Dokumenti tal-ivvjaġġar għall-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE
Ir-rekwiżiti tal-passaport u tal-viża
Jekk int ċittadin minn pajjiż barra l-UE u tixtieq iżżur jew tivvjaġġa fl-UE, ikollok bżonn passaport validu u possibbilment viża. Il-passaport tiegħek għandu jkun validu għal mill-inqas 3 xhur wara d-data li fiha beħsiebek titlaq mill-UE u jrid ikun inħareġ fl-aħħar 10 snin. Dan ifisser li d-dokument tal-ivvjaġġar tiegħek irid ikun inħareġ fl-10 snin qabel dakinhar li tidħol fl-UE bil-kundizzjoni li jkun validu sa tmiem is-soġġorn tiegħek flimkien ma’ 3 xhur addizzjonali.
It-tfal u l-minuri għandu jkollhom il-passaport u l-viża tagħhom stess, jekk meħtieġ. Jista’ jkollok ukoll tippreżenta dokumenti ta’ sostenn oħra lill-uffiċjali tal-fruntiera mal-wasla, bħal ittra ta’ stedina, prova ta’ alloġġ, biljett ta’ ritorn jew ta’ vjaġġ bir-ritorn. Għar-rekwiżiti eżatti kkuntattja l-ambaxxata / il-konsulat tal-pajjiż tal-UE li biħsiebek iżżur.
Ir-regoli tal-UE dwar il-viża u ż-żona Schengen
L-UE għandha sett komuni ta’ regoli dwar il-viża li japplikaw għal soġġorni qosra (jiġifieri sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum) u għat-tranżitu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti fiż-żona Schengen. Dawn ir-regoli japplikaw f’29 pajjiż Ewropew: 25 pajjiż tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija u l-Iżvezja kif ukoll 4 pajjiżi mhux tal-UE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Kollettivament dawn il-pajjiżi jiffurmaw iż-żona Schengen en .
Twissija
Ir-regoli tal-UE dwar il-viża ma japplikawx għal Ċipru u l-Irlanda. Dawn il-pajjiżi joħorġu viżi skont ir-regoli nazzjonali tagħhom stess. Iċċekkja mal-ambaxxata / mal-konsulat għal aktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tad-dħul u kif tapplika għal viża għal wieħed minn dawn il-pajjiżi.
Jekk għandek viża jew permess ta’ residenza validu maħruġ minn wieħed mill-pajjiżi taż-żona Schengen (ara hawn fuq) tista’ tużahom ukoll biex tivvjaġġa lejn Ċipru. Madankollu, il-viżi jew il-permessi ta’ residenza maħruġin minn Ċipru mhumiex validi għall-ivvjaġġar lejn pajjiżi fiż-żona Schengen. Iċċekkja r-regoli speċifiċi li japplikaw jekk għandek karta ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE.
L-ivvjaġġar fiż-żona Schengen
Ladarba tkun qsamt il-fruntiera esterna ta’ Schengen u l-gwardji tal-fruntiera jkunu vverifikaw li d-dokumenti tiegħek jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dħul, ma tkunx soġġett għal aktar verifiki meta tivvjaġġa fiż-żona Schengen. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-pajjiżi ta’ Schengen jistgħu jintroduċu kontrolli temporanji fil-fruntieri interni tagħhom, sib informazzjoni aktar dettaljata en u l-lista ta’ pajjiżi li bħalissa għandhom dawn il-kontrolli fis-seħħ. Jekk qed tippjana li tivvjaġġa jew tgħaddi minn dawn il-pajjiżi, kun ċert li għandek il-passaport u dokumenti ta’ sostenn oħra miegħek.
Kif tapplika għal viża għal soġġorn qasir fiż-żona Schengen sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum (viża ta’ Schengen)
Jista’ jkollok bżonn viża skont in-nazzjonalità tiegħek. Hemm ukoll għadd ta’ pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżiti tal-viża għal soġġorni ta’ 90 jum jew inqas. Jekk teħtieġ viża, trid tapplika għand il-konsulat, l-ambaxxata (jew f’xi każijiet permezz ta’ fornitur estern tas-servizzi) tal-pajjiż li tkun qed iżżur qabel ma tivvjaġġa. Aqra aktar dwar kif tapplika għal viża ta’ Schengen en u d-dokumenti li trid tissottometti. Il-viża ta’ Schengen tiegħek awtomatikament tippermettilek tivvjaġġa lejn il-pajjiżi l-oħra ta’ Schengen (ara l-lista hawn fuq). Madankollu, jista’ jkollok bżonn viża biex iżżur pajjiżi li mhumiex parti miż-żona Schengen.
Innota li l-lista ta’ pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu viżi biex jivvjaġġaw lejn l-Irlanda tvarja kemxejn mill-pajjiżi l-oħra tal-UE.
Rifjut tad-dħul
Bħala ċittadin mhux tal-UE, jekk ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, pajjiż tal-UE jew ta’ Schengen jista’ jirrifjutalek id-dħul. Skont dawn ir-regoli jrid ikollok:
- dokument validu tal-ivvjaġġar
- viża (jekk meħtieġa, ħlief jekk għandek permess ta’ residenza validu jew viża valida għal soġġorn twil)
- ġustifikazzjoni għall-iskop u l-ispeċifiċitajiet taż-żjara tiegħek (inkluża prova ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti)
Dawn ir-regoli jkopru wkoll kwalunkwe twissija fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen en , li tista’, jekk preżenti, twassal biex id-dħul u s-soġġorn tiegħek jiġu rrifjutati għal raġunijiet ta’ theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE jew ta’ Schengen.
Jekk ġejt irrifjutat id-dħul, għandek id-dritt li tappella din id-deċiżjoni. L-appell tiegħek se jiġi ttrattat skont il-liġi nazzjonali fil-pajjiż fejn ġie rrifjutat id-dħul. Għalhekk, it-tnedija ta’ appell ma tissospendix awtomatikament id-deċiżjoni li jiġi rrifjutat id-dħul.
Ara wkoll:
Dokumenti tal-ivvjaġġar għall-membri tal-familja li mhumiex mill-UE
Dokumenti tal-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tar-Renju Unit u l-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu f’pajjiż tal-UE en