Itlob rieżami ta' proċedura ta' akkwist pubbliku
Offerti pubbliċi
Jekk ħadt sehem f'offerta pubblika u tħoss li ġejt diskriminat, jew innutajt irregolaritajiet fil-proċedura, tista' titlob rieżami tal-proċedura jew tressaq ilment.
Id-deċiżjonijiet ta' aġġudikazzjoni ta' kuntratt huma rieżaminati mill-qrati jew korpi ta' rieżami indipendenti skont il-pajjiż tal-UE fejn kienet ippubblikata l-offerta. Tista' ssib id-dettalji ta' kuntatt għall-istituzzjonijiet xierqa fl-avviż tal-kuntratt tal-proċedura li tixtieq tikkontesta.
Perjodu biex jingħata bidu għal rieżami
Jekk ma rnexxilekx fl-offerta tiegħek, se tiġi nnotifikat bid-deċiżjoni ta' aġġudikazzjoni u se jibda l- perjodu ta' waqfien.
Matul dan il-perjodu ta' stennija ta' mill-inqas 10 ijiem il-kuntratt ma jistax jiġi ffirmat. Dan hu l- perjodu meta inti tista' tagħti bidu għal proċedura ta' rieżami.
Anke jekk jgħaddi l-perjodu ta' waqfien, il-kuntratt ma jistax jingħata jekk ikun għaddej rieżami.
Deċiżjoni ta' rieżami
F'każijiet fejn il-qorti jew il-korp ta' rieżami jsib li l-ilment kien fondat, jista' jew:
- jirrevoka d-deċiżjoni ta' aġġudikazzjoni
- jitlob li ċerti partijiet tal-proċess ta' evalwazzjoni jiġu ripetuti
- jikkanċella l-proċedura kollha
Kuntratti pubbliċi mogħtija mingħajr offerti pubbliċi
Tista' titlob ukoll rieżami ta' kuntratt pubbliku li jkun ingħata mingħajr ma tkun saret offerta, jekk taħseb li offerta kellha tiġi ppubblikata.
Għandek tal-inqas 30 jum kalendarju (iżda mhux aktar minn 6 xhur) wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta' għoti ta' kuntratt, jew wara li tkun skoprejt li ngħata kuntratt, biex tinforma l-qorti jew korp ta' rieżami.
Deċiżjoni ta' rieżami
Il-qorti jew il-korp ta' rieżami se jiddikjara kuntratt bħala ineffettiv, iqassru, jew jimmulta lix-xerrej jekk:
- l-awtorità pubblika tat kuntratt mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt meta l-pubblikazzjoni kienet meħtieġa
- perjodu ta' waqfien kien meħtieġ iżda ma ġiex rispettat)
- hemm evidenza ta' diskriminazzjoni kontra l-offerenti miċħuda