Ir-regoli tal-offerti pubbliċi

Il-kuntratti pubbliċi jingħataw minn utenti ta' fondi pubbliċi u entitajiet li joperaw f'kundizzjonijiet speċifiċi mhux kompetittivi (pereżempju s-servizzi tal-enerġija, l-ilma, it-trasport pubbliku, u dawk postali), għall-akkwist ta' servizzi, provvisti jew xogħlijiet ta' inġinerija ċivili.

Normalment, il- kuntratti ta' valur medju u ogħla għandhom jingħataw permezz ta' proċeduri kompetittivi (offerti), għalkemm hemm esklużjonijiet u eċċezzjonijiet bħal:

  • l-akkwist ta' proprjetà immobbli
  • każijiet ta' urġenza estrema
  • sitwazzjonijiet fejn ikun hemm fornitur wieħed biss possibbli

Tipi ta' proċedura ta' offerta pubblika

Il-mod standard għall-għoti ta' kuntratti huwa permezz ta' sejħiet għal offerti kompetittivi. Fi ħdan l-offerti kompetittivi hemm tipi differenti ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku.

Proċedura miftuħa

Fi proċedura miftuħa kwalunkwe persuna tista' tissottometti offerta sħiħa. Din hi l-proċedura li tintuża l-aktar ta' spiss.

Proċedura ristretta

Kwalunkwe persuna tista' titlob li tipparteċipa fi proċedura ristretta, iżda dawk biss li jintgħażlu minn qabel jistgħu jissottomettu offerta.

Proċedura nnegozjata kompetittiva

Fi proċeduri nnegozjati kompetittivi kwalunkwe persuna tista' titlob li tipparteċipa, iżda dawk biss li jintgħażlu minn qabel jiġu mistiedna biex jissottomettu offerta inizjali u biex jinnegozjaw.

L-entitajiet tal-akkwist jistgħu jużaw din il-proċedura biss meta jkunu meħtieġa negozjati minħabba n-natura speċifika jew ikkumplikata tal-akkwist, madankollu, l-entitajiet tal-akkwist fis-setturi tad-difiża u s-sigurtà, is-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u dawk postali jistgħu jużawha bħala proċedura standard.

Djalogu kompetittiv

Din il-proċedura tista' tintuża minn awtorità kontraenti bl-għan li tipproponi metodu kif jiġi indirizzat bżonn definit mill-awtorità kontraenti.

Sħubija għall-innovazzjoni

Din il-proċedura tista' tintuża meta jkun hemm bżonn li jiġi akkwistat oġġett jew servizz li jkun għadu ma jinsabx fis-suq. Numru ta' kumpaniji jistgħu jipparteċipaw matul il-proċess.

Konkors tad-disinn

Din il-proċedura tintuża biex tinkiseb idea għal disinn.

Tekniki ta' sejħiet għall-offerti addizzjonali

Skont iċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet awtorità kontraenti tista':

  • tiffirma ftehim ta' qafas ma' kumpanija waħda jew ma' numru ta' kumpaniji għal offerti li jirrikjedu akkwisti rikorrenti
  • meta tuża l- proċedura ristretta - tawtorizza l-użu tas- sistema dinamika ta' xiri elettroniku biex tagħmel akkwisti rikorrenti
  • tiddeċiedi li biex tikseb l-aħjar offerta, l-għażla finali tar-rebbieħ issir permezz ta' rkant elettroniku

Meta u kif japplikaw ir-regoli tal-UE?

Il-proċeduri kollha tal-akkwist pubbliku fl-UE jitwettqu abbażi tar-regoli nazzjonali. Għal kuntratti ta' valur ogħla, dawn ir-regoli huma bbażati fuq regoli ġenerali tal-UE dwar l-akkwist pubbliku.

Il-limiti tal-valur ( limiti stabbiliti) li jimmarkaw meta jintużaw ir- regoli tal-UE jiddependu mis-suġġett tal-akkwist, u minn min qed jagħmel l-akkwist. Dawn il-limiti stabbiliti huma riveduti b'mod regolari u l-ammonti jiġu aġġustati ftit.

Il-limiti ewlenin huma:

  • EUR 143 000 għall-biċċa l-kbira tat-tipi ta' servizzi u provvisti mixtrija mill-awtoritajiet tal-gvern ċentrali
  • EUR 5 538 000 għal kuntratti ta' kostruzzjoni

Tista' tiċċekkja wkoll il- limiti stabbiliti dettaljati tal-akkwist pubbliku jew tivverifika l-limiti direttament mar-regoli nazzjonali tiegħek.

Għal offerti ta' valur iktar baxx, japplikaw biss ir-regoli nazzjonali tal-akkwist pubbliku iżda l-prinċipji ġenerali tal-UE tat-trasparenza u t-trattament ugwali għandhom jiġu rispettati.

Ikkompeti għal offerta pubblika – drittijietek

Offerti transfruntieri

Jekk il-kumpanija, l-organizzazzjoni jew l-istituzzjoni tiegħek hi stabbilita fl- UE, inti għandek id-dritt li tikkompeti għal offerta pubblika fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Għandek id-dritt li:

  • tikkompeti għal offerta pubblika f'pajjiż ieħor tal-UE mingħajr diskriminazzjoni
  • tuża dokumenti ta' prova (ċertifikati, diplomi, eċċ.) maħruġa minn pajjiżek
  • ikollok aċċess ugwali għall-informazzjoni kollha rigward l-offerti, irrispettivament mill-pajjiż tal-UE fejn inti stabbilit
  • ikollok aċċess għall- proċeduri ta' rieżami fil-pajjiż rispettiv

Meta tista' tiġi eskluż

Jista' jagħti l-każ li ma titħalliex tipparteċipa fi proċedura jekk inti jew il-kumpanija tiegħek ma tistax tiġi fdata, pereżempju l-offerent:

  • jiġi eskluż jekk ma jħallasx it-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tiegħu, jipparteċipa f'korruzzjoni jew għandu rabtiet ma' organizzazzjoni kriminali
  • jista' jiġi eskluż jekk hu fallut, jew ħati ta' kondotta professjonali ħażina serja

Tista' ssib id-deskrizzjoni dettaljata tar-raġunijiet għall-esklużjoni fid-Direttivi fit-taqsima tal-leġiżlazzjoni tal-UE (links fil-qiegħ tal-paġna), il-liġi tal-akkwist pubbliku nazzjonali tiegħek u fid-dokumenti pprovduti mill-entità tal-akkwist.

Meta għandha tiġi ppubblikata offerta pubblika fuq it-TED

Bħala regola ġenerali, l-offerti għall- kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt ir-regoli tal-UE għandhom jiġu ppubblikati fil-verżjoni online tas-Suppliment ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea - il-portal tat- Tenders Electronic Daily (TED). L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jagħżlu wkoll li jippubblikaw avviżi fil-portal tat-TED meta kuntratt ikun ta' valur aktar baxx. Fit-TED l- informazzjoni bażika għall-offerti hi disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

Avviż ta' informazzjoni minn qabel għal offerti li ġejjin

Entità tal-akkwist tista' wkoll tippubblika l-avviż ta' informazzjoni minn qabel (PIN) fil-portal tat-Tenders Electronic Daily (TED). L-għan tal-PIN huwa li jagħtik informazzjoni minn qabel dwar akkwist futur.

Normalment il-PIN jiġi ppubblikat bejn 35 jum u 12-il xahar qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt.

Meta offerta tiġi ppubblikata wara avviż ta' informazzjoni minn qabel, il-limitu ta' żmien biex jintbagħtu u jaslu l-offerti jista' jitnaqqas.

Evalwazzjoni

L-offerti huma evalwati billi jingħataw punti abbażi ta' kriterji ppubblikati minn qabel, b'kull kategorija li tiswa ċertu ammont; pereżempju l-prezz offrut jista' jkun jiswa 40%, il-karatteristiċi tekniċi 50% u l-impatt ambjentali 10%.

L-evalwazzjoni tal-offerti tista' tibda biss wara li tkun skadiet id-data għas-sottomissjoni.

Għoti ta' kuntratt

Għandek tiġi infurmat mill-iktar fis possibbli dwar jekk irbaħtx il-kuntratt jew le. Jekk ma tiġix magħżul, int intitolat għal spjegazzjoni għaliex l-offerta tiegħek ġiet miċħuda.

Jekk tħoss li kien hemm diskriminazzjoni kontrik, jew innutajt irregolaritajiet fil-proċedura, tista' titlob rieżami tal-proċedura jew tressaq ilment.

Fatturazzjoni elettronika

Jekk ingħatajt kuntratt pubbliku jew kuntratt ta' konċessjoni, għandek id- dritt li tibgħat fatturi elettoniċi – li jikkonformaw mal- Istandard Ewropew dwar il-Fatturazzjoni elettronika – lill-awtorità pubblika li tatek il-kuntratt.

L-amministrazzjonijiet nazzjonali ċentralizzati kollha fl-UE huma obbligati li jaċċettaw il-fatturi tiegħek. F'ċerti pajjiżi, l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell subċentrali wkoll se jibdew jaċċettaw fatturi elettroniċi minn April 2020. Ara x'inhi s-sitwazzjoni f'pajjiżek .

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 17/10/2024
Ikkondividi din il-paġna