Restrizzjonijiet fuq il-bagalji
Il-lagiġ tal-idejn u l-lagiġ tal-istiva
Meta tivvjaġġa bl-ajruplan minn ajruport fl- UE, għandek tiftakar ċerti rekwiżiti tas-sigurtà meta tippakkja u titla' fuq l-ajruplan:
- Il- likwidi en li jittellgħu fuq il-kabina tal-ajruplan bħal aerosols, xorb, toothpaste, kremi kosmetiċi jew ġellijiet għandhom jinġarru f'borża tal-plastik trasparenti - kapaċità massima ta' litru - u ebda reċipjent ma jista' jkollu aktar minn 100 ml. Reċipjenti ta' likwidi li jkun fihom aktar minn 100 ml għandhom jitqiegħdu fil-bagalja reġistrata. Ir-restrizzjoni fuq il-volum ma tapplikax għall-mediċini jew l-ikel tat-trabi.
- Il- likwidi bla dazju mixtrijin minn ajruport jew minn kumpanija tal-ajru jistgħu jinġarru bħala lagiġ tal-idejn sakemm l-oġġett u l-irċevuta jibqgħu ssiġillati fil-borża tas-sigurtà (b'xifer aħmar) mogħtija waqt ix-xiri. Ma tistax tiftaħ il-borża tas-sigurtà qabel ma tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek. Madankollu, l-uffiċjali tas-sigurtà jaf ikollhom bżonn jiftħulek il-borża u l-fliexken biex jiġu skrinjati. Jekk dan iseħħ, u jkollok titjira marbuta ma' ajruport ieħor, għid lill-uffiċjal tas-sigurtà sabiex il-likwidi jkunu jistgħu jiġu ssiġillati mill-ġdid f'borża tas-sigurtà ġdida.
- Oġġetti jaqtgħu jkunu liema jkunu li jistgħu jintużaw bħala armi ma jistgħux jittellgħu fil-kabina tal-ajruplan. Dawn jistgħu jkunu oġġetti ta' kuljum bħal trabuxijiet, skieken u mqassijiet ta' ċertu daqs, li għandhom jiġu ppakkjati fil-lagiġ tal-istiva tiegħek.
- Il-limiti fuq id-daqs tal-bagalji tal-kabina u l-għadd ta' oġġetti li titħalla tieħu miegħek fuq l-ajruplan huma stabbiliti mil-linji tal-kumpaniji għalhekk iċċekkja mal-linja tal-kumpanija tiegħek meta tivvjaġġa.
- Splużivi u oġġetti li jieħdu n-nar - pereżempju logħob tan-nar jew żebgħa f'bottijiet tal-isprej, u sustanzi oħrajn li jieħdu n-nar u li huma tossiċi bħall-aċidi - huma pprojbiti waqt titjiriet. Ma jistgħux jinġarru la fil-bagalji tal-kabina u lanqas f'dawk iċċekkjati.
- Ebda arma ta' kull xorta ma titħalla tittella' fuq l-ajruplan.
Ara r-regoli dwar l- oġġetti pprojbiti en fil-lagiġ tal-idejn u tal-istiva tiegħek.
Twissija
Iċċekkja s-sit web tal-ajruport tiegħek għal-lista ddettaljata tal-oġġetti projbiti jew staqsi lill-kumpanija tal-ajru qabel tivvjaġġa.
Għas-sikurezza ġenerali, l-oġġetti kollha tal-ivvjaġġar huma skenjati jew inkella ċċekkjati qabel ma jitħallew fiż-żoni ta' sigurtà tal-ajruport.
L-aħħar verifika: 01/07/2024