Alkoħol, tabakk u dazji tas-sisa
Ġarr ta’ alkoħol u tabakk meta tivvjaġġa bejn il-pajjiżi tal-UE
Bħala regola, id-dazji tas-sisa jridu jitħallsu fil-pajjiż fejn jiġu kkunsmati l-alkoħol u t-tabakk. Madankollu, hemm eżenzjonijiet għal individwi privati meta jivvjaġġaw bejn il-pajjiżi tal-UE. Din l-eżenzjoni tapplika sakemm il-prodotti mixtrija jkunu għall-użu tiegħek stess u mhux għall-bejgħ mill-ġdid. Peress li t-taxxi (il-VAT u s-sisa) huma inklużi fil-prezz tal-prodott fil-pajjiż fejn xtrajtu, ma trid tħallas xejn aktar f'ebda pajjiż ieħor tal-UE.
Madankollu, biex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti li tkun xtrajt humiex għall-użu tiegħek stess, l-awtoritajiet doganali tal-UE jistgħu jħarsu lejn diversi elementi differenti bħal, jekk intix sid jew taħdem għal negozju kummerċjali, kif inhuma ppakkjati u ttrasportati l-prodotti, eċċ. Se jħarsu wkoll lejn il-kwantità ta’ prodotti li qed tivvjaġġa biha. Għal din ir-raġuni, kull pajjiż tal-UE jista’ jistabbilixxi l-valuri gwida tiegħu stess fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ prodotti tat-tabakk u xarbiet alkoħoliċi li tista’ ddaħħal fil-pajjiż. Dawn il-valuri gwida ma jistgħux ikunu inqas minn dawn li ġejjin:
Oġġetti | Valuri gwida tal-UE |
---|---|
Sigaretti | 800 |
Sigarillos (sigarri li jiżnu mhux aktar minn 3 grammi kull wieħed) | 400 |
Sigarri | 200 |
Tabakk | 1kg |
Spirti (pereżempju whiskey jew gin) | 10 litri |
Inbid imsaħħaħ (bħal sherry jew port) | 20 litru |
Inbid | 90 litru (li minnhom 60 litru biss jistgħu jkunu frizzanti) |
Birra | 110 litru |
Twissija
Peress li l-valuri msemmija hawn fuq huma purament indikattivi, iċċekkja l-valuri gwida indikati mill-awtoritajiet doganali en fil-pajjiż tal-UE li qed tivvjaġġa fih.
Ġarr ta’ kwantitajiet ogħla mill-valuri gwida
Jekk l-awtoritajiet doganali jissuspettaw li tkun qed iġġorr merkanzija li mhijiex għall-użu tiegħek stess, jew hi maħsuba għall-bejgħ mill-ġdid, jista’ jkun li tiġi mitlub tagħti prova li fil-fatt hi għall-użu personali (billi tipproduċi prova ta’ xiri eċċ.). Jekk ma tkunx tista’ tagħti evidenza suffiċjenti, tista’ tintalab tħallas id-dazji tas-sisa fil-pajjiż tad-destinazzjoni tiegħek, jew il-prodotti tiegħek jistgħu jiġu kkonfiskati.
Twissija
Japplikaw regoli aktar stretti għal vjaġġatturi li jkunu taħt is-17-il sena. Dawn jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, għalhekk iċċekkja qabel ma tivvjaġġa.
VAT u dazji tas-sisa meta tidħol fl-UE minn pajjiż mhux tal-UE
Jekk tidħol fl-UE minn pajjiż mhux tal-UE, tista’ ġġib miegħek oġġetti mingħajr VAT u dazji tas-sisa jekk ma tkunx se tbigħhom mill-ġdid u tirrispetta l-limiti stabbiliti hawn taħt. L-istess regoli jgħoddu jekk tkun ġej mill-Gżejjer Kanarji jew territorji oħrajn en fejn ma japplikawx ir-regoli tal-UE dwar il-VAT u s-sisa.
Konċessjonijiet ta’ alkoħol u tabakk meta tidħol fl-UE minn pajjiż mhux tal-UE
Konċessjoni għall-alkoħol
Tista’ ddaħħal a):
- 4 litri ta' nbid bla gass u
- 16-il litru birra
Barra minn hekk, tista’ ġġib b):
- 1 litru ta’ spirti ’l fuq minn 22% vol. (bħal vodka jew gin) jew
- 1 litru ta’ alkoħol mhux żnaturat (alkoħol etiliku) ta’ 80% vol. (jew aktar) jew
- 2 litri ta’ nbid imsaħħaħ (pereżempju sherry jew port) jew inbid frizzanti
Kull wieħed mill-ammonti msemmija taħt b) jirrappreżenta l-konċessjoni totali tiegħek f’dan il-kategorija ta’ xorb alkoħoliku li jista’ jinqasam skont il-preferenza tiegħek. Pereżempju, tista’ ġġib miegħek; 4 litri nbid bla gass, 16-il litru birra, nofs litru ta’ spirti u 1 litru nbid imsaħħaħ jew 4 litri nbid bla gass, 16-il litru birra u 2 litri nbid frizzanti.
Konċessjoni għat-tabakk
Skont il-pajjiż tal-UE li tkun qed iżżur, jista’ japplika limitu ogħla jew aktar baxx. Jekk pajjiż tal-UE jiddeċiedi li japplika limiti aktar baxxi, jista' jagħżel li japplikahom biss għal vjaġġaturi bl-art u bil-baħar (il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovakkja) jew għall-vjaġġaturi kollha (l-Estonja u r-Rumanija).
Twissija
Il-lista tal-pajjiżi tal-UE msemmija hawn fuq hija indikattiva u tista’ tkun soġġetta għal tibdil, għall-aktar informazzjoni aġġornata dwar l-konċessjonijiet tat-tabakk iċċekkja l-limiti indikati mill-awtoritajiet doganali en fil-pajjiż tal-UE li qed tivvjaġġa fih.
Limitu ogħla | Limitu aktar baxx |
---|---|
200 sigarett jew |
40 sigarett jew |
Inti tista’ tikkombina kwalunkwe prodott tat-tabakk minn dawn, iżda ma tistax taqbeż il-limitu totali. Pereżempju, għall-ivvjaġġar lejn pajjiżi tal-UE fejn japplika l-ogħla limitu, tista’ ġġorr 50 sigarillos u 25 sigarru, din hija l-konċessjoni totali tiegħek.
Twissija
Jekk għadek m'għalaqtx 17-il sena m'intix intitolat għal konċessjoni ta' alkoħol jew tabakk mingħajr dazju.
Merkanzija oħra inklużi l-fwejjaħ
Tista’ ġġorr merkanzija oħra sa valur ta’ €300 għal kull vjaġġatur jew €430 għall-vjaġġaturi bl-ajru u bil-baħar. Xi pajjiżi tal-UE japplikaw limitu aktar baxx ta' €150 għall-vjaġġaturi ta' taħt il-15-il sena.
Fjuwil
Tista’ ġġorr 10 litri (massimu) f’kontenitur li jinġarr, minbarra l-fjuwil fit-tank tal-fjuwil tiegħek. Din ir-regola tapplika għal kull tip ta’ vettura b’mutur.
Dazji tas-sisa meta tkun ħiereġ mill-UE
Jekk qed tivvjaġġa għal destinazzjoni barra l-UE (u ċerti żoni fl-UE bħall-Gżejjer Kanarji en ) tista’ tixtri merkanzija bla dazju u taxxa fl-hekk imsejħa “ħwienet ħielsa mit-taxxa” fl-ajruporti u l-portijiet. Madankollu, għandek iżżomm f'moħħok li din il-merkanzija tista' tkun suġġetta għal konċessjoni bla dazju u bla taxxa fil-pajjiż ta' destinazzjoni tiegħek barra l-UE.
Tranżitu fl-UE permezz tal-Iżvizzera jew pajjiż ieħor li mhuwiex tal-UE
Jekk iġġorr kwantitjiet ta’ alkoħol jew tabakk ogħla mil-limiti permessi fl-Iżvizzera, trid tiddikjarahom meta tidħol l-Iżvizzera u meta terġa’ tidħol fl-UE. Fl-Iżvizzera, inti tista’ tkun mitlub li tipprovdi garanzija finanzjarja li se tirċievi lura meta titlaq mill-pajjiż bil-merkanzija.