Termini ta’ impjieg
Meta timpjega staff, għandek tipprovdilu kuntratt bil-miktub jew dikjarazzjoni bil-miktub
ekwivalenti li tikkonferma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Idealment, għandek
tagħtih it-termini ta’ impjieg qabel ma jibda jaħdem jew fil-jum meta jibda jaħdem. Madankollu, l-iskadenzi jvarjaw skont it-tip ta’ informazzjoni, kif muri hawn taħt.
Informazzjoni li trid tipprovdi lill-ħaddiem bejn l-ewwel u s-seba’ jum tax-xogħol:
- il-partijiet għall-kuntratt ta’ impjieg (l-impjegatur u l-impjegat)
- il-post tax-xogħol – jekk ma jkunx hemm post fiss tax-xogħol, għandek tenfasizza li l-impjegat se jaħdem f’diversi lokalitajiet u tgħid fejn jinsab reġistrat in-negozju tiegħek
- it-titlu, il-grad, il-kategorija tax-xogħol jew deskrizzjoni tax-xogħol / speċifikazzjoni qasira tal-kompiti
- id-data tal-bidu
- it-tul ta’ żmien mistenni tax-xogħol jekk il-kuntratt hu temporanju
- is-salarju bażiku inizjali, il-frekwenza tal-pagament, u kwalunkwe komponent ieħor ta’ remunerazzjoni.
Jekk l-iskeda tax-xogħol hi regolari jew prevedibbli:
- it-tul tal-jum normali tax-xogħol jew tal-ġimgħa tax-xogħol (sigħat ta’ xogħol)
- is-sahra u l-kumpens tagħha
- l-arranġamenti għal bidliet fix-xift.
Jekk l-iskeda tax-xogħol hi irregolari jew imprevedibbli:
- in-numru ta’ sigħat garantiti mħallsin u r-remunerazzjoni għal sigħat żejda
- is-sigħat ta’ referenza u l-jiem ta’ xogħol
- l-avviż qabel il-bidu ta’ assenjazzjoni u l-iskadenza għall-kanċellazzjoni tagħha.
Informazzjoni li trid tipprovdi lill-ħaddiem fi żmien xahar mill-ewwel jum tax-xogħol:
- għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, l-identità tal-organizzazzjoni/entità fejn l-impjegat tiegħek se jaħdem
- it-taħriġ ipprovdut lill-ħaddiem tiegħek, jekk ikun hemm
- in-numru ta’ btajjel annwali mħallsin; jekk dan ma jkunx jista’ jiġi indikat fil-bidu tal-kuntratt, il-proċeduri għad-determinazzjoni tiegħu
- ir-regoli ta’ kwalunkwe ftehim kollettiv li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegat
- l-identità tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet soċjali (jekk din hi r-responsabbiltà tiegħek bħala impjegatur).
Għall-btajjel annwali, it-tul tal-perjodi ta’ avviż, il-ħin tax-xogħol u r-remunerazzjoni, hu biżżejjed li tirreferi lill-impjegati għal kwalunkwe liġi nazzjonali/reġjonali u dispożizzjoni amministrattiva rilevanti.
Rekwiżiti minimi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol
Perjodu ta’ probazzjoni
Jekk l-impjegat tiegħek hu meħtieġ li jservi perjodu ta’ probazzjoni, dan m’għandux jaqbeż is-sitt xhur. Fil-każ ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat, il-perjodu ta’ probazzjoni jrid ikun proporzjonat mat-tul mistenni tal-kuntratt u t-tip ta’ xogħol. Fil-każ ta’ tiġdid ta’ kuntratt għall-istess funzjoni u kompiti, m’għandekx tagħmlu soġġett għal perjodu ta’ probazzjoni ġdid. Eċċezzjonalment, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu perjodi ta’ probazzjoni itwal fir-regolamentazzjoni nazzjonali, jekk dan ikun iġġustifikat mit-tip ta’ impjieg jew fl-interess tal-ħaddiem.
Impjieg parallel
Bħala impjegatur, ma tistax tipprojbixxi lill-ħaddiema tiegħek milli jaħdmu ma’ impjegaturi oħrajn, barra mill-ħin tax-xogħol stabbilit, u ma tistax tittratta lill-ħaddiema tiegħek b’mod anqas favorevoli għax jagħmlu dan. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet dwar l-inkompatibbiltà tal-impjiegi paralleli, abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi bħas-saħħa u s-sikurezza, il-kunfidenzjalità tan-negozju, l-integrità tas-servizz pubbliku jew l-evitar ta’ kunflitt ta’ interess.
Prevedibbiltà minima tax-xogħol
Jekk toffri kuntratt bi skeda tax-xogħol irregolari, għandek:
- tagħti lill-ħaddiem tiegħek sigħat u jiem ta’ referenza predeterminati
- tinforma lill-ħaddiem tiegħek dwar inkarigu f’perjodu ta’ avviż raġonevoli stabbilit skont il-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattika nazzjonali.
Jekk wieħed mir-rekwiżiti jew it-tnejn li huma ma jiġux sodisfatti, il-ħaddiem tiegħek għandu d-dritt li jirrifjuta assenjazzjoni tax-xogħol mingħajr konsegwenzi negattivi. Anke meta l-liġi nazzjonali tippermettilek tikkanċella inkarigu mingħajr kumpens, il-ħaddiem tiegħek hu intitolat għal kumpens skont il-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattika, jekk tikkanċella inkarigu ta’ xogħol miftiehem minn qabel, wara skadenza raġonevoli speċifikata.
Kuntratti fuq talba
Jekk il-liġi nazzjonali tal-pajjiż tal-UE tiegħek tippermetti l-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg fuq talba jew simili, u tixtieq timpjega l-istaff tiegħek b’dawn it-tipi ta’ kuntratti, għandek tkun taf li l-liġi nazzjonali tal-pajjiż tal-UE tiegħek trid tistabbilixxi miżuri biex tipprevjeni l-abbuż u l-użu ħażin tiegħu. Pereżempju, il-liġi nazzjonali tista’ tillimita l-użu u d-durata ta’ kuntratti fuq talba u kuntratti simili jew tippreżumi l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ impjieg b’numru minimu ta’ sigħat imħallsin, li se jkun ibbażat fuq il-medja tas-sigħat maħdumin matul perjodu speċifiku.
Tranżizzjoni għal forma oħra ta’ impjieg
Wara mill-anqas sitt xhur ta’ servizz u perjodu ta’ probazzjoni komplut b’suċċess (jekk applikabbli), ħaddiem jista’ jitlob forma ta’ impjieg b’kundizzjonijiet tax-xogħol aktar prevedibbli u siguri, jekk disponibbli. Għandek tagħti lil dan il-ħaddiem tweġiba motivata bil-miktub fi żmien xahar mit-talba. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jillimitaw il-frekwenza ta’ talbiet bħal dawn.
Jekk inti SME, jew persuna fiżika li taġixxi bħala impjegatur, f’xi pajjiżi tal-UE jista’ jkollok sa tliet xhur u tista’ tagħti tweġiba orali għal talbiet simili sussegwenti mill-istess ħaddiem jekk il-ġustifikazzjoni tibqa’ l-istess.
Taħriġ obbligatorju
Jekk il-liġi tal-UE jew nazzjonali tirrikjedi li tipprovdi taħriġ lill-ħaddiema tiegħek għall-kompiti tagħhom, trid tipprovdih mingħajr ħlas. Barra minn hekk, it-taħriġ irid jingħadd bħala ħin tax-xogħol, u, jekk possibbli,
isir matul il-ħinijiet tax-xogħol.
F’xi pajjiżi tal-UE ftehimiet kollettivi magħmulin f’konformità mal-liġi nazzjonali
jistgħu jistabbilixxu miżuri differenti minn dawk imsemmijin hawn fuq, filwaqt li
jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema. Xi pajjiżi tal-UE japplikaw skemi ta’ xogħol simplifikati għal staff impjegat għal massimu ta’ xahar jew anqas minn 8 sigħat fil-ġimgħa.
Obbligi ta’ reġistrazzjoni
Bħala impjegatur, trid tirreġistra mal-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż fejn jaħdmu l-impjegati tiegħek, anki jekk in-negozju tiegħek mhux ibbażat hemm. Dan jistabbilixxi l-preżenza tiegħek fis-sistema tas-sigurtà soċjali lokali.
Trid tirreġistra wkoll l-impjegati tiegħek mal-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn jaħdmu. Dan jiżgura li jkunu koperti taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali lokali.
Akkwista l-aċċess għall-informazzjoni nazzjonali hawn taħt.