Responsabbiltajiet tal-iskart WEEE
Jekk inti timmanifattura, tqassam jew tbigħ tagħmir elettriku u elettroniku bħal kompjuters, friġġis, telefowns ċellulari, il-liġijiet nazzjonali u tal-UE jeħtieġu li int tikkontribwixxi biex tiżgura li dan jintrema u jiġi ttrattat kif suppost. Dan ifisser:
- ir-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli ("reġistri") f'kull pajjiż fejn tqassam jew tbigħ it-tagħmir
- il-preżentazzjoni ta' rapport regolari dwar l-ammont ta' tagħmir elettriku u elettroniku mibjugħ,
- l-organizzazzjoni jew il-finanzjament tal-ġbir, it-trattament, ir-riċiklaġġ u l-irkupru tal-prodotti tiegħek
- bħala distributur, li tipprovdi servizz ta' teħid lura, fejn il-klijenti tiegħek jistgħu jirritornaw mingħajr ħlas l-iskart elettriku u elettroniku
- bħala manifattur, li tkun konformi mad- Direttiva dwar ir-restrizzjoni ta' sustanzi perikolużi en
L-iskart iġġenerat minn dawn il-prodotti jissejjaħ WEEE: Skart ta' Tagħmir Elettriku u Elettroniku. Tista' ssib lista indikattiva tat-tagħmir li jaqa' taħt il-liġijiet relatati fid- direttiva dwar il-WEEE .
Irreġistra mal-awtoritajiet nazzjonali tal-WEEE
Trid tirreġistra l-kumpanija tiegħek mal-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-WEEE f' kull pajjiż tal-UE fejn int tbigħ il-prodotti tiegħek. Tista' ssib id-dettalji ta' kuntatt tar-reġistri nazzjonali fin- Network Ewropew ta' Reġistri WEEE en .
Issottometti rapport
Hekk kif tibda tbigħ prodotti bit-tikketta WEEE fis-suq tal-UE, inti trid tissottometti lill-awtoritajiet nazzjonali rapport regolari bid-dettalji tat-tipi ta' tagħmir li int immanifatturajt, qassamt jew bigħt, u f'liema ammonti.
Tista' tikseb il-formati għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar mir-reġistri nazzjonali.
Immaniġġja l-iskart EEE tiegħek
Trid tikkontribwixxi biex it-tagħmir li inti timmanifattura, twassam jew tbigħ jintrema b'mod xieraq ladarba l-konsumatur jarmih. Inti tista' tagħżel li tissieħeb ma' skema ta' konformità kollettiva mal-WEEE, jew li tistabbilixxi l-iskema tiegħek stess.
Ingħaqad ma' skema ta' konformità eżistenti jew stabbilixxi waħda individwali
Skemi ta' konformità kollettivi
Jeżistu skemi ta' konformità kollettivi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, imwaqqfa mis-settur privat jew mill-gvern. L-iskemi jippermettu lill-manifatturi, lid-distributuri u lill-bejjiegħa li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fuq il-ġestjoni tal-iskart b'mod konġunt. Dawn jaħdmu fuq bażi ta' sħubija mħallsa.
Minbarra l-finanzjament u l-organizzazzjoni tal-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-riċiklaġġ tal-WEEE għall-membri tagħhom, is-servizzi tal-iskemi jistgħu jinkludu:
- iż-żamma ta' rekords dwar il-prodotti kollha mmanifatturati, mqassma jew mibjugħa mill-membri
- il-preżentazzjoni ta' rapporti lill-awtoritajiet nazzjonali
- iż-żieda fl-għarfien tal-konsumatur dwar l-importanza li l-EEE jintrema kif suppost
Skemi ta' konformità individwali
Skont it-tip u l-ammont ta' prodotti li tipproduċi jew tqassam, tista' tkun kapaċi tistabbilixxi l-iskema ta' konformità tiegħek stess. Dan jista' jkun il-każ jekk inti tbigħ apparat speċifiku mmanifatturat f'serje limitata għal industrija speċifika, bħal apparati mediċi użati fl-isptarijiet. Żomm f'moħħok li r-regoli dwar skemi bħal dawn jistgħu jvarjaw skont il-pajjiż.
Għal informazzjoni dwar skemi ta' konformità kollettivi jew individwali f'pajjiż partikolari tal-UE, iċċekkja r-reġistri nazzjonali li hemm link għalihom min- Network Ewropew ta' Reġistri WEEE .