Aċċess u użu ta' servizzi tal-enerġija
Konnessjoni tal-elettriku
Fl-UE għandek id- dritt li tikkonnettja darek man-network tal-elettriku lokali għall-forniment tal-elettriku (iżda dan ma jgħoddx għall-gass). Il-konnessjoni jagħmilhielek l-operatur tan-network li jħaddem l-infrastruttura tal-elettriku allokat għaż-żona lokali tiegħek (kull network lokali għandu biss operatur wieħed allokat).
Biex tiskopri x'inhuma eżattament it-termini, il-kundizzjonijiet u tariffi għal tali konnessjonijiet, iċċekkja mal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tiegħek .
Dan il-korp għandu wkoll jissorvelja li l-operaturi tan-network lokali jiżguraw li l-infrastrutturi lokali jaħdmu kif suppost.
Storja bħala eżempju
Int għandek id-dritt għall-konnessjoni tal-elettriku.
Marian mar jgħix f'żona maqtugħa fil-kampanja Rumena u xtaq li jkollu aċċess għall-elettriku f'daru hemm. Wara li bosta kumpaniji qalulu li n-networks tagħhom ma jkoprux din iż-żona, skopra permezz tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali min kien il-fornitur tas-servizz fir-Rumanija. Ikkuntattja lil din il-kumpanija, li qabbditu man-network tal-elettriku.
Konsumaturi vulnerabbli
Jekk tinsab f'qagħda vulnerabbli (pereżmpju, jekk m'għandekx infrastruttura adegwata jew ma tistax tħallas il-kontijiet tal-enerġija tiegħek) ma tistax tiġi maqtugħ min-network tal-elettriku, u tista' tkun intitolat għal benefiċċji li jiżguraw li ikollok il-provvista neċessarja tal-elettriku. Il-Punt Uniku ta' Kuntatt fil-pajji fejn tgħix jispjegalek meta u/jew jekk intix intitolat għal tali appoġġ u x'miżuri ttieħdu biex jgħinuk.
L-għażla tal-fornitur tal-enerġija
Fl-UE tista' tagħżel il-fornitur tal-enerġija li trid minn firxa sħiħa ta' fornituri tal-elettriku l-gass li joffru s-servizzi tagħhom fiż-żona tiegħek.
Tista' tagħżel fornitur tal-elettriku jew tal-gass irreġistrati f'pajjiż ieħor tal-UE, bil-kondizzjoni li l-fornitur joffri wkoll servizzi fiż-żona tiegħek u tiftehmu fuq kuntratt.
Twissija
Hemm differenza distinta bejn fornitur tal-enerġija u operatur tan-network. Tista' tagħżel il-fornitur iżda mhux l-operatur tan-network taż-żona tiegħek. L-operatur tan-network ma jistax joffri l-forniment tal-enerġija hu. Xi drabi l-operatur tan-network jifforma parti minn kumpanija ikbar li tforni l-enerġija. Madankollu, f'dan il-każ, l-operatur tan-network għandu jkollu identità viżiva separata biex ma jitħallatx mal-kumpanija separata li tforni l-enerġija.
Bdil tal-fornitur tal-enerġija
Jekk inti tiddeċiedi li tibdel il-fornitur tal-elettriku jew tal-gass, ma teħilx flus tal-bidla. L-operatur tan-network fiż-żona tiegħek irid jagħmel il-bidla fi żmien 3 ġimgħat, sakemm inti tirrispetta t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt oriġinali (eż. perijodu tan-notifika, tul ta' żmien minimu miftiehem tal-kuntratt). Il-fornituri ma jistgħux jimponu obbligi sproporzjonati li jwaqqfu lill-konsumaturi milli jibdlu minn wieħed għall-ieħor.
Għandek tirċievi l-aħħar stqarrija ta' għeluq tal-kont tiegħek mingħand il-fornitur ta' qabel mhux aktar tard minn 6 ġimgħat wara li tibdel il-fornitur.