Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa
Il-manifatturi u l-importaturi għandhom il-permess jippromwovu l-benefiċċji tan-nutrizzjoni u/jew tas-saħħa tal-prodotti tal-ikel tagħhom jekk:
- il-benefiċċji huma ppruvati xjentifikament
- ir-regoli tal-UE huma segwiti fir-rigward tat-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar
L-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma jistgħux:
- ikunu foloz, ambigwa jew qarrieqa
- jitfgħu dubju dwar is-sikurezza jew l-adegwatezza nutrizzjonali ta' ikel ieħor
- iħeġġu jew jittolleraw il-konsum eċċessiv ta' ikel
- jiddikjaraw jew jimplikaw li dieta bilanċjata ma tistax, fiha nnifisha, tipprovdi kwantitajiet xierqa ta' nutrijenti
- jagħmlu dikjarazzjonijiet li jinċitaw il-biża' min-naħa tal-konsumaturi
Il-manifatturi u l-importaturi għandu jkollhom (u jissottomettu lill-awtoritajiet nazzjonali fuq talba) dokumentazzjoni xjentifika li tiċċertifika l-indikazzjoni dwar il-prodott.
Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni
Il-liġi tal-UE tippermetti ċerti indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni, li tista' tuża jekk:
- tista' turi li l-prodott tiegħek jikkonforma mad-definizzjoni uffiċjali
- il-prodott jikkonforma mal-kundizzjonijiet biex issir l-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni (eżempju: "mingħajr melħ" tista' tintuża biss jekk il-prodott ikun fih inqas minn 0.005g ta' sodju għal kull 100g)
Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni awtorizzati skont il-liġi tal-UE
Indikazzjonijiet dwar is-saħħa
Lista aġġornata regolarment ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati u mhux awtorizzati hija disponibbli fir- Reġistru tal-UE tal-Indikazzjonijiet dwar in-Nutrizzjoni u s-Saħħa en . In-negozji tal-ikel attivi fl-UE jistgħu jużaw l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi u ġenerali. L-awtoritajiet nazzjonali jimmonitorjaw l-użu tal-indikazzjonijiet permezz ta' spezzjonijiet u leġiżlazzjoni.
Awtorizzazzjoni għal indikazzjonijiet ġodda
Tixtieq tagħmel talba għal indikazzjoni li ma tidhirx diġà fir-Reġistru tal-UE tal-Indikazzjonijiet dwar in-Nutrizzjoni u s-Saħħa? In-negozju tiegħek jista' japplika għall-awtorizzazzjoni: l-informazzjoni li se jkollok tipprovdi hija elenkata fl-Artikolu 15 tar- Regolament tal-UE . Hemm aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni fuq il- portal tal-ikel tal-Kummissjoni Ewropea en .
Informazzjoni meħtieġa għal applikazzjonijiet għal indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa
Awtoritajiet nazzjonali għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet għal indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa en
Regoli dwar it-tikkettar
Tista' tuża l-indikazzjoni dwar is-saħħa biss jekk turiha flimkien mal-informazzjoni li ġejja fuq it-tikketta, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodott:
- dikjarazzjoni li tindika l-importanza ta' dieta bilanċjata u stil ta' ħajja san
- il-kwantità tal-ikel u l-mod tal-konsum meħtieġ biex jinkiseb l-effett ta' benefiċċju indikat (eżempju: "30g ta' ġewż ikkunsmat kuljum itejjeb l-elastiċità tal-vażi tad-demm")
- fejn xieraq, dikjarazzjoni indirizzata lejn persuni li għandhom jevitaw l-użu ta' dak l-ikel (eżempju: "Mhux tajjeb għal nisa tqal jew li qed ireddgħu")
- twissija għal prodotti li jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa jekk ikkunsmati eċċessivament.