Id-drittijiet tal-awtur
Drittijietek
Meta toħloq xogħol letterarju, xjentifiku u artistiku oriġinali, bħal poeżiji, artikli, films, kanzunetti jew skulturi, inti protett bid-drittijiet tal-awtur. Ħadd ħliefek ma għandu d-dritt li jagħmel ix-xogħol pubbliku jew li jirriproduċih.
Fil- pajjiżi tal-UE, id-drittijiet tal-awtur jipproteġu l-proprjetà intellettwali tiegħek sa 70 sena wara l-mewt tiegħek, jew 70 sena wara l-mewt tal-aħħar awtur li jibqa' ħaj f'każ ta' xogħol b'aktar minn awtur wieħed.
Barra mill-UE, fi kwalunkwe pajjiż li ffirma l- Konvenzjoni ta' Berna en fr , it-tul taż-żmien tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jista' jvarja iżda jdum tal-anqas sa 50 sena wara l-mewt tal-awtur.
Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tagħtik id-drittijiet esklużivi li ġejjin:
- id-drittijiet ekonomiċi – jiggarantulek kontroll fuq xogħlok u r-remunerazzjoni għall-użu tiegħu permezz tal-bejgħ jew tal-liċenzjar
- id-drittijiet morali – normalment jipproteġu d-drittijiet tiegħek biex tikklejmja li int l-awtur (id-dritt tal-attribuzzjoni) u biex tirrifjuta modifika ta' xogħlok (id-dritt tal-integrità)
Kif tikseb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur
Jekk toħloq xogħol letterarju, xjentifiku u artistiku, awtomatikament għandek il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, li jibdew mill-mument li toħloq xogħlok, għalhekk ma hemm bżonn tgħaddi minn ebda proċess ta' applikazzjoni formali.
Madankollu, jista' jkollok bżonn tavża nies oħra li inti l-awtur ta' dak ix-xogħol. Tista' tehmeż avviż tad-drittijiet tal-awtur ma' xogħlok – bħat-test "id-drittijiet kollha riżervati", jew is-simbolu © – flimkien mas-sena meta nħoloq ix-xogħol.
Tista’ tirreġistra wkoll id-drittijiet tal-awtur tiegħek permezz ta’ fornitur ta’ servizz apposta, li jista’ jkun utli biex turi l-eżistenza tax-xogħol tiegħek f’ċertu ħin.
Storja bħala eżempju
Tiago huwa furnar fil-Portugall u jixtieq jippubblika riklam f'rivista lokali biex jippromwovi n-negozju tiegħu. Huwa sab ritratti sabiħ ta' ħobża tradizzjonali Portuġiża fuq sit web u jixtieq juża dan ir-ritratt fuq ir-riklam tiegħu. Qabel ma Tiago jibgħat ir-riklam lir-rivista, huwa jinnota li r-ritratt huwa protett bid-drittijiet tal-awtur u l-proprjetarju ma jippermettix l-użu ħieles tar-ritratt. Għalhekk, Tiago mhuwiex awtorizzat li jużah fir-riklam tiegħu. Jekk ikun jixtieq juża immaġni b'xejn, Tiago jrid ifittex ritratti ħielsa mid-drittijiet tal-awtur li huma disponibbli għall-użu kummerċjali, bħal fuq bażi tad-data online. Meta juża dan il-materjal, huwa ma jkollux bżonn jitlob awtorizzazzjoni minn detenturi tad-drittijiet biex juża r-ritratt fir-riklam tiegħu.
Nacionalinę informaciją rasite toliau.