Id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ
Ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet relatati max-xarabanks u l-kowċis japplikaw jekk il-vjaġġ tiegħek jibda jew jispiċċa f' pajjiż tal-UE, u japplikaw l-aktar għal servizzi ta' vjaġġi b'distanza twila bix-xarabank jew bil-kowċ. Dawn id-drittijiet japplikaw jekk tkun qed tivvjaġġa b'servizzi regolari li joperaw tul rotot speċifiċi fejn il-passiġġieri jitrikkbu u jitniżżlu f'punti ta' waqfien predefiniti skont skeda stabbilita. Distanzi twal tfisser li d-distanza skedata tas-servizz, mhux il-vjaġġ individwali tiegħek, hija ta' 250 km jew aktar.
Matul il-vjaġġ tiegħek, l-operatur tax-xarabank jew tal-kowċ għandu jipprovdi informazzjoni ċara u korretta dwar is-servizz u d-drittijiet tiegħek bħala passiġġier. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli f'format aċċessibbli għall- persuni b'diżabilità.
X'mar ħażin?
- Is-servizzi tax-xarabank jew tal-kowċ tiegħek ġew ikkanċellati
- Is-servizz tax-xarabank jew tal-kowċ tiegħek dam ma telaq
- Il-bagalja tiegħek intilfet jew saritilha l-ħsara f'aċċident
- Korrejt f'aċċident b'xarabank jew b'kowċ
- Inti dipendenti ta' vittma ta' aċċident fatali tax-xarabank jew tal-kowċ
Kif tista' titlob id-drittijiet tiegħek?
Jekk taħseb li d-drittijiet tiegħek ma ġewx rispettati, għandek tressaq ilment lill-kumpanija tax-xarabank jew tal-kowċ fi żmien 3 xhur mis-servizz skedat li matulu seħħet il-problema. Il-kumpanija tax-xarabank jew tal-kowċ trid tirreaġixxi fi żmien xahar u tagħtik tweġiba finali 3 xhur wara li jkun waslilha l-ilment. Jekk ma tkunx sodisfatt bit-tweġiba, tista' tressaq ilment mal- awtorità nazzjonali en rilevanti f'pajjiżek. L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdilek opinjoni legali mhux vinkolanti dwar kif tipproċedi bit-talba tiegħek.
Tista' tipprova wkoll issolvi t-tilwima tiegħek bi proċeduri barra l-qorti jew b' entità ta' Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR). Jekk xtrajt il-biljett tiegħek online, tista' tissottometti l-ilment tiegħek permezz tal- pjattaforma ta' Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR). L-ADR u l-ODR huma disponibbli biss għar-residenti tal-UE.
Forsi tixtieq tirrikorri għal azzjoni legali formali u tissottometti talba għal kumpens skont ir-regoli tal-UE permezz tal- Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Tista' wkoll tressaq il-kwistjoni quddiem il-qrati fil-pajjiż fejn hi rreġistrata l-kumpanija tax-xarabanks jew tal-kowċis. Il-limiti ta' żmien biex tressaq azzjoni kontra kumpanija tax-xarabanks jew tal-kowċis quddiem qorti nazzjonali huma definiti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-limitazzjoni ta' azzjonijiet f'kull pajjiż tal-UE.
Tista' tikkonsulta wkoll liċ- Ċentru Ewropew tal-Konsumatur għal għajnuna jew parir dwar problemi relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri tax-xarabank jew tal-kowċ.
Is-servizz tax-xarabank jew tal-kowċ tiegħek ġie kkanċellat
Jekk is-servizz skedat tax-xarabank jew tal-kowċ li tkun ibbukkjajt jittardja jew jiġi kkanċellat, l-operatur tax-xarabanks / tal-kowċis jew l-operatur tat-terminal irid jinfurmak dwar is-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli - u mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat. F'każ ta' dewmien, għandek tiġi infurmat dwar il-ħin stmat tat-tluq malli din l-informazzjoni ssir disponibbli.
Jekk is-servizz tal-kowċ jew tax-xarabank tiegħek fuq distanza twila (250 km jew aktar) jiġi kkanċellat minħabba overbooking jew raġunijiet operazzjonali, il-kumpanija trid toffrilek għażla bejn:
- ir-rimborż tal-biljett tiegħek u, fejn meħtieġ, servizz ta' ritorn bla ħlas għall-punt tat-tluq inizjali tas-servizz mal-ewwel opportunità (jekk id-dewmien iwaqqfek milli tissodisfa l-iskop tal-vjaġġ tiegħek) jew
- it-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek jew bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali tiegħek f'kundizzjonijiet komparabbli bla ebda spejjeż żejda u mal-ewwel opportunità
Jekk is-servizz tal-kowċ jew tax-xarabank tiegħek fuq distanza twila (250 km jew aktar) jiġi kkanċellat u t-tul tal-vjaġġ kien skedat li jdum aktar minn 3 sigħat, inti intitolat ukoll għal:
- snacks, ikliet jew xorb, skont il-ħin ta' stennija, sakemm ikunu disponibbli jew jistgħu jiġu fornuti b'mod raġonevoli fuq ix-xarabank jew fit-terminal
- akkomodazzjoni jekk ikollok tgħaddi l-lejl hemm – sa żewġt iljieli, b'rata massima ta' €80 kull lejl– u trasport lejn l-akkomodazzjoni u ritorn għat-terminal
Twissija
Jekk is-servizz tax-xarabank jew tal-kowċ tiegħek ġie kkanċellat minħabba kundizzjonijiet severi tat-temp jew minħabba diżastru naturali, il-fornitur tas-servizz m'għandux għalfejn ikopri l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni.
Is-servizz tax-xarabank jew tal-kowċ tiegħek dam ma telaq
Jekk is-servizz skedat tax-xarabank jew tal-kowċ li tkun ibbukkjajt jittardja jew jiġi kkanċellat, l-operatur tax-xarabanks / tal-kowċis jew l-operatur tat-terminal irid jinfurmak dwar is-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli - u mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat. F'każ ta' dewmien, għandek tiġi infurmat dwar il-ħin stmat tat-tluq malli din l-informazzjoni ssir disponibbli.
Jekk is-servizz tal-kowċ jew tax-xarabank tiegħek fuq distanza twila (250 km jew aktar) idum ma jitlaq għal aktar minn sagħtejn, il-kumpanija għandha toffrilek għażla bejn:
- ir-rimborż tal-biljett tiegħek u, fejn meħtieġ, servizz ta' ritorn bla ħlas għall-punt tat-tluq inizjali tas-servizz mal-ewwel opportunità (jekk id-dewmien iwaqqfek milli tissodisfa l-iskop tal-vjaġġ tiegħek) jew
- it-tkomplija tal-vjaġġ tiegħek jew bdil tar-rotta b'kundizzjonijiet simili, sad-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità bla ebda spejjeż żejda
Jekk l-operatur tas-servizz ma joffrilekx dawn l-għażliet meta jseħħ id-dewmien, tista' tressaq ilment fi stadju aktar tard, u titlob rimborż tal-biljett kif ukoll kumpens ugwali għal 50% tal-prezz tal-biljett.
Jekk is-servizz tal-kowċ jew tax-xarabank tiegħek fuq distanza twila (250 km jew aktar) kien skedat li jdum aktar minn 3 sigħat u t-tluq damet ma telqet b'aktar minn 90 minuta, flimkien ma' dan ta' hawn fuq, int intitolat ukoll għal:
- snacks, ikliet jew xorb, skont il-ħin ta' stennija, sakemm ikunu disponibbli jew jistgħu jiġu fornuti b'mod raġonevoli fuq ix-xarabank jew fit-terminal
- akkomodazzjoni jekk ikollok tgħaddi l-lejl hemm – sa żewġt iljieli, b'rata massima ta' €80 kull lejl– u trasport lejn l-akkomodazzjoni u ritorn għat-terminal
Twissija
Jekk id-dewmien kien ikkawżat minn kundizzjonijiet severi tat-temp jew minħabba diżastru naturali, il-fornitur tas-servizz m'għandux għalfejn ikopri l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni.
Il-bagalja tiegħek intilfet jew saritilha l-ħsara f'aċċident
Jekk il-bagalja tiegħek jew oġġetti personali oħra jintilfu jew issirilhom ħsara minħabba aċċident tax-xarabank jew tal-kowċ fuq distanza twila (250 km jew aktar) għandek dritt għal kumpens. L-ammont eżatt tal-kumpens huwa stabbilit minn regoli nazzjonali, iżda l-limitu massimu m'għandux ikun inqas minn €1,200 għal kull bagalja.
Jekk is-siġġu tar-roti jew xi apparat ieħor ta' għajnuna għall-mobbiltà ssirlu l-ħsara jew jintilef, int intitolat għal kumpens biex tkopri l-ispiża tas-sostituzzjoni jew tat-tiswija tiegħu.
Korrejt f'aċċident b'xarabank jew b'kowċ
Jekk tkorri f'aċċident tax-xarabank jew tal-kowċ matul vjaġġ fuq distanza twila (250 km jew aktar), int intitolat għal kumpens. L-ammont eżatt tal-kumpens huwa stabbilit minn regoli nazzjonali (il-limitu massimu m'għandux ikun inqas minn €220,000 għal kull passiġġier).
L-operatur tax-xarabank jew tal-kowċ għandu wkoll jgħin biex jipprovdi l-ewwel għajnuna, pereżempju billi jċempel ambulanza, u jipprovdi għal kull bżonn prattiku immedjat ieħor li jista' jkollok, inklużi ikel, ħwejjeġ u, jekk ikun hemm bżonn, akkomodazzjoni.
Inti dipendenti ta' vittma ta' aċċident fatali tax-xarabank jew tal-kowċ
Jekk int dipendenti ta' vittma ta' aċċident fatali tax-xarabank jew tal-kowċ, għandek id-dritt għal kumpens, inklużi l-ispejjeż tal-funeral. L-ammont eżatt tal-kumpens huwa stabbilit minn regoli nazzjonali (il-limitu massimu m'għandux ikun inqas minn €220,000 għal kull passiġġier).