Reġistrazzjoni tal-karozzi f'pajjiż ieħor tal-UE

Jekk se tmur tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE bil-karozza tiegħek, japplikaw regoli speċifiċi għar-reġistrazzjoni tal-karozza skont jekk tixtieqx tiċċaqlaq hemmhekk b'mod temporanju jew permanenti, skont it-tul tas-soġġorn tiegħek u skont il-pajjiż li sejjer fih.

Twissija

Il-parti l-kbira tar-regoli li japplikaw għall-karozzi, japplikaw ukoll għat-trailers.

Ċaqliq fuq bażi permanenti

Jekk tmur tgħix b'mod permanenti f'pajjiż ieħor tal-UE u tieħu l-karozza miegħek, għandek tirreġistra l-karozza tiegħek u tħallas it-taxxi relatati mal-karozzi fil-pajjiż il-ġdid tiegħek.

M'hemmx regoli komuni tal-UE dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u t-taxxi relatati. Xi pajjiżi għandhom regoli ta' eżenzjoni mit-taxxa għar-reġistrazzjoni tal-vetturi meta tkun qed tiċċaqlaq bil-karozza minn pajjiż għal ieħor b'mod permanenti.

Biex tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa, trid tiċċekkja l-iskadenzi u l-kundizzjonijiet applikabbli fil-pajjiż fejn tixtieq tmur tgħix.

Iċċekkja r-regoli u l-iskadenzi eżatti mal-awtoritajiet nazzjonali:

Storja bħala eżempju

Kun af ir-regoli biex tevita l-multi

Cristina minn Spanja sabet impjieg f'Bordeaux u marret tgħix hemm b'mod permanenti. Hi rreġistrat lilha nnifisha fir-reġistru muniċipali bħala li tgħix f'Bordeaux. Wara ftit xhur, iddeċidiet li ġġib il-karozza reġistrata Spanjola tagħha fi Franza iżda baqgħet issuq bil-karozza rreġistrata Spanjola tagħha. 8 xhur wara ċ-ċaqliq tagħha twaqqfet mill-pulizija tat-traffiku waqt kontroll ta' rutina. Peress li kienet qed issuq bi pjanċa ta' reġistrazzjoni Spanjola, ingħatat multa kbira minħabba li kellha bżonn tirreġistra mill-ġdid il-karozza tagħha fi żmien xahar wara li stabbilixxiet ir-residenza ewlenija tagħha fi Franza. Peress li hi kienet irreġistrat bħala li għandha r-residenza prinċipali tagħha f'Bordeaux, hi preżunta li għandha r-residenza normali tagħha fi Franza u, skont ir-regoli nazzjonali hi għandha tirreġistra l-karozza tagħha fi Franza u tħallas it-taxxi tar-reġistrazzjoni tal-vetturi hemmhekk.

Ċaqliq fuq bażi temporanja (mhux bdil tar-residenza normali)

Jekk tmur tgħix temporanjament f'pajjiż ieħor tal-UE mingħajr ma tibdel ir-residenza normali tiegħek ma għandekx għalfejn tirreġistra l-karozza tiegħek jew tħallas xi taxxa ta' reġistrazzjoni hemmhekk. Tista' żżomm ir-reġistrazzjoni tal-karozza tiegħek fil-pajjiż ta' residenza normali tiegħek.

Ir-residenza normali tiegħek hi l-post fejn tgħix, taħdem jew fejn għandek familja (għal aktar minn 185 jum f'sena kalendarja).

Jekk ma taħdimx, ir-residenza normali titqies bħala l-post fejn għandek rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejnek u l-post fejn qed tgħix.

Jekk taħdem f'post iżda r-rabtiet personali tiegħek jinsabu f'pajjiż ieħor tal-UE, normalment titqies li għandek ir-residenza normali tiegħek fil-pajjiż tal-UE tar-rabtiet personali tiegħek, sakemm tmur lura hemm regolarment.

Jekk titwaqqaf mill-pulizija fil-pajjiż fejn qed toqgħod temporanjament, ikollok turi li m'intix tgħix hemm b'mod permanenti. Xi drabi dan jista' jkun diffiċli. Meta ssuq, hi drawwa tajba li jkollok miegħek iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tal-karozza tiegħek, iċ-ċertifikat tas-sjieda u prova tar-residenza normali tiegħek (ġeneralment karta tal-identità jew dokument li juri li int irreġistrat bħala resident f'pajjiż ieħor tal-UE).

Storja bħala eżempju

Kun af ir-regoli biex tevita l-multi

Massimo, ċittadin Taljan, sab impjieg fir-Rumanija u ddeċieda li jmur jgħix hemm b'mod permanenti. Skont ir-regoli Taljani u Rumeni, hu neħħa r-reġistrazzjoni tar-residenza tiegħu mill-Italja, irreġistra r-residenza tiegħu fir-Rumanija u kien elenkat fir-reġistru Taljan tat-Taljani li jgħixu barra mill-pajjiż. Hu rreġistra wkoll il-karozza tiegħu fir-Rumanija. Wara bosta xhur jgħix fir-Rumanija, Massimo saq lura l-Italja bil-karozza tiegħu rreġistrata fir-Rumanija. Hekk kif ħareġ fid-dawl aħmar, il-pulizija waqqfuh u talbuh id-dokumenti kollha. Massimo ta l-karta tal-identità Taljana tiegħu – li kienet għadha ma ġietx aġġornata bl-indirizz il-ġdid. Peress li ma setax juri lill-pulizija li issa kien residenti permanenti fir-Rumanija, il-pulizija imponiet multa qawwija.

Jekk qed issuq temporanjament fil-pajjiż il-ġdid tal-UE tiegħek, ma għandekx issellef jew tikri l-karozza tiegħek (li għadha rreġistrata f'pajjiż ieħor tal-UE) lil resident ta' dak il-pajjiż tal-UE. Dan għax il-persuna tista' tiġi suġġetta għal multa. Madankollu, tista' tislef il-karozza tiegħek lill-ħbieb jew lill-membri tal-familja sakemm ma jkollhomx ir-residenza tagħhom f'dak il-pajjiż tal-UE.

Punti ta' penali u multi

Tista' tingħata multa:

  • jekk jeħtieġlek tirreġistra l-karozza tiegħek iżda tonqos milli tagħmel dan fil-ħin
  • jekk ma tħallasx it-taxxi rilevanti
  • jekk issuq bi pjanċa minn pajjiż ieħor tal-UE mingħajr prova ta' residenza normali f'pajjiż ieħor tal-UE u test validu tal-affidabilità stradali.

Tista' tiċċekkja r-regoli eżatti li japplikaw għar-reġistrazzjoni tal-karozza fil-pajjiż li sejjer fih fis-siti web tal-awtoritajiet nazzjonali:

Regoli speċifiċi għall-istudenti u l-ħaddiema transfruntieri

L-istudenti li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għall-iskop uniku li jkomplu l-istudji tagħhom u l-ħaddiema transfruntieri normalment ma jkollhomx iħallsu t-taxxi fuq ir-reġistrazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-karozzi.

Iċċekkja r-regoli eżatti dwar it- taxxi tal-karozzi f'pajjiż ieħor tal-UE Iftaħ bħala link estern li japplikaw għall- istudenti u l- ħaddiema transfruntiera.

Studenti

Jekk int student u tmur tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE bl-uniku għan li twettaq l-istudji tiegħek, tista' ssuq il-karozza tiegħek irreġistrata f'pajjiżek mingħajr ma jkollok tirreġistraha jew tħallas it-taxxi fil-pajjiż il-ġdid tiegħek. Bħala student, għandek bżonn tkun reġistrat fi stabbiliment f'dak il-pajjjiż u tkun tista' tipprovdi ċertifikat validu ta' reġistrazzjoni. Jekk tibda taħdem matul l-istudji tiegħek, madankollu, se jkollok tirreġistra l-karozza tiegħek f'dak il-pajjiż.

Qabel ma tħalli l-pajjiż domiċiljari tiegħek, għandek tiċċekkja r-regoli applikabbli fil-pajjiż li fih sejjer tistudja. Jista' jkollok bżonn li tissodisfa xi formalitajiet amministrattivi jew tissodisfa ċerti kundizzjonijiet sabiex jiġu evitati problemi waqt il-verifiki tal-pulizija.

Twissija

Id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja u l-Iżvezja ma jeżentawx lill-istudenti milli jirreġistraw il-karozza tagħhom u milli jħallsu t-taxxi korrispondenti.

Storja bħala eżempju

Mathieu minn Franza ċċaqlaq lejn il-Belġju fejn qed jagħmel kors postgradwatorju ta' sentejn. Il-karozza ta' Mathieu kellha l-ħsara u hu mar għand il-pulizija biex jikseb rapport għall-assigurazzjoni. Meta l-pulizija skoprew li Mathieu kien ilu jgħix il-Belġju għal aktar minn sena mingħajr ma rreġistra l-karozza hemm, qalulu li s-sitwazzjoni tiegħu kienet irregolari u kellu jkun immultat.

Madankollu, Mathieu seta' juri li kien miktub fl-Università ta' Antwerp u li għalhekk, bħala student minn pajjiż ieħor tal-UE, ma kellux għalfejn iħallas taxxi tal-karozza jew tat-triq fil-Belġju.

Ħaddiema transfruntieri

Bħala ħaddiem transfruntier (taħdem f'pajjiż wieħed u tgħix f'ieħor), jista' jkollok bżonn issuq karozza li hi rreġistrata f'wieħed biss miż-żewġ pajjiżi.

Jekk tuża karozza ta' kumpanija reġistrata fil-pajjiż fejn taħdem, tista' tużaha wkoll fil-pajjiż fejn tgħix fih mingħajr ma tirreġistraha hemm. Iċċekkja l-kundizzjonijiet differenti li japplikaw għall- użu ta' karozza ta' kumpanija fl-UE billi r-regoli jistgħu jvarjaw b'mod konsiderevoli.

Jekk tuża l-karozza tiegħek stess biex tivvjaġġa regolarment mill-pajjiż fejn tgħix għall-pajjiż fejn taħdem, trid tirreġistraha u tħallsilha t-taxxi fil-pajjiż fejn tgħix - iżda mhux fil-pajjiżi fejn taħdem.

Għal aktar informazzjoni kemm dwar ir-reġistrazzjoni u t-taxxi tal-karozzi rilevanti kif ukoll links għal siti web ta' awtoritajiet nazzjonali ara:

Twissija

L-informazzjoni f'din il-paġna ma tapplikax għal ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE u għal ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit. Ir-regoli nazzjonali huma applikabbli f'dawn il-każijiet.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 23/10/2024
Ikkondividi din il-paġna