Soluzzjoni informali għat-tilwim tal-konsumaturi
Ikkuntattja l-operatur tas-suq
Bħala l-ewwel pass, ikkuntattja d-dipartiment tas-servizz tal-klijenti tal-operatur tas-suq tiegħek - id-dettalji ta' kuntatt normalment jinsabu fuq is-sit web tal-operatur tas-suq. Għidilhom li naqsu milli jikkonformaw mal-liġi tal-UE jew nazzjonali, u staqsihom biex isolvu l-problema. Tista' tirreferihom għall-obbligi tagħhom, kif deskritt fil-qosor f'din il-paġna. Dejjem tajjeb li tappoġġja t-talba tiegħek bi prova (fattura, kuntratt, eċċ.). Jekk dan il-metodu ma jaħdimx, ikkunsidra li tieħu passi oħrajn.
Storja bħala eżempju
It-timijiet tas-servizz tal-klijenti ta' spiss jistgħu jsolvu l-ilment tiegħek
Jutta, mill-Ġermanja, ma kinitx sodisfatta bil-veloċità tal-konnessjoni tal-internet tagħha, li kienet aktar baxxa minn dik dikjarata fil-kuntratt tagħha.
Ikkuntattjat il-provveditur tal-internet biex tilmenta, dan wassal sabiex iżidu l-veloċità tal-konnessjoni tagħhom. Jutta ma kellhiex bżonn tieħu aktar azzjoni.
Jekk inti u l-operatur tas-suq ma tistgħux issolvu t-tilwim kuntrattwali tagħkom direttament, l-operatur tas-suq għandu jinfurmak dwar passi ulterjuri, bħal:
- it-tressiq ta' lment formali
- il-bidu ta' proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim
Agħżel il-pajjiż
Ikkuntattja organizzazzjoni tal-konsumaturi jew l-awtorità regolatorja
Organizzazzjonijiet tal-konsumaturi f'pajjiżek jistgħu normalment ukoll:
- jipprovdulek aktar informazzjoni dwar drittijietek
- jieħdu azzjoni biex jgħinuk tinforzahom
Jekk għandek problema ma' provveditur ta' servizz, tista' wkoll tikkuntattja l- awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti. Kull settur għandu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tiegħu, li r-responsabbiltà speċifika tagħhom tista' tvarja minn pajjiż għal pajjjiż. Ħafna awtoritajiet regolatorji għandhom proċeduri speċifiċi għall-fornituri tas-servizzi fis-settur tagħhom u jistgħu jsolvu t-tilwim b'mod ġust u mgħaġġel.
Għal aktar tagħrif:
- l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fis- settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi en
- l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali/l-Ombudsman fis- settur tal-enerġija
- l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fis- settur finanzjarju en
Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi
Jekk għandek kwalunkwe problema meta tixtri oġġetti jew servizzi f'pajjiż barrani fl-UE, in-Norveġja jew l-Iżlanda, ikkuntattja wieħed miċ- Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net). Dawn iċ-ċentri jistgħu:
- jinfurmawk dwar drittijietek skont il-liġi tal-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-konsumatur
- jagħtuk parir dwar modi possibbli ta' kif tista' ssegwi l-ilment tiegħek bħala konsumatur
- jgħinuk tilħaq ftehim amikevoli mal-operaturi tas-suq f'pajjiż barrani li mingħandhom xtrajt l-oġġetti jew is-servizzi, kemm jekk online jew wiċċ imb wiċċ
- jiddireġuk lejn korp xieraq jekk l-ECC-Net ma jistax jgħinek
Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jistgħu jgħinuk mingħajr ħlas jekk:
- għandek problema ma' operatur tas-suq ibbażat f'pajjiż ieħor tal-UE
- int diġa lmentajt mal-operatur tas-suq bil-miktub
- int qed tilmenta bħala individwu, mhux f'isem kumpanija
Storja bħala eżempju
Sofija, mill-Portugall, xtrat laptop mingħand bejjiegħ bl-imnut online Spanjol. Sfortunatament, meta wasal il-laptop skopriet li dan ma kienx jaħdem kif suppost. L-operatur tas-suq ta l-parir li tibagħtu lura lill-manifattur għat-tiswija. Hi għamlet dan, iżda ftit wara kellha l-istess problema.
Sofia kkuntattjat l-operatur tas-suq biex tingħata l-flus lura, iżda qalulha li t-talba tagħha ma tistax tkun ikkunsidrata sakemm il-laptop ma jissewwiex 3 darbiet. Hi ddeċidiet li tikkuntattja lill-ECC tal-Portugall għall-għajnuna. L-uffiċċju Portugiż ixxerja l-każ mal-kontraparti tiegħu fi Spanja, li beda billi kkuntattja lill-operatur tas-suq. Wara l-intervent tal-ECC Spanjoli, l-operatur ġabar il-laptop u ta lil Sofia rifużjoni sħiħa ta' EUR 445.92
Jekk tikkuntattja l-operatur tas-suq jew iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi, kif deskritt hawn fuq, xorta waħda għandek id-dritt li tressaq il-każ tiegħek quddiem qorti fi stadju aktar tard.