Drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija

Ir-regoli tal-UE dwar drittijietek bħala passiġġier tal-ferrovija meta tivvjaġġa bil-ferrovija japplikaw fl-UE, ġeneralment għall-vjaġġi u s-servizzi ferrovjarji kollha.

Twissija

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw xi servizzi ferrovjarji. Dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal ferroviji urbani, suburbani, reġjonali u domestiċi fuq distanzi twal u għal ferroviji li jitħaddmu strettament għal skopijiet storiċi jew turistiċi. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jeżentaw il-ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw mit-territorju tagħhom lejn pajjiżi mhux tal-UE - fejn il-biċċa l-kbira tal-vjaġġ iseħħ barra mill-UE u jinkludi mill-inqas waqfa skedata waħda f’pajjiż mhux tal-UE. Madankollu, il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jeżentaw vjaġġi ferrovjarji internazzjonali transfruntiera bejn il-pajjiżi tal-UE. Dejjem iċċekkja qabel ma tibbukkja l-vjaġġ tal-ferrovija tiegħek.

Meta tixtri l-biljett, il-kumpanija ferrovjarja jew il-bejjiegħ tal-biljetti għandhom jagħtuk informazzjoni ċara dwar:

  • il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-vjaġġ tiegħek
  • vjaġġi li jinkludu konnessjoni waħda jew aktar, jekk il-biljett (jew biljetti) li xtrajt huwa biljett globali
  • l-iskedi ta’ żmien u l-kundizzjonijiet għan-nollijiet kollha disponibbli, b’mod partikolari n-nollijiet l-aktar baxxi, kif ukoll l-iskedi tal-ħin u l-kundizzjonijiet għall-aktar vjaġġ veloċi
  • kwalunkwe tfixkil jew dewmien (aġġornamenti ppjanati u f’ħin reali)
  • l-aċċessibbiltà, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u d-disponibbiltá abbord tal-faċilitajiet għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa
  • is-servizzi disponibbli abbord (inklużi l-Wi-Fi u t-tojlits)
  • il-kapaċità disponibbli għar-roti, u r-regoli għall-ivvjaġġar b’rota
  • il-proċeduri għar-riklamazzjoni ta’ bagalji mitlufa
  • il-proċeduri ta' lment
  • drittijietek bħala passiġġier skont ir-regoli tal-UE u x’għandek tagħmel jekk il-ferrovija tiegħek tiġi kkanċellata jew tittardja

Matul il-vjaġġ tiegħek, l-operatur ferrovjarju jrid jagħti informazzjoni dwar is-servizzi abbord (inkluż il-Wi-Fi), l-istazzjon li jmiss, it-tfixkil u d-dewmien, il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u sikurezza u s-servizzi ta’ konnessjoni ewlenin. Jekk il-ferrovija tiegħek tittardja jew tiġi kkanċellata, l-operatur irid jagħtik informazzjoni dwar is-sitwazzjoni f’ħin reali u jipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħek.

X’mar ħażin?

Kif tista’ titlob id-drittijiet tiegħek?

Jekk taħseb li drittijietek ma ġewx rispettati, għandek l-ewwel tressaq ilment (fi żmien 3 xhur mill-inċident) lill-kumpanija ferrovjarja, li għandha twieġeb fi żmien xahar bi tweġiba motivata. F’każijiet debitament ġustifikati, il-kumpanija ferrovjarja tista’ twieġeb fi żmien 3 xhur.

Jekk ma tirċevix tweġiba mill-kumpanija ferrovjarja, tista’ tilmenta mal-awtorità nazzjonali rilevanti f’pajjiżek en . Jekk irċevejt tweġiba mill-kumpanija ferrovjarja iżda ma kontx sodisfatt, tista’ wkoll tilmenta mal-awtorità nazzjonali rilevanti f’pajjiżek fi żmien 3 xhur mir-rifjut tal-ilment tiegħek mill-kumpanija ferrovjarja. Għandek tindirizza l-ilment tiegħek lill-awtorità nazzjonali li tat il-liċenzja tal-kumpanija ferrovjarja. Il-proċedura tat-trattament tal-ilmenti tal-awtorità nazzjonali għandha tieħu massimu ta’ 3 xhur (jew 6 xhur għal każijiet kumplessi). L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdilek opinjoni legali mhux vinkolanti dwar kif għandek tipproċedi bit-talba tiegħek.

Tista’ wkoll tipprova ssolvi t-tilwima tiegħek bi proċedura barra mill-qorti jew għand entità tas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR). Jekk xtrajt il-biljett tiegħek online, tista' tissottometti l-ilment tiegħek permezz tal-pjattaforma ta’ Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR). L-ADR u l-ODR huma disponibbli għar-residenti tal-UE biss.

Tista’ tagħżel li tieħu azzjoni legali formali u tissottometti talba għal kumpens skont ir-regoli tal-UE billi tuża l-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Tista’ wkoll tressaq il-kwistjoni quddiem il-qrati fil-pajjiżi fejn huwa rreġistrat l-operatur ferrovjarju. Il-limiti ta’ żmien biex tressaq azzjoni kontra operatur ferrovjarju quddiem qorti nazzjonali huma definiti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-limitazzjoni ta’ azzjonijiet f’kull pajjiż tal-UE.

Tista’ tikkonsulta wkoll liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur għal għajnuna jew parir dwar problemi relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija.

Il-ferrovija tiegħek ġiet ikkanċellata

Jekk tittardja minħabba ferrovija kkanċellata, jiġifieri tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b’dewmien ta’ aktar minn 60 minuta, għandek id-dritt li tagħżel bejn:

  • rimborż tal-biljett tiegħek fi żmien 30 jum – dan jista’ jkun rimborż sħiħ jew parzjali (li jkopri l-parti tal-vjaġġ li ma sarx), u vjaġġ ta’ ritorn lejn il-punt tat-tluq inizjali tiegħek, jekk id-dewmien minħabba l-ferrovija kkanċellata ma jħallikx tissodisfa l-iskop tal-vjaġġ tiegħek, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità, mingħajr ebda spiża addizzjonali, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek f’data aktar tard tal-għażla tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli, mingħajr ebda spiża addizzjonali. Dan jinkludi trasport alternattiv biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek meta l-ferrovija tiġi mblukkata u s-servizz jiġi sospiż.

Assistenza u arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar

Barra minn hekk, int intitolat għall-assistenza fil-forma ta’ ikliet u xorb (proporzjonata mal-ħin ta’ stennija). Għandek ukoll id-dritt għal lukanda jew akkomodazzjoni oħra - fejn u meta jkun fiżikament possibbli - jekk ikollok toqgħod lejl jew tkun meħtieġa waqfa addizzjonali minħabba l-ferrovija kkanċellata. Dan jinkludi d-dritt għat-trasport bejn il-lukanda/l-akkomodazzjoni u l-istazzjon.

F’każ ta’ kanċellazzjoni, il-kumpanija ferrovjarja tista’ tippermettilek, fuq talba, tagħmel l-arranġamenti tal-ivvjaġġar alternattivi tiegħek stess ma’ fornituri oħra tas-servizzi tat-trasport (inklużi l-ferroviji u mezzi oħra ta’ trasport) li jippermettulek tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli. F’dan il-każ, il-kumpanija ferrovjarja tirrimborża l-ispejjeż li tkun ġarrabt.

Madankollu, jekk il-kumpanija ferrovjarja ma tinfurmakx bl-għażliet tal-bdil fir-rotta disponibbli fi żmien 100 minuta tat-tluq skedat tal-ferrovija kkanċellata, int intitolat li tagħmel l-arranġamenti alternattivi tiegħek stess mingħajr il-qbil tal-kumpanija ferrovjarja ta’ servizzi oħra tat-trasport, jiġifieri b’ferrovija, kowċ jew xarabank. Il-kumpanija ferrovjarja mbagħad trid tirrimborża l-ispejjeż meħtieġa, xierqa u raġonevoli li tkun ġarrabt biex tagħmel dawn l-arranġamenti alternattivi.

Anke jekk tiddeċiedi li tkompli l-vjaġġ tiegħek kif ippjanat jew li taċċetta trasport alternattiv lejn id-destinazzjoni tiegħek, jista' jkollok id-dritt għal kumpens, jekk il-wasla tiegħek tittardja b’60 minuta jew aktar. Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu kundizzjonijiet ta’ bdil tar-rotta aktar favorevoli lill-passiġġieri.

Kumpens - kanċellazzjoni

  • 25% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien hu bejn siegħa u sagħtejn.
  • 50% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien hu sagħtejn jew aktar.

Ma tingħatax kumpens jekk:

  • tkun ġejt mgħarraf bid-dewmien ikkawżat minn kanċellazzjoni ta’ ferrovija qabel ma tkun xtrajt il-biljett tiegħek
  • id-dewmien - minħabba t-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek b’servizz differenti jew il-bdil tar-rotta huwa inqas minn siegħa
  • għażilt ir-rimborż tal-biljett tiegħek
  • il-kanċellazzjoni kienet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji

Ċirkostanzi straordinarji - kanċellazzjoni


Il-kumpens ma jkunx dovut jekk il-kumpanija ferrovjarja tkun tista’ tagħti prova li l-kanċellazzjoni kienet ikkawżata minn avvenimenti, li l-konsegwenzi tagħhom, il-kumpanija ferrovjarja ma setgħetx tipprevjeni jew tevita anki jekk tkun ittieħdet kull miżura raġonevoli, pereżempju:

  • Kundizzjonijiet estremi tat-temp, diżastri naturali kbar jew pandemiji – inċidenti mhux relatati mal-operat tal-ferrovija.
  • Individwi fuq il-binarji ferrovjarji, serq ta’ kejbils, emerġenzi abbord, attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi, sabutaġġ jew terroriżmu – avvenimenti marbutin mal-imġiba ta’ parti terza.

F’dawn is-sitwazzjonijiet m’intix intitolat għal kumpens, madankollu, id-drittijiet l-oħra tiegħek, jiġifieri r-rimborż tal-biljett tiegħek jew il-bdil tar-rotta u l-assistenza, jibqgħu japplikaw. Innota li l-istrajks mill-istaff tal-kumpaniji ferrovjarji mhumiex meqjusa bħala ċirkostanzi straordinarji.

Il-ferrovija tiegħek ittardjat

Jekk tiġi mgħarraf li l-ferrovija tiegħek se tasal fid-destinazzjoni finali b'dewmien li jkun ta' siegħa jew aktar, għandek dritt għal:

  • rimborż tal-biljett tiegħek fi żmien 30 jum – dan jista’ jkun rimborż sħiħ jew parzjali (li jkopri l-parti tal-vjaġġ li ma sarx), u vjaġġ ta’ ritorn lejn il-punt tat-tluq inizjali tiegħek, jekk id-dewmien minħabba l-ferrovija kkanċellata ma jħallikx tissodisfa l-iskop tal-vjaġġ tiegħek, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità, mingħajr ebda spiża addizzjonali, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek f’data aktar tard tal-għażla tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli, mingħajr ebda spiża addizzjonali. Dan jinkludi trasport alternattiv biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek meta l-ferrovija tiġi mblukkata u s-servizz jiġi sospiż.

Assistenza u arranġamenti alternattivi

Jekk is-servizz ferrovjarju tiegħek ikollu dewmien fit-tluq jew fil-wasla ta’ 60 minuta jew aktar, int intitolat għall-assistenza fil-forma ta’ ikliet u xorb (proporzjonat mal-ħin ta’ stennija). Għandek ukoll id-dritt għal lukanda jew akkomodazzjoni oħra - fejn u meta jkun fiżikament possibbli - jekk ikollok toqgħod lejl jew tkun meħtieġa waqfa addizzjonali minħabba l-ferrovija kkanċellata. Dan jinkludi d-dritt għat-trasport bejn il-lukanda/l-akkomodazzjoni u l-istazzjon.

Jekk ġejt infurmat mat-tluq li l-ferrovija tiegħek se tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b'dewmien ta’ 60 minuta jew aktar, il-kumpanija ferrovjarja tista’ tippermettilek, fuq talba, li tagħmel l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar ma’ fornituri ta’ servizz tat-trasport oħrajn (inklużi l-ferroviji u mezzi oħra ta’ trasport) li jippermettulek tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli. F’dan il-każ, il-kumpanija ferrovjarja tirrimborża l-ispejjeż li tkun ġarrabt.

Madankollu, jekk il-kumpanija ferrovjarja ma tinfurmakx bl-għażliet tal-bdil fir-rotta disponibbli fi żmien 100 minuta tat-tluq skedat tal-ferrovija mdewma, int intitolat li tagħmel l-arranġamenti alternattivi tiegħek stess mingħajr il-qbil tal-kumpanija ferrovjarja ta’ servizzi oħra tat-trasport, jiġifieri b’ferrovija, kowċ jew xarabank. Il-kumpanija ferrovjarja mbagħad trid tirrimborża l-ispejjeż meħtieġa, xierqa u raġonevoli li tkun ġarrabt biex tagħmel dawn l-arranġamenti alternattivi.

Anke jekk tiddeċiedi li tkompli l-vjaġġ tiegħek kif ippjanat jew li taċċetta trasport alternattiv lejn id-destinazzjoni tiegħek, jista' jkollok id-dritt għal kumpens, jekk il-wasla tiegħek tittardja 60 minuta jew aktar. Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu kundizzjonijiet ta’ bdil tar-rotta aktar favorevoli lill-passiġġieri.

Kumpens - dewmien

  • 25% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien hu bejn siegħa u sagħtejn.
  • 50% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien hu sagħtejn jew aktar.

Ma tingħatax kumpens jekk:

  • tkun ġejt mgħarraf bid-dewmien qabel ma tkun xtrajt il-biljett tiegħek
  • id-dewmien - minħabba t-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek b’servizz differenti jew il-bdil tar-rotta huwa inqas minn siegħa
  • għażilt ir-rimborż tal-biljett tiegħek
  • Id-dewmien kien ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji

Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE u/jew it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ xi kumpaniji ferrovjarji jistgħu jippermettu kundizzjonijiet ta’ kumpens aktar favorevoli għall-passiġġieri.

Ċirkostanzi straordinarji - dewmien


Il-kumpens ma jkunx dovut jekk il-kumpanija ferrovjarja tkun tista’ tagħti prova li d-dewmien kien ikkawżat minn avvenimenti fejn il-kumpanija ferrovjarja ma setgħetx tipprevjeni jew tevita l-konsegwenzi tagħhom anki jekk tkun ittieħdet kull miżura raġonevoli, pereżempju:

  • Kundizzjonijiet estremi tat-temp, diżastri naturali kbar jew pandemiji – inċidenti mhux relatati mal-operat tal-ferrovija
  • Individwi fuq il-binarji ferrovjarji, serq ta’ kejbils, emerġenzi abbord, attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi, sabutaġġ jew terroriżmu – avvenimenti marbutin mal-imġiba ta’ parti terza.

F’dawn is-sitwazzjonijiet m’intix intitolat għal kumpens, madankollu, id-drittijiet l-oħra tiegħek, ir-rimborż tal-biljett tiegħek jew il-bdil tar-rotta u l-assistenza, jibqgħu japplikaw. Innota li l-istrajks mill-istaff tal-kumpaniji ferrovjarji mhumiex meqjusa bħala ċirkostanzi straordinarji.

Tlift il-konnessjoni tiegħek

Jekk għandek biljett globali għal vjaġġ bil-ferrovija li jinvolvi konnessjoni ferrovjarja waħda jew aktar (biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek) u titlef il-konnessjoni(jiet) tiegħek, u huwa mistenni li se tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b’dewmien ta’ 60 minuta jew aktar minħabba din il-konnessjoni mitlufa, għandek id-dritt għal:

  • rimborż tal-biljett tiegħek fi żmien 30 jum – dan jista’ jkun rimborż sħiħ jew parzjali (li jkopri l-parti tal-vjaġġ li ma sarx), u vjaġġ ta’ ritorn lejn il-punt tat-tluq inizjali tiegħek, jekk id-dewmien minħabba l-konnessjonijiet mitlufa ma jħallikx tissodisfa l-iskop tal-vjaġġ tiegħek, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità, mingħajr ebda spiża addizzjonali, jew
  • it-tkomplija jew il-bdil tar-rotta tal-vjaġġ tiegħek f’data aktar tard tal-għażla tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli, mingħajr ebda spiża addizzjonali. Dan jinkludi trasport alternattiv biex tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek meta l-ferrovija tiġi mblukkata u s-servizz jiġi sospiż.

Assistenza u arranġamenti alternattivi

Jekk is-servizz ferrovjarju tiegħek ikollu dewmien fit-tluq jew fil-wasla ta’ 60 minuta jew aktar, int intitolat għall-assistenza fil-forma ta’ ikliet u xorb (proporzjonat mal-ħin ta’ stennija). Għandek ukoll id-dritt għal lukanda jew akkomodazzjoni oħra - fejn u meta jkun fiżikament possibbli - jekk ikollok toqgħod lejl jew tkun meħtieġa waqfa addizzjonali minħabba t-telf tal-konnessjoni. Dan jinkludi d-dritt għat-trasport bejn il-lukanda/l-akkomodazzjoni u l-istazzjon.

Id-drittijiet tiegħek f’każ ta’ telf ta’ konnessjoni japplikaw jekk għandek biljett globali għall-vjaġġ bil-ferrovija tiegħek. Għandek tiġi infurmat qabel ma tixtri l-biljett (jew il-biljetti) tiegħek jekk il-biljett huwa biljett globali. Jekk qed tivvjaġġa b’biljetti individwali dawn id-drittijiet ma japplikawx iżda jista’ jkun hemm arranġamenti fis-seħħ bejn il-kumpanija ferrovjarja tiegħek u kumpaniji ferrovjarji oħra biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-vjaġġ tiegħek f’każ ta’ telf ta’ konnessjoni (eż. “Hop on the next available train” (HOTNAT) jew il-“Ftehim dwar il-Kontinwazzjoni tal-Vjaġġi” (AJC)).

Jekk ġejt infurmat mat-tluq li l-ferrovija tiegħek se tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b'dewmien ta’ 60 minuta jew aktar, il-kumpanija ferrovjarja tista’ tippermettilek, fuq talba, li tagħmel l-arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar ma’ fornituri ta’ servizz tat-trasport oħrajn (inklużi l-ferroviji u mezzi oħra ta’ trasport) li jippermettulek tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek taħt kundizzjonijiet komparabbli. F’dan il-każ, il-kumpanija ferrovjarja tirrimborża l-ispejjeż li tkun ġarrabt.

Madankollu, jekk il-kumpanija ferrovjarja ma tinfurmakx bl-għażliet tal-bdil fir-rotta disponibbli fi żmien 100 minuta tat-tluq skedat tal-ferrovija mdewma, int intitolat li tagħmel l-arranġamenti alternattivi tiegħek stess mingħajr il-qbil tal-kumpanija ferrovjarja ta’ servizzi oħra tat-trasport, jiġifieri b’ferrovija, kowċ jew xarabank. Il-kumpanija ferrovjarja mbagħad trid tirrimborża l-ispejjeż meħtieġa, xierqa u raġonevoli li tkun ġarrabt biex tagħmel dawn l-arranġamenti alternattivi.

Anke jekk tiddeċiedi li tkompli l-vjaġġ tiegħek kif ippjanat jew li taċċetta trasport alternattiv lejn id-destinazzjoni tiegħek, jista' jkollok id-dritt għal kumpens, jekk il-wasla tiegħek tittardja 60 minuta jew aktar. Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu kundizzjonijiet ta’ bdil tar-rotta aktar favorevoli lill-passiġġieri.

Kumpens – dewmien minħabba t-telf ta’ konnessjoni

  • 25% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien hu bejn siegħa u sagħtejn.
  • 50% tal-ħlas tal-biljett, jekk id-dewmien hu ta’ aktar minn sagħtejn.

Ma tingħatax kumpens jekk:

  • tkun ġejt mgħarraf bid-dewmien qabel ma tkun xtrajt il-biljett tiegħek
  • id-dewmien minħabba t-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek b’servizz differenti jew il-bdil tar-rotta huwa inqas minn siegħa
  • għażilt ir-rimborż tal-biljett tiegħek
  • Id-dewmien kien ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji

Innota li r-regoli nazzjonali f’xi pajjiżi tal-UE u/jew it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ xi kumpaniji ferrovjarji jistgħu jagħtu kundizzjonijiet ta’ kumpens aktar favorevoli għall-passiġġieri.

Ċirkostanzi straordinarji - telf ta’ konnessjoni minħabba dewmien


Il-kumpens ma jkunx dovut jekk il-kumpanija ferrovjarja tkun tista’ tagħti prova li d-dewmien li wassal għat-telf tal-konnessjoni(jiet) tiegħek kien ikkawżat minn avvenimenti fejn il-kumpanija ferrovjarja ma setgħetx tipprevjeni jew tevita l-konsegwenzi tagħhom anki jekk tkun ittieħdet kull miżura raġonevoli, pereżempju:

  • Kundizzjonijiet estremi tat-temp, diżastri naturali kbar jew pandemiji – inċidenti mhux relatati mal-operat tal-ferrovija
  • Individwi fuq il-binarji ferrovjarji, serq ta’ kejbils, emerġenzi abbord, attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi, sabutaġġ jew terroriżmu – avvenimenti marbutin mal-imġiba ta’ parti terza

F’dawn is-sitwazzjonijiet m’intix intitolat għal kumpens, madankollu, id-drittijiet l-oħra tiegħek, ir-rimborż tal-biljett tiegħek jew il-bdil tar-rotta u l-assistenza, jibqgħu japplikaw. Innota li l-istrajks mill-istaff tal-kumpaniji ferrovjarji mhumiex meqjusa bħala ċirkostanzi straordinarji.

Il-bagalji, it-tagħmir ta’ mobbiltà tiegħek intilfu, saritilhom il-ħsara jew ittardjaw

Tista’ tieħu miegħek elementi ta’ bagalji (inklużi annimali), li jkunu jistgħu jiġu mmaniġġjati faċilment abbord miegħek. Oġġetti oħrajn kbar jew goffi, bħal oġġetti jew annimali li jdejqu, joħolqu inkonvenjent jew jikkawżaw ħsara lil passiġġieri oħra, għandhom jintbagħtu bħala bagalja rreġistrata (skont il-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tal-operatur ferrovjarju tiegħek). Dawn l-oġġetti se jiġu ttrasportati fil-vagun tal-bagalji tal-ferrovija.

Jekk il-bagalja rreġistrata tiegħek tintilef jew issirilha l-ħsara, għandek dritt għal kumpens ħlief f’ċerti ċirkostanzi, bħal fejn il-bagalja tiegħek ma kinitx ippakkjata b’mod adegwat jew ma kinitx tajba għat-trasport. Jekk ikun hemm dewmien fit-twassil tal-bagalja rreġistrata tiegħek, għandek ukoll dritt għal kumpens, sakemm dan ma kienx dovut għal xi żball min-naħa tiegħek jew minħabba ċirkostanzi li ma kinux fil-kontroll tal-operatur ferrovjarju.

Jekk is-siġġu tar-roti jew għajnuna oħra għall-mobbiltà tiegħek issirilhom il-ħsara jew jintilfu mill-kumpanija ferrovjarja jew mill-manager tal-istazzjon ferrovjarju, int intitolat għal kumpens biex tkopri l-ispiża tas-sostituzzjoni jew tat-tiswija tagħhom. L-ispiża ta’ sostituzzjoni temporanja hija koperta wkoll, fejn dawn l-ispejjeż huma raġonevoli. Il-kumpens huwa dovut ukoll għat-telf jew il-korriment tal-kelb ta’ assistenza tiegħek mill-kumpanija ferrovjarja jew mill-manager tal-istazzjon ferrovjarju.

Ammonti ta' kumpens

  • Sa €1,200 għal kull bagalja rreġistrata, jekk tkun tista' tagħti prova tal-valur tal-kontenut tagħha.
  • Sa €300 għal kull bagalja rreġistrata – jekk ma tkunx tista' tagħti prova tal-valur tal-kontenut tagħha.

Jekk korrejt f’inċident tal-ferrovija, jew int dipendenti ta’ vittma ta’ inċident fatali, int intitolat għal kumpens sa ammont massimu ta’ €1,400 għal telf jew ħsara lill-bagalji tal-idejn (dan japplika wkoll għal kwalunkwe annimal li inti tkun ġibt miegħek).

Korrejt f’inċident tal-ferrovija

Jekk tkorri f’inċident tal-ferrovija, int intitolat għal kumpens, b’pagament bil-quddiem li jrid isir fi żmien 15-il jum mill-inċident biex tkopri l-ħtiġijiet immedjati tiegħek.

Inti dipendenti ta’ vittma ta’ inċident fatali tal-ferrovija

Jekk int dipendenti ta’ vittma ta’ inċident fatali, għandek id-dritt għal kumpens, b’pagament bil-quddiem li jrid isir fi żmien 15-il jum mill-inċident biex tkopri l-ħtiġijiet immedjati tiegħek. Dan il-ħlas bil-quddiem huwa mill-inqas ta’ €21,000 għal kull vittma.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Bżonn ta' aktar tagħrif dwar ir-regoli f'pajjiż speċifiku?

Staqsi l-amministrazzjonijiet nazzjonali

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 08/04/2024
Ikkondividi din il-paġna