġu affettwati jekk tmur tfittex xogħol barra minn pajjiżek.

Biex tiżgura li int u familtek tkunu koperti għas-saħħa waqt li tkunu temporanjament f'pajjiż ieħor, tinsiex tikseb Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC).

Meta mbagħad issib xogħol, jistgħu japplikaw regoli differenti dwar is-sigurtà soċjali.

Ara ftit ir-regoli ta' pajjiżek

M'intix tieħu l-benefiċċji tal-qgħad?

Jekk m'intix tirċievi benefiċċju mill-pajjiż tal-UE li fih spiċċajt bla xogħol u tmur f'pajjiż ieħor tal-UE biex tfittex ix-xogħol, l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali se jiddeċiedu b'liema sistema ta' sigurtà soċjali se tkun kopert (kopertura tas-saħħa, benefiċċji tal-familja, eċċ...).

L-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali jiddeterminaw dan bl-għajnuna ta' lista ta' kriterji li jinkludu:

  • it-tul ta' żmien tas-soġġorn
  • l-istatus u r-rabtiet tal-familja
  • is-sitwazzjoni ta' domiċilju
  • il-post tal-aħħar attività professjonali jew ta' bla qligħ
  • in-natura tal-attività professjonali
  • fejn int resident għal raġunijiet ta' taxxa.

Il-pajjiż responsabbli għas-sigurtà soċjali tiegħek jista' jagħmel l-intitolament tiegħek għall-benefiċċji dipendenti fuq għal kemm żmien inti ħallast il-kontribuzzjonijiet. Madankollu, ikollu jqis il-perjodi kollha li int ħdimt jew ħallast il-kontribuzzjonijiet f'pajjiżi oħra tal-UE daqslikieku ilek kopert fil-pajjiż mill-bidu.

Jekk dan ma jsirx, ikkuntattja s- servizzi tal-assistenza tagħna biex jgħinuk.

Bħala persuna li tkun għadha tasal fil-pajjiż biex tfittex ix-xogħol, int għandek id-dritt li tgħix f'dak il-pajjiż biex tfittex xogħol sa 6 xhur - u aktar fit-tul, diment li jkollok il-provi li għadek qed tfittex xogħol u li għandek ċans tajjeb li ssib wieħed.

Għaldaqstant kun ċert li żżomm kopji ta':

  • l-applikazzjonijiet tiegħek għax-xogħol
  • kwalunkwe stediniet għal intervisti għal xogħol
  • kwalunkwe risposti oħra li tirċievi

Twissija

Ir-regoli tal-UE ma jobbligawx lill-pajjiż il-ġdid tiegħek jagħti appoġġ ta' dħul jew xi tip ta' assistenza soċjali oħra lil min qed ifittex xogħol għall-ewwel darba f'dak il-pajjiż.

Storja bħala eżempju

Ara daqsxejn jekk intix intitolat għal appoġġ finanzjarju bħala xi ħadd li qed ifittex ix-xogħol f'pajjiż ġdid

Björn huwa Ġermaniż u kien qed jirċievi l-benefiċċji tal-qgħad Ġermaniżi tiegħu fil-Belġju. Meta l- U2 form (dik li qabel kienet il-formola E 303) tiegħu skadiet, Björn iddeċieda li jibqa' l-Belġju u japplika għall-appoġġ tad-dħul hemmhekk.

L-awtoritajiet Belġjani ma aċċettawx l-applikazzjoni tiegħu. Skont il-liġi Belġjana, Björn ma kienx intitolat għall-appoġġ tad-dħul fil-Belġju għax qatt ma kien ħadem hemm.

Skont ir-regoli tal-UE għandek dritt awtomatiku għal appoġġ finanzjarju (jew kwalunkwe tip ieħor ta' għajnuna) bħala wieħed li qed ifittex ix-xogħol għall-ewwel darba f'pajjiż ieħor tal-UE. Iżda tista' tkun intitolat skont regoli nazzjonali - dejjem jiswa li tiċċekkja mal-awtoritajiet lokali.

Nacionalinę informaciją rasite toliau.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 04/09/2024
Ikkondividi din il-paġna