Preżentazzjoni ta’ riċetta f’pajjiż ieħor tal-UE

Riċetta mogħtija minn tabib f’pajjiż wieħed tal-UE hi valida fil-pajjiżi tal-UE l-oħrajn kollha. Madankollu, mediċina preskritta f’pajjiż wieħed tista’ ma tkunx disponibbli jew jista’ jkollha isem ieħor.

Tista' tistaqsi lit-tabib jagħtik riċetta biex tużaha f'pajjiż ieħor tal-UE, magħrufa wkoll bħala "riċetta transfruntiera".

Twissija

Xi mediċini jistgħu ma jkunux awtorizzati għall-bejgħ jew jistgħu ma jkunux disponibbli f’pajjiż ieħor, anki fl-UE.

Riċetta bl-informazzjoni tajba

M'hemm ebda forma jew format speċifiku għal riċetta li tuża f'pajjiż ieħor tal-UE. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-riċetta li tuża fil-pajjiż fejn tkun inħarġet ir-riċetta diġà għandu jkun fiha biżżejjed informazzjoni biex tużaha f’pajjiż ieħor tal-UE. Irid ikun fiha mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

  • Id-dettalji tal-pazjent: il-kunjom u l-isem (miktubin sħaħ), u d-data tat-twelid
  • Id-data tal-ħruġ tar-riċetta
  • Id-dettalji tat-tabib li jiktibha: il-kunjom u l-isem (miktubin sħaħ), il-kwalifika professjonali, id-dettalji tal-kuntatt dirett, l-indirizz tax-xogħol (inkluż il-pajjiż) u l-firma (bil-miktub jew diġitali)
  • Id-dettalji tal-prodott ordnat: l-isem komuni tiegħu (pjuttost milli l-isem tad-ditta, peress li dan jista' jkun differenti f’pajjiż ieħor), il-format (pillola, soluzzjoni, eċċ.), il-kwantità, il-qawwa u d-doża.

Jekk taħseb li se jkollok bżonn tuża r-riċetta f'pajjiż ieħor, jew jekk tingħata riċetta barra minn pajjiżek li se jkollok tuża f'pajjiżek, iċċekkja li t-tabib inkluda din l-informazzjoni kollha. B’dan il-mod tista’ tkun ċert li spiżjar f’pajjiż ieħor tal-UE jkun jista' faċilment jifhem ir-riċetta u jidentifika b’mod korrett il-mediċina li teħtieġ kif ukoll id-doża.

Twissija

Id-dispensa tar-riċetti hi soġġetta għar-regoli tal-pajjiż fejn jingħataw. Dan ifisser li spiżjar se japplika regoli nazzjonali meta jagħti l-mediċina tiegħek – pereżempju, limitazzjonijiet ta’ ħin jew dożaġġ għall-għoti ta’ riċetti.

Riċetti elettroniċi

Jekk it-tabib ikun tak riċetta elettronika normalment trid tkun ċert li titolbu kopja fuq karta jekk qed taħseb li tuża r-riċetta f'pajjiż ieħor tal-UE, minħabba li riċetta elettronika mhux dejjem tkun aċċettata barra pajjiżek.

Madankollu, xi pajjiżi tal-UE implimentaw sistemi interoperabbli għar-riċetti elettroniċi. Pereżempju, ir-riċetti elettroniċi maħruġa fil-Finlandja jistgħu jintużaw fil-Kroazja, l-Estonja u l-Portugall mingħajr il-ħtieġa ta’ kopja stampata. Tista’ ssib il-lista tas-servizzi tas-saħħa elettroniċi transfruntieri disponibbli hawnhekk.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 03/07/2023
Ikkondividi din il-paġna