Qraba oħra

Jekk int ċittadin tal-UE li sejjer f'pajjiż ieħor tal-UE biex tgħix, taħdem jew tistudja, ir-regoli tal-UE jagħmluha eħfef għal familtek biex tingħaqad miegħek. F'din il-paġna tista' ssib kif il-membri tal-familja apparti l-konjuġi u wliedek jistgħu joqogħdu miegħek bħala dipendenti.

Twissija

Madankollu, jekk inti ċittadin tal-UE u qatt ma għext f'pajjiż ieħor tal-UE, se japplikaw biss ir-regoli nazzjonali.

Jekk qrabatek huma ċittadini tal-UE, kull ma se jkollhom bżonn hija karta tal-identità jew passaport validi.

Jekk m'humiex ċittadini tal-UE, se jkollhom bżonn passaport validu u xi kultant viża tad-dħul. Dan jiddependi fuq liema hu l-pajjiż li ġejjin minnu.

Aqra aktar dwar ir-rekwiżiti u l-eżenzjonijiet għal viża tad-dħul.

Twissija

Qabel ma titlaq, iċċekkja mal- konsulat tal-pajjiż li sejjer tgħix fih biex tara jekk il-membri ta' familtek li mhumiex mill-UE jeħtiġilhomx viża tad-dħul, u kemm iddum biex tinħarġilhom.

Qis li żżomm dokument tal-identità nazzjonali fuqek

F'ħafna pajjiżi tal-UE, trid iżżomm il-ħin kollu fuqek il-karta tal-identità nazzjonali jew il-passaport.

F'dawn il-pajjiżi, tista' tkun immultat jew arrestat temporarjament jekk tħalli d-dokumenti tal-identità tiegħek id-dar - iżda ma tistax tintbagħat lura f'pajjiżek minħabba f'hekk biss.

Iċċekkja jekk għandekx iġġorr dejjem il-karta tal-identità jew il-passaport f'dak il-pajjiż:

Irrapporta l-preżenza tiegħek

Xi pajjiżi tal-UE jeħtiġuk tirrapporta l-preżenza tiegħek mal-awtoritajiet relevanti f'perjodu ta' żmien raġjonevoli wara li tasal. Huma jistgħu jimponu penali, bħal multa, jekk ma tagħmilx dan.

Il-membri tal-familja tiegħek jistgħu joqogħdu miegħek għal aktar minn 3 xhur bħala d-dipendenti tiegħek.

Qraba jistgħu joqgħodu jekk huma:

  • morda serjament u għandhom bżonnok biex tieħu ħsiebhom, jew
  • jiddependu ekonomikament fuqek.

Il- partners jtistgħu joqgħodu jekk ilkom f' relazzjoni fit-tul.

L-awtoritajiet fil-pajjiż li qed jospitak jiddeċiedu abbażi ta' każ b'każ, u jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi personali tiegħek u l-kundizzjonijiet lokali applikabbli.

Il-liġi tal-UE tiggarantixxi li l- partner jew il- qraba dipendenti tiegħek:

  • ikollhom l-applikazzjoni tagħhom biex jgħixu miegħek fil-pajjiż ġdid tiegħek ivvalutata mill-awtoritajiet ta' dak il-pajjiż
  • jirċievu deċiżjoni bil-miktub malajr kemm jista' jkun
  • jistgħu jappellaw jekk l-applikazzjoni tagħhom tiġi miċħuda. Iċ-ċaħdiet għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għaċ-ċaħda u l-implikazzjonijiet għall-partner tiegħek jew qrabatek, u jispeċifikaw kif dawn jistgħu jappellaw u kemm għandhom żmien biex jagħmlu dan.

Jekk inti ħaddiem

Jekk qed taħdem f'pajjiż ieħor - bħala impjegat, persuna li taħdem għal rasek jew li ntbagħat taħdem hemm, l-awtoritajiet għandhom ċertament jikkunsidraw dan meta huma jiddeċiedu jekk il-partner tiegħek/qrabatek jistgħux joqogħdu jew le.

Jekk int pensjonant jew student

Jekk int pensjonant jew student, ikollok turi li għandek għalik innifsek u għall-familja kollha:

  • dħul ta' flus biżżejjed biex tgħixu mingħajr ma jkun jeħtiġilkom għajnuna finanzjarja
  • azzigurazzjoni komprensiva fuq is-saħħa fil-pajjiż li qed jospitak.

L-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jitolbu li d-dħul ta' flus ikun aktar mil-livell li jkun jikkwalifika lil familtek għal għajnuna finanzjajra bażika.

Reġistrazzjoni

Qrabatek jew il-partner tiegħek għandhom japplikaw għal ċertifikat ta' reġistrazzjoni jew karta ta' residenzamal-awtoritajiet (ta' spiss fl-uffiċċju muniċipali jew l-għassa tal-pulizija) fi żmien 3 xhur mill-wasla tagħhom.

Talba ta' tluq u deportazzjoni

Qrabatek tiegħek jistgħu jgħixu fil-pajjiż li qed jospitak sakemm jibqgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' residenza. Jekk ma jagħmlux dan aktar, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jgħidulhom biex jitilqu.

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li qed jospitak jista' jiddeċiedi li jiddeportahom għal raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika, jekk ikun jista' juri li huma ta' theddida serja.

Id-deċiżjoni ta' deportazzjoni jew it-talba biex iħallu l-pajjiż għandha tingħatalhom bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni u tispeċifika kif huma jistgħu jappellaw u sa meta.

Qrabatek u l-partner tiegħek jistgħu jiksbu d-dritt awtomatiku għal residenza permanenti jekk għexu legalment fil-pajjiż ospitanti għal żmien kontinwu ta' mhux inqas minn 5 snin.

Dan ifisser li huma jistgħu joqogħdu fih kemm iridu, anki jekk ma jaħdmux jew jekk jeħtieġu għajnuna finanzjarja. Għandhom igawdu mill-istess drittijiet, benefiċċji u vantaġġi bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż.

Jistgħu jitilfu d-dritt tagħhom għal residenza permanenti jekk jgħixu barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn konsekuttivi.

Sib aktar tagħrif dwar:

Mewt

Jekk kont impjegat jew taħdem għal rasek f'pajjiż ieħor tal-UE u tmut qabel ma tkun akkwistajt residenza permanenti fih, qrabatek jew il-partner tiegħek li kienu wkoll jgħixu miegħek bħala membri tal-familja jistgħu jibqgħu hemm permanentament jekk:

  • mewtek kienet riżultat ta' aċċident fuq ix-xogħol jew marda professjonali, jew
  • sa mewtek, tkun għext b'mod kontinwu f'dak il-pajjiż għal tal-anqas sentejn.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 02/02/2023
Ikkondividi din il-paġna