Pagamenti, trasferimenti u ċekkijiet

Il-bank tiegħek irid jiċċarġjak l-istess rata għall-pagamenti f'euro fl-UE kollha kif jiċċarġja għal tranżazzjonijiet nazzjonali ekwivalenti.

Dan jinkludi kwalunkwe:

  • trasferiment bejn kontijiet tal-bank f'pajjiżi differenti tal-UE
  • ġbid ta' flus minn ATMs f'pajjiżi tal-UE
  • pagament bil-kard ta' debitu jew ta' kreditu fl-UE
  • tranżazzjoni ta' debitu dirett

Il-banek ibbażati f’pajjiżi tal-UE barra ż- żona tal-euro jridu wkoll japplikaw din ir-regola, u ma jistgħux jiċċarġjaw aktar għal pagament bl-euro lejn pajjiż ieħor tal-UE jew fi ħdanu minn dak li jiċċarġjaw għal pagament domestiku fil-munita nazzjonali.

Storja bħala eżempju

Il-pagamenti bl-euro huma l-istess bħall-pagamenti domestiċi

Jakub jgħix fiċ-Ċekja u għandu kont bankarju Ċek. Il-bank tiegħu jiċċarġjah 5Kč meta jittrasferixxi flus fil-koruna Ċeka lil xi kont bankarju Ċek ieħor.

Wara vaganza reċenti, Jakub ħtieġlu jittrasferixxi €150 f’kont bankarju ta’ ħabib fi Franza. Il-bank tiegħu jista’ jiċċarġjah biss l-istess rata li jiċċarġjah għal trasferiment bankarju f’koruna Ċeka fiċ-Ċekja – 5Kč – jew l-ekwivalenti f’euro.

Pagamenti siguri online

Jekk tixtieq tagħmel pagament online ta’ aktar minn €30, se jkollok bżonn tuża taħlita ta’ mill-inqas żewġ elementi ta’ awtentikazzjoni, bħal:

  • xi ħaġa li għandek (bħal mobile jew card reader) U xi ħaġa li taf (PIN jew password)
  • xi ħaġa li għandek (bħal mobile jew card reader) U xi ħaġa minn tiegħek (il-marka tas-swaba' tiegħek)
  • xi ħaġa li taf (PIN jew password) U xi ħaġa minn tiegħek (il-marka tas-swaba’ tiegħek)

Dan jagħmel il-pagamenti tiegħek aktar sikuri u siguri.

Tariffi għal meta tuża l-kard tiegħek

Meta tħallas għal xi ħaġa fl-UE permezz tal-kard ta’ kreditu jew ta’ debitu tiegħek, il-kummerċjanti u l-banek ma jistgħux jiċċarġjawk flus żejda – magħruf ukoll bħala “ħlas addizzjonali” – għar-raġuni biss li qed tuża kard partikolari. Din ir-regola tapplika għax-xiri kollu bil-kard (fil-ħwienet jew online) li twettaq f’pajjiżek jew f’pajjiż ieħor tal-UE.

Twissija

Il-kards ta’ kreditu u ta’ debitu maħruġin minn skemi ta’ partijiet terzi (bħal American Express u Diners Club), u l-kards ta’ kreditu kummerċjali jew korporattivi, fejn il-kont jintbagħat lil min jimpjegak, mhumiex koperti mir-regoli tal-UE dwar is-servizzi ta’ pagamenti, u xorta tista’ tiġi ċċarġjat aktar talli tuża dawn il-kards.

Għandek tkun taf li jekk qed tħallas b'muniti oħra tal-UE li mhumiex l-euro, xorta tista’ tiġi ċċarġjat tariffa għall-konverżjoni tal-munita mill-fornitur tal-kard tiegħek meta tuża l-kard f’pajjiż ieħor. Madankollu, il-fornitur tal-kard, il-bank tiegħek, il-kummerċjant jew is-sit web li twettaq it-tranżazzjoni jridu jinfurmawk dwar l-ammont ta’ kwalunkwe tariffa bħal din qabel ma taqbel max-xiri. Il-fornitur tal-kard tiegħek għandu jinfurmak b’dawn it-tariffi fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kard tiegħek u fuq pjattaforma elettronika faċilment aċċessibbli, bħal sit web jew app.

Storja bħala eżempju

M’għandikx tiġi ċċarġjat aktar talli tuża l-kard tiegħek

Clara mill-Awstrija xtaqet tixtri biljetti tal-ajru online. Għażlet il-biljetti tagħha fis-sit web tal-linja tal-ajru u marret tħallas. Madankollu, meta daħlet l-informazzjoni dwar il-kard ta’ kreditu tagħha, il-linja tal-ajru żiedet €10 mal-kont tal-ordni tagħha bħala tariffa talli qed tuża l-kard tal-kreditu.

Clara kkuntattjat liċ-Ċentru tal-Konsumatur Ewropew lokali tagħha, li qajjem ilment mal-linja tal-ajru. Il-linja tal-ajru ħallset lura t-tariffa ta’ €10 għall-prenotazzjoni tagħha, u mmodifikat ir-regoli tagħha biex tneħħi dan il-ħlas addizzjonali mill-proċess ta’ prenotazzjoni.

Frodi b’kard tal-ħlas

Ir-regoli tal-UE jillimitaw l-ammont li tista’ tintalab tħallas jekk tkun vittma ta’ frodi ta’ kard jew ta’ pagament – fejn il-kard jew il-kont tiegħek jiġu ddebitati mingħajr il-permess tiegħek. Fil-każijiet kollha, tista’ tintalab tħallas biss massimu ta’ €50 lejn l-ispiża ta’ pagamenti frodulenti.

Madankollu, f’każijiet fejn int ma kontx konxju mit-telf, is-serq jew il-miżapproprijazzjoni tal-fondi (jiġifieri l-kont tiegħek ġie ħħekkjat, jew il-kard kienet ikklownjata u ċċarġjata mingħajr ma kont taf), int ma jkollok tħallas xejn. Il-bank jew il-fornitur tal-kard tiegħek iridu jkopru l-ispejjeż kollha. Din ir-regola tapplika wkoll jekk it-telf kien ikkawżat minn impjegat tal-bank.

Flus imblukkati fuq il-kard tiegħek

Xi drabi meta tagħmel prenotazzjoni, bħal prenotazzjoni f’lukanda jew kiri ta’ karozza, tista’ tintalab tagħti d-dettalji tal-kard tiegħek bħala garanzija tal-prenotazzjoni tiegħek. Il-kummerċjant jista’ jistaqsik ukoll biex timblokka ammont partikolari ta’ flus fuq il-kard tiegħek meta tagħmel il-prenotazzjoni tiegħek. Dan ifisser li l-kummerċjant jirriserva parti mil-limitu ta’ kreditu jew mill-bilanċ tal-kont tiegħek biex ikopri kwalunkwe spiża li int mistenni tagħmel, bħas-servizz fil-kamra f’lukanda jew ħsara possibbli lil karozza tal-kiri.

Għandek tkun infurmat mill-kummerċjant li se jimblokka ammont fuq il-kard ta’ kreditu tiegħek, u int trid tagħti l-approvazzjoni tiegħek għal dan kif ukoll għall-ammont preċiż li se jiġi mblukkat.

Hekk kif tkun wettaqt il-pagament reali – pereżempju, meta toħroġ mil-lukanda u tuża l-kard ta’ kreditu biex tħallas il-kamra tiegħek, jew meta tirritorna l-karozza tal-kiri u tħallas il-kont finali – il-bank irid jirrilaxxa l-ammont imblukkat fuq il-kard ta’ kreditu tiegħek b’mod immedjat.

Storja bħala eżempju

L-ammonti mblukkati għandhom jiġu rilaxxati hekk kif tħallas

Boris mill-Ungerija mar Venezja għal tmiem il-ġimgħa mat-tfajla tiegħu. Meta waslu fil-lukanda tagħhom, il-lukanda ħadet id-dettalji tal-kard ta’ kreditu ta’ Boris. Il-lukanda infurmat lil Boris li xtaqu jimblukkaw ammont ta’ €500 biex ikopri l-prenotazzjoni tiegħu u kwalunkwe użu tas-servizzi tal-minibar u tar-ristoranti matul is-soġġorn tagħhom. Boris qabel li l-kard tiegħu tiġi mblukkata b’dan l-ammont.

Qabel telaq mil-lukanda, Boris ħallas il-kont tal-lukanda bil-kard ta’ kreditu tiegħu. Ġimgħa wara, meta pprova jibbukkja xi titjiriet bil-kard ta’ kreditu tiegħu, Boris induna li l-€500 kienu għadhom imblukkati fuq il-kard ta’ kreditu tiegħu. Hu ċempel lil-lukanda biex jilmenta. Dawn skużaw ruħhom għall-iżball tagħhom u immedjatament talbu lill-bank biex jirrilaxxa l-ammont imblukkat.

Diskriminazzjoni tal-IBAN

Jekk tixtieq tuża trasferimenti ta’ kreditu tas-SEPA jew debiti diretti tas-SEPA biex tħallas kontijiet, tixtri prodotti/servizzi online, tħallas taxxi jew tirċievi rifużjonijiet tat-taxxa/benefiċċji tal-qgħad jew benefiċċji oħra, il-kont tiegħek ma jistax jiġi rifjutat minħabba li jinsab f’pajjiż tal-UE differenti mill-kontroparti tiegħek. Dan huwa applikabbli biss jekk il-kontroparti tkun qed taċċetta tranżazzjonijiet bħal dawn minn kontijiet domestiċi. F’każ ta’ diskriminazzjoni tal-IBAN, jista’ jitressaq ilment quddiem l-awtorità kompetenti PDF en rilevanti fil-pajjiż tal-UE tal-kontroparti tiegħek

Debiti diretti

Jekk għandek stabbilit debitu dirett mill-kont tal-bank tiegħek, jista’ jkun li jsir pagament bi żball jew jittieħed ammont żbaljat – pereżempju jekk tikkanċella kuntratt ma’ fornitur, iżda d-debitu dirett isir xorta wara li jkun spiċċa l-kuntratt. F'dawn is-sitwazzjonijiet, għandek id-dritt għar- rimborż tal-pagament fi żmien 8 ġimgħat. Dan japplika għad-debiti diretti kollha, kemm f’pajjiżek kif ukoll għal debiti diretti transkonfinali fi ħdan l-UE.

X’għandek tagħmel jekk ikollok problema

Jekk ikollok xi problema biex twettaq pagamenti fl-UE, għandek tikkuntattja lill-bank jew lill-fornitur tal-kard tiegħek. Huma jridu jirrispondu bil-miktub għall-ilment tiegħek fi żmien 15-il jum (jew sa 35 jum f’ċirkostanzi eċċezzjonali). Għandu jkollhom ukoll proċedura tal-ilmenti formali stabbilita għall-konsumaturi.

Jekk għandek bżonn l-għajnuna biex jiġu rikonoxxuti drittijietek, tista’ tikkuntattja lill- FIN-NET Iftaħ bħala link estern għall-problemi mal-fornituri tas-servizzi finanzjarji, jew lill- ECC-Net għall-problemi mal-kummerċjanti.

Tista’ wkoll tirrapporta każijiet ta’ diskriminazzjoni tal-IBAN hawnhekk en . Dan se jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja mill-qrib u tgħin biex jissolvew ilmenti ta’ diskriminazzjoni tal-IBAN li jkunu ġew sottomessi lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Ċekkijiet

Ir-regoli tal-UE dwar it-tariffi tal-banek għal pagamenti internazzjonali u nazzjonali ma japplikawx għaċ-ċekkijiet.

Xi kultant ikun hemm tariffi ta' tranżazzjoni għoljin wisq biex wieħed isarraf ċekk minn pajjiż ieħor tal-UE. F’ħafna pajjiżi, iċ-ċekkijiet lanqas għadhom jiġu aċċettati bħala mezz ta’ pagament.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 04/11/2024
Ikkondividi din il-paġna