Kiri ta' karozza
Ma hemm l- ebda regoli speċifiċi tal-UE dwar il-kiri ta' karozzi, iżda xorta tgawdi mid- drittijiet bażiċi tal-konsumatur meta tikri karozza f'pajjiż ieħor tal-UE. Dan jinkludi:
- id-dritt għal informazzjoni ċara
- id-dritt għal kuntratt ġust
- aċċess għal reżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim f'każ ta' tilwim mal-kumpanija tal-kiri.
Meta tirriżerva karozza, għandek tiddistingwi bejn kumpaniji tal-kiri u intermedjarji jew brokers. L-intermedjarji ma jipprovdux karozzi tal-kiri huma stess, iżda jibbukkjaw karozza f'ismek mingħand il-kumpanija tal-kiri. F'każ ta' tilwim, il-kumpanija tal-kiri hija l-parti responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kuntratt, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-kuntratt innifsu.
Dritt limitat għal kanċellazzjoni
Jekk irriservajt karozza bl-internet, bit-telefown jew bl-email fl-UE, m'għandekx awtomatikament id-dritt tikkanċella u titlob flusek lura, għalkemm it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kumpanija tal-karozzi tal-kiri jistgħu jippermettulek tagħmel dan.
Twissija
Il-kiri ta' karozzi mhuwiex kopert b'dawk ir-regoli tal-UE li jintitolawk għal perjodu ta' 14-il jum "cooling off".
Prinċipju ta' nondiskriminazzjoni
Il-kumpaniji tal-kiri ta' karozzi jistgħu jistipulaw il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet li jridu fil-pajjiżi differenti tal-UE skont l-ispejjeż li jeħlu u fatturi oħra. Madankollu, meta tikri karozza – jew onlajn jew direttament mill-uffiċċju tal-kumpaniji tal-kiri ta' karozzi – ir-regoli tal-UE jipprojbixxu d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità tiegħek jew il-pajjiż fejn tgħix.
Storja bħala eżempju
Stefanie, mill-Ġermanja, riedet tikri karozza fl-Irlanda. Il-prezz ikkwotat fuq is-sit web tal-kumpanija tal-karozzi tal-kiri kien ta' EUR 70.
Iżda meta Stefanie tkellmet mal-kumpanija fejn tgħix, il-prezz tela' għal iktar minn EUR 140. Ir-raġuni mogħtija kienet li hija ma kinitx residenta Irlandiża.
Stefanie ħasset li dan ma kienx ġust allura kkuntattjat iċ- Ċentru Ewropew tal-Konsumatur , li ġiegħel lill-kumpanija tal-kiri ta' karozzi tikkonforma mar-regoli tal-UE.
Qis mitt darba u aqta' darba!
Kun ċert li fhimt it-termini u l-kundizzjonijiet qabel tikri l-karozza. L-aktar li għandek toqgħod attent:
Kopertura tal-assigurazzjoni
Kull vettura tal-kiri trid tkun koperta b' assigurazzjoni tar-responsabbiltà ta' terzi, li tkun valida fil-pajjiż kollha tal-UE. Din l-assigurazzjoni trid tkun inkluża fil-prezz tal-kiri.
Tista' wkoll tagħmel assigurazzjoni mhux obbligatorja li tkopri riskji oħra, eż. għal korrimenti tas-sewwieq, ħsara lill-vettura, serq tal-vettura jew il-kontenuti, vandaliżmu, u assistenza legali.
Kun ċert li taf xi ħsara tkopri l-assigurazzjoni tiegħek. Dan tista' ssibu fit- termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-kiri.
Sewqan ta' karozza mikrija f'pajjiż ieħor
Jekk qed tippjana li ssuq il-vettura tal-kiri f'għadd ta' pajjiżitrid tinforma lill-kumpanija tal-kiri meta tirriżerva l-vettura. Jekk dawn jippermettulek tieħu l-vettura f'pajjiż ieħor barra dak li qed iżżur, jistgħu jiżguraw li għandek id-dokumentazzjoni kif suppost tal-vettura, l-assigurazzjoni u l-kopertura fuq il-ħsarat.
Jekk inti tgħix fl-UE u tikri karozza f' pajjiż mhux tal-UE, bħall-Iżvizzera, japplikaw regoli speċjali waqt li tużaha fil-pajjiżi tal-UE.
Jekk qed tippjana li tivvjaġġa bil-karozza tal-kiri kemm fil-pajjiżi tal-UE u kemm f'dawk li mhumiex – pereżempju mill-Iżvizzera sa Franza, il-Ġermanja, l-Awstrrija jew l-Italja – jeħtieġ li tgħid lill-kumpanija tal-kiri minn qabel. Jistgħu jipprovduk b' karozza rreġistrata fl-UE sabiex tkun kompatibbli mal-liġijiet doganali tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi fl-Iżvizzera jipprovdu karozzi bi pjanċi ta' reġistrazzjoni tal-UE għar-residenti tal-UE biex jimxu skont ir-regoli doganali tal-UE, iżda għandek tiċċekkja mal-kumpanija tal-kiri tal-karozza tiegħek.
Il-kumpanija tal-kiri tal-karozzi trid tiżgura li l- karozza tkun kompatibbli mar-regoli doganali u tat-traffiku tal-pajjiż fejn se tivvjaġġa. Pereżempju, f'ħafna pajjiżi t-tajers tax-xitwa huma obbligatorji matul ċerti xhur tas-sena.
Iċċekkja l- informazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq meta ssuq f'pajjiż ieħor tal-UE.
Validità tal-liċenzja tas-sewqan
Jekk qed tippjana li tikri u ssuq karozza f'pajjiż ieħor tal-UE, tkun trid ukoll tara li l-liċenzja tas-sewqan tiegħek tkun valida hemm.