Trasferiment ta' benefiċċji tal-qgħad
B'mod ġenerali, biex tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad teħtieġ li tkun tgħix fil-pajjiż li jħallas il-benefiċċji tiegħek. Madankollu, skont ċerti kundizzjonijiet inti tista' tmur f' pajjiż ieħor tal-UE biex tifttex xogħol u tkompli tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad tiegħek mill-pajjiż li fih spiċċajt bla xogħol.
Meta tgħix għal 3 xhur barra pajjiżek
Tista' tkompli tieħu l-benefiċċji tal-qgħad għal tal-inqas 3 xhur mill-pajjiż tal-UE fejn kont qed taħdem l-aħħar - u sa mhux aktar minn 6 xhur, skont l-istituzzjoni li qed tħallas il-benefiċċji tiegħek.
Tista' tagħmel dan biss jekk inti:
- totalment bla xogħol (mhux parzjalment jew minn żmien għal ieħor) u
- intitolat li tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż li fih spiċċajt bla xogħol.
Qabel titlaq, trid tkun:
- reġistrat bħala persuna qiegħda u li qed tfittex xogħol mas-servizzi tal-impjieg fil-pajjiż li fih spiċċjat bla xogħol għal ta' lanqas 4 ġimgħat (jistgħu jsiru xi eċċezzjonijiet)
- applikajt għand is-servizzi nazzjonali tal-impjieg tiegħek għal formola U2 (dik li qabel kienet E 303) - awtorizzazzjoni biex tesporta l-benefiċċji tal-qgħad.
Twissija
Din l-awtorizzazzjoni hija valida għal pajjiż wieħed biss. Jekk tixtieq tesporta l-benefiċċji tal-qgħad tiegħek lejn pajjiż ieħor, għandek bżonn tapplika għal formola U2 oħra. Staqsi fiċ-ċentru tal-impjiegi tiegħek jekk għandikx bżonn tmur lura pajjiżek biex tapplika għal din l-awtorizzazzjoni l-ġdida jew jekk tistax tapplika minn hemm stess.
Meta tasal fil-pajjiż il-ġdid, se jkollok bżonn:
- tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mas- servizzi nazzjonali tal-impjieg fi żmien sebat ijiem mid-data li fiha ma bqajtx disponibbli għas-servizzi tal-impjieg fil-pajjiż li ħallejt.
- tissottometti l-formola U2 tiegħek (dik li qabel kienet E 303) meta tirreġistra
- taqbel ma' kull verifika magħmula dwar it-talba għall-benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, daqs li kieku inti qed tirċevi l-benefiċċji tal-qgħad hemm.
Twissija
Inti mħeġġeġ li tikseb aktar tagħrif dwar drittijietek u dmirijietek bħala persuna li qed tfittex xogħol fil-pajjiż il-ġdid tiegħek. Jista' jkun li dawn ikunu differenti ħafna minn kif kienu fil-pajjiż li fih spiċċajt bla xogħol.
Imbagħad l-istess ammont bħal qabel se jitħallas direttament fil-kont tal-bank tiegħek fil-pajjiż fejn inti spiċċajt bla xogħol.
Twissija
Jekk tixtieq iżżomm l-intitolament tiegħek għall-benefiċċji tal-qgħad, kun ċert li tmur lura lejn il-pajjiż li qed iħallas il-benefiċċji tal-qgħad tiegħek qabel jew fil-ġurnata li fiha jiskadilek l-intitolament.
Meta tgħix barra pajjiżek għal aktar minn tliet xhur
Jekk tixtieq tibqa' barra pajjiżek għal aktar minn tliet xhur, ikollok tapplika għal estensjoni mis-servizzi nazzjonali tal-impjieg tal-pajjiż fejn inti spiċċajt bla xogħol: huma jistgħu jestendu l-perjodu ta' 3 xhur sa 6 xhur.
Twissija
Mhux il-pajjiżi kollha jagħtu estensjonijiet. Staqsi s-servizz tal-impjiegi pubbliċi f'pajjiżek jekk, u b'liema kundizzjonijiet, tista' tingħata estensjoni.
Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li jagħtu estensjonijiet jkollhom kriterji ċari għall-valutazzjoni ta' talbiet. Dawn jistgħu, pereżempju, jitolbuk:
- prova ta' kull sforz li għamilt biex issib xogħol matul l-ewwel 3 xhur
- prova li għandek ċans aħjar li ssib xogħol barra minn pajjiżek matul il-perjodu estiż
- informazzjoni dwar opportunitajiet ta' impjieg fis-suq tax-xogħol tal-pajjiż li qed jospitak.
Applika għall-estensjoni malajr kemm jista' jkun. Għandek tapplika qabel ma jagħlaq iż-żmien tal-ewwel 3 xhur.
Trattament ugwali
Meta tfittex xogħol barra pajjiżek, għandek l-istess drittijiet daqs iċ-ċittadini tal-pajjiż li qed jospitak f'dak li għandu x'jaqsam ma':
- aċċess għax-xogħol
- appoġġ mis-servizzi tal-impjieg
- appoġġ finanzjarju li jgħinnek issib xogħol
Twissija
Jista' jkun li l-pajjiż il-ġdid tiegħek jistenna sakemm inti tistabbilixxi rabta ġenwina mas-suq tal-impjiegi lokali qabel ma jagħtik xi tip ta' appoġġ finanzjarju biex jgħinek issib xogħol — bħas-self b'interess baxx għall-persuni qiegħda li se jibdew in-negozju tagħhom. Li tkun fil-pajjiż u tkun qed tfittex xogħol għal perjodu raġonevoli ta' żmien jista' jitqies bħala rabta ġenwina.