Garanziji tal-konsumatur
Meta tbigħ oġġett jew servizz lil konsumatur online jew permezz ta' mezzi oħra ta' komunikazzjoni mill-bogħod (bit-telefown, bil-posta) jew barra minn ħanut (minn persuna li tħabbat bieb bieb), il-konsumatur għandu dritt li jirritorna l-oġġett jew li jikkanċella s-servizz fi żmien 14-il ġurnata. Dan xi kultant jissejjaħ il-cooling-off period jew il-perjodu ta' rtirar. L-ebda raġuni jew ġustifikazzjoni ma għandha bżonn tingħata mill-konsumatur.
Il-liġi tal-UE tistipula wkoll li għandek tagħti lill-konsumatur minimu ta' sentejn garanzija (garanzija legali) bħala protezzjoni kontra oġġetti difettużi, jew oġġetti li ma jidhrux jew li ma jaħdmux kif riklamat. F'xi pajjiżi l-liġi nazzjonali tista' titolbok tipprovdi garanziji itwal.
Responsabbiltajiet ta' wara l-bejgħ/prodotti difettużi
Jekk il-prodott li begħt jirriżulta li hu difettuż — jew ma jidhirx jew ma jaħdimx kif riklamat — fil-limitu taż-żmien tal-garanzija legali, int responsabbli għal dan. F'xi pajjiżi dan jista' jkun il-każ jekk int il-manifattur jew l-importatur.
Meta jista' l-klijent tiegħek jitlob rimedju?
Kun af li legalment int marbut bi kwalunkwe stqarrijiet pubbliċi li tagħmel dwar il-prodotti, b'mod speċjali permezz ta' riklami jew fuq it-tikketti.
Jekk int bejjiegħ bl-imnut, il-konsumaturi tiegħek jistgħu jitolbu għal rimedju taħt il-garanzija legali pprovduta mil-liġi tal-UE - jekk oġġett:
- ma jaqbilx mad-deskrizzjoni tal-prodott
- għandu kwalitajiet differenti mill-mudell riklamat jew muri lill-klijent
- ma jkunx tajjeb għall-għan tiegħu jew l-għan standard tiegħu jew xi għan speċifiku li ordna l-klijent li int aċċettajt
- ma għandux il- kwalità u l-prestazzjoni normali ta' prodotti tal-istess tip
- ma ġiex installat tajjeb - jew minnek, jew mill-konsumatur, minħabba nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet
Jekk int tinforma lill-konsumatur tiegħek li l-prodott li tkun se tbigħlu fih problemi ta' kwalità, dan ma jista' jitlob ebda rimedju mingħandek dwar dan id-difett partikolari.
X'jista' jitlob il-klijent tiegħek?
Il-klijenti tiegħek għandhom id-dritt jitolbuk għal kull waħda minn dawn li ġejjin bla ma jħallsu (għall-posta, xogħol, materjal, eċċ.):
- issewwi l-prodott
- tibdel il-prodott
- tnaqqas il-prezz
- tikkanċella l-kuntratt u tirrimborżalhom kollox (f'xi pajjiżi, il-kuntratt ta' bejgħ ma jistax jiġi kkanċellat jekk id-difett ikun ċkejken p.e. girfa fuq kaxxa ta' CD)
Tiswija jew sostituzzjoni
F'ħafna pajjiżi hemm "ġerarkija ta' rimedji". Dan ifisser li l-klijent tiegħek irid qabelxejn jitolbok issewwi l-prodott, jew tissostitwixxih jekk it-tiswija mhix l-opzjoni vijabbli (p.e. tiswa wisq). Għandek tagħmel dan fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjenza sinifikanti għall-klijent tiegħek.
Tnaqqis fil-prezz jew ħlas sħiħ lura
Opzjoni oħra għall-konsumaturi tiegħek hi li tagħtihom tnaqqis fil-prezz jew ħlas sħiħ lura, iżda biss jekk it-tiswija jew is-sostituzzjoni:
- mhix possibbli
- se tkun wisq għalja, meta wieħed jikkunsidra l-prodott/difett
- se tkun inkonvenjenti ħafna għall-klijent
- ma tistax titlesta min-negozju tiegħek fi żmien raġonevoli.
Garanziji addizzjonali
Tista' wkoll toffri lill-konsumatur garanzija kummerċjali addizzjonali (garanzija). Din jew tkun inkluża fil-prezz tal-prodott jew inkella b'żieda mal-ispiża. Din il-garanzija ma tiħux post il-garanzija legali, li dejjem hi ta' minimu ta' sentejn, u għandek tinforma lill-konsumatur li dan ma jaffettwax id-dritt tiegħu għall-garanzija legali.
Implimentazzjoni tal-garanziji legali u tal-garanziji f'kull pajjiż
Kull pajjiż tal-UE jimplimenta r-regoli kemxejn b'mod differenti. Tista' taqra aktar dwar kif jeħtieġlek timplimenta l-garanziji legali u l-garanziji f'kull pajjiż tal-UE permezz tal-link hawn taħt.
Agħżel il-pajjiż
Consumer Law Ready
Consumer Law Ready hu programm madwar l-UE, li joffri korsijiet ta' taħriġ bla ħlas fil-liġi tal-konsumatur għall-mikrointrapriżi u l-SMEs. Tista' tapplika biex tattendi kors ta' taħriġ f'pajjiżek biex tiżgura li l-SME tiegħek hi Consumer Law Ready.
Jekk tippreferi titgħallem bir-ritmu tiegħek, agħmel is-sign up biex taċċessa l-materjal edukattiv. Imbagħad tista' tagħmel test elettroniku u tivvalida t-taħriġ tiegħek b'ċertifikat.
Iċċekkja l-portal tal- Consumer Law Ready en biex tiskopri kif tagħmel is-sign up.