Proċeduri barra l-qorti għall-konsumaturi
Jekk għandek problema bi prodott jew servizz li xtrajt, pereżempju jekk operatur tas-suq jirrifjuta li jsewwi prodott jew jagħtik flusek lura, tista' tipprova tissetilja l-ilment barra l-qorti billi tuża l-proċedura tas- soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.
Jekk it-tilwima tiegħek hi relatata ma' prodott jew servizz li xtrajt online, tista' tissottometti wkoll l-ilment tiegħek online permezz tas-sit web tas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR).
Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim normalment hi proċedura sempliċi u rħisa li tista' twaqqfek milli tieħu l-każ tiegħek il-qorti.
Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim
Il-proċeduri tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim huma pprovduti permezz ta' korpi newtrali extraġudizzjarji bħal konċiljaturi, medjaturi, arbitrarji, l-ombudsman u l-bordijiet tal-ilmenti. Dawn jistgħu jlaqqgħu lilek u l-operatur tas-suq flimkien biex jgħinuk issib soluzzjoni għat-tilwima tiegħek. Huma jistgħu wkoll jipproponu soluzzjoni jew saħansitra jimponu waħda.
Il-korpi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim għandhom jissodisfaw il-kriterji ta' kwalità stretti tal-UE, li jiggarantixxu li huma jittrattaw it-tilwima tiegħek b'mod effettiv, ġust, indipendenti u trasparenti. Ħafna minnhom jistgħu jgħinuk mingħajr ħlas jew bi prezz baxx. Normalment huma jilħqu riżultat fi żmien 90 jum. Skont il-liġi tal-UE, tista' tuża dawn il-korpi biex tittratta t-tilwim kuntrattwali kollu li għandek mal-operatur tas-suq stabbilit fl-UE.
Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tista' tintuża għal kwalunkwe settur tas-suq (bħalma huma t-trasport, il-banek, it-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija, l-oġġetti elettroniċi, l-appliances tad-dar, il-kiri ta' karozzi jew id-dry cleaning).
Sib korp tas-soluzzjoni għat-tilwim f'pajjiżek .
Storja bħala eżempju
Jistgħu jgħinuk il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim
Arvidas mil-Litwanja rċieva kont mingħand il-fornitur tal-internet tiegħu li kien ogħla mill-ammont stipulat fil-kuntratt.
Wara li pprova għalxejn isolvi l-problema mal-operatur tas-suq, Arvidas irrikorra lejn il-korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim rilevanti fil-Litwanja, fejn hu seta' jsib soluzzjoni bl-anqas inkonvenjent għalih innifsu.
Soluzzjoni Online għat-Tilwim
Jekk għandek ilment ma' operatur tas-suq f'pajjiż tal-UE dwar oġġetti jew servizzi li xtrajt online, tista' tuża s-sit tas-soluzzjoni online għat-tilwim tal-UE. Dan is-sit web hu disponibbli bil-lingwi tal-UE kollha u hu bla ħlas.
Jekk trid tressaq ilment permezz tas-soluzzjoni online għat-tilwim tal-UE, int u l-operatur tas-suq jeħtiġilkom li taqblu dwar il-korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim li se jittratta t-tilwima tiegħek. Kull korp għandu r-regoli u l-proċeduri tiegħu, possibbilment li jinkludu ħlas. Iżda tinkwitax, tista' tingħata għajnuna u informazzjoni mill-punt ta' kuntatt nazzjonali fi kwalunkwe stadju tal-proċedura.
Storja bħala eżempju
Ipprova solvi l-ilment tiegħek billi tuża s-soluzzjoni online għat-tilwim
Michaela miċ-Ċekja xtrat smartphone ġdid online minn operatur tas-suq fil-Ġermanja. It-telefown ma kienx jikkorrispondi ma' dak li kienet ordnat u ma setgħetx tasal għal soluzzjoni mal-operatur tas-suq għalhekk issottomettiet l-ilment tagħha permezz tas-sit tas-soluzzjoni online għat-tilwim.
Bil-qbil ta' Michaela u tal-operatur tas-suq, il-korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim ittratta l-każ, u bħala riżultat Michaela rċeviet smartphone ġdid. Is-soluzzjoni nstabet b'mod faċli u bla spejjeż u l-proċedura twettqet kompletament online.