Pagamenti elettroniċi u fi flus
Tranżazzjonijiet elettroniċi
Ir-regoli tal-UE dwar il-pagamenti jfissru li int u l-klijenti tiegħek tistgħu tagħmlu u tirċievu tranżazzjonijiet elettroniċi faċilment. Dan ifisser li l-banek għandhom jiċċarġjawk l-istess rata għal pagament bl-euro fl-UE kollha bħal ma jagħmlu għal tranżazzjoni nazzjonali ekwivalenti.
Il-banek ibbażati f’pajjiżi tal-UE barra ż-żona tal-euro għandhom japplikaw ukoll din ir-regola, u ma jistgħux jiċċarġjawk aktar għal pagament bl-euro lejn/f’pajjiż ieħor tal-UE milli jagħmlu għal pagament domestiku fil-munita nazzjonali.
Mhux permess li tiġi ċċarġjat aktar talli tuża l-kards
Ma tistax tiċċarġja l-klijenti tiegħek ħlas addizzjonali talli jużaw kard ta’ kreditu jew ta’ debitu. Dan japplika għax-xiri kollu bil-kard (fil-ħwienet u online) magħmul fl-UE kollha.
Storja bħala eżempju
Kif tressaq ilment dwar ħlasijiet addizzjonali fuq il-kards
Kumpanija li tbigħ u tiddistribwixxi l-biljetti ċċarġjat lill-klijenti €6 għal użu ta’ kard ta’ kreditu meta xtraw biljett online. Klijent minnhom ma kienx kuntent u lmenta maċ-ċentru tal-konsumaturi lokali tiegħu. Iċ-ċentru tal-konsumaturi kkonferma li l-ħlasijiet addizzjonali fuq il-kards mhumiex permessi. Huma kkuntattjaw lill-kumpanija tal-biljetti u talbuha biex immedjatament tneħħi l-ħlasijiet addizzjonali fuq il-kards mill-għodda ta’ pagament online tagħha.
Konverżjoni dinamika tal-munita
Inti toffri lill-klijenti tiegħek għażla bejn li jħallsu bil-kard fil-munita tagħhom stess minflok fil-munita ta’ pajjiżek jew tas-sit web tiegħek?
Għandek tinfurmahom - fil-mument tax-xiri - dwar l-imposti relatati mas-servizz tal-konverżjoni tal-munita li toffri. Għandek tesprimi dawn l-imposti bħala marġni perċentwali fuq l-aktar rati ta' referenza reċenti tal-kambju tal-euro en disponibbli maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Storja bħala eżempju
Iċċarġjar lill-klijenti b’kard ta’ pagament barranija
Klijenti fil-lukanda tiegħek li għandhom kard barranija jistgħu jagħżlu li jħallsu għas-soġġorn bil-munita tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Għandek tibdel l-ammont tal-kont billi tuża r-rata tal-BĊE. U għandek tinforma lill-klijenti x’marġini perċentwali se tiċċarġja fuq dak l-ammont.
Nondiskriminazzjoni - pagamenti
Inti liberu li taċċetta kwalunkwe metodu ta’ pagament li tixtieq, iżda jekk il-klijenti tiegħek ikunu jridu jħallsu elettronikament (eż. debitu dirett jew pagament bil-kard) f’munita li tappoġġja, jeħtieġlek taċċetta l-pagament irrispettivament minn fejn jinsabu huma jew il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament tagħhom fl-UE.
Storja bħala eżempju
Aċċettar ta’ pagament bil-kards ta’ kreditu jew ta’ debitu bl-euro
Klijent ibbażat fil-Belġju xtara par żarbun ġdid minn ħanut online Ġermaniż b’kard tal-kreditu Finlandiża; il-kumpanija Ġermaniża trid taċċetta l-pagament għax is-sit web tagħha jgħid li l-kards tal-kreditu bl-euro huma metodu aċċettabbli ta’ pagament.
Awtentikazzjoni b’diversi fatturi
Trid tiżgura li n-negozju online tiegħek jista’ jwettaq awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur, bħall-awtentikazzjoni b’żewġ fatturi jew b’diversi fatturi. Dan ifisser li għal kull pagament online ta’ aktar minn €30, il-klijenti tiegħek se jkollhom bżonn jużaw taħlita ta’ minn tal-inqas żewġ elementi ta’ awtentikazzjoni, bħal:
- xi ħaġa li għandhom (bħal mobile jew card reader) U xi ħaġa li jafu (bħal PIN jew password)
- xi ħaġa li għandhom (bħal mobile jew card reader) U xi ħaġa li tappartjeni lilhom (bħal marki tas-swaba’ tagħhom)
- xi ħaġa li jafu (bħal PIN jew password) U xi ħaġa li tappartjeni lilhom (bħal marki tas-swaba’ tagħhom)
Iċċekkja kif int tista’ tissodisfa dan l-obbligu mal-fornitur tas-servizzi tal-pagament tiegħek.
Regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu
Kemm jekk taġixxi bħala negozju jew bħala individwu, inti għandek tapplika ċerti miżuri meta tidħol f’relazzjoni ta’ negozju jew meta twettaq tranżazzjonijiet okkażjonali ma’ klijenti biex tipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Dawn il-miżuri japplikaw għal operazzjoni waħda jew f’diversi operazzjonijiet li jidhru relatati, jekk int:
- tinnegozja f’oġġetti, u l-pagamenti jsiru jew jiġu rċevuti fi flus kontanti għal €10,000 jew aktar
- twettaq tranżazzjoni okkażjonali li tammonta għal €15,000 jew aktar
- tforni servizzi tal-logħob tal-azzard involut fil-ġbir ta’ rebħ jew ta’ mħatri ta’ flus, meta twettaq tranżazzjonijiet li jammontaw għal €2,000 jew aktar
F’dawn is-sitwazzjonijiet għandek tapplika kontrolli ta’ diliġenza dovuta tal-klijent, inklużi l-identifikazzjoni u l-verifika tal-identità tal-klijent kif ukoll tas-sid benefiċjarju - jiġifieri kwalunkwe persuna li fl-aħħar mill-aħħar tippossjedi jew tikkontrolla l-klijenti tiegħek, jew li saret it-tranżazzjoni f’isimhom. Jekk tissuspetta kwalunkwe attività suspettuża għandek tirrapportaha lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja en (FIU) fil-pajjiż tal-UE tiegħek.