Servizzi tal-konsenja tal-pakketti
Jekk tissupplixxi servizzi tal-konsenja tal-pakketti tranfruntieri u domestiċi (sa 31.5kg) għandek tipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità regolatorja nazzjonali (ARN) fil-pajjiż tal-UE li fih hi stabbilita l-kumpanija tiegħek:
- L-isem, l-indirizz, l-istatus legali u l-forma, in-numru tar-reġistrazzjoni tan-negozju, in-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT, id-dettalji ta' persuna ta' kuntatt tal-kumpanija tiegħek. (L-Awtorità regolatorja nazzjonali l-ARN tiegħek għandha tkun informata fi żmien 30 jum f'każ li tagħmel kwalunkwe tibdil f'din l-informazzjoni.)
- L-isem tal-prodott u (fejn hu possibbli) deskrizzjoni ddettaljata tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li toffri.
- It-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti tiegħek, inklużi d-dettalji tal-proċeduri ta' lmenti għall-utenti u kwalunkwe limitazzjoni potenzjali ta' responsabbiltà.
Tista' ssib l-awtorità regolatorja nazzjonali tiegħek fil-lista hawn taħt.
Agħżel il-pajjiż
Aġġornamenti tal-informazzjoni
Jeħtieġlek tissottometti l-informazzjoni li ġejja (aktar informazzjoni tista' tkun mitluba skont ir-rekwiżiti nazzjonali) sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena kalendarja lill-ARN billi tuża l- formola standard (disponibbli fit-taqsima ta' Referenzi fil-qiegħ tal-paġna) jew b'metodu alternattiv jekk mitlub mill-ARN tiegħek:
- it-turnover annwali tiegħek (għal servizzi ta' konsenja tal-pakketti) għas-sena kalendarja preċedenti
- in-numru tal-istaff li jaħdem għalik (dawk involuti li jipprovdu servizzi tal-konsenja tal-pakketti) għas-sena kalendarja preċedenti
- in-numru ta' pakketti mmaniġġjati matul is-sena kalendarja preċedenti
- l-ismijiet tas-sottokuntratturi tiegħek u tal-karatteristiċi tas-servizzi tal-konsenja li jipprovdu
- fejn disponibbli, kwalunkwe lista ta' prezzijiet aċċessibbli pubblikament applikabbli mill-1 ta' Jannar ta' kull sena kalendarja għas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti
Meta ma għandekx għalfejn tipprovdi informazzjoni
Jekk tipprovdi servizz tal-konsenja tal-pakketti u l-kumpanija tiegħek:
- hi biss stabbilita f'pajjiż wieħed tal-UE
- timpjega anqas minn 50 persuna (dan jista' jitnaqqas għal 25 skont il-pajjiż tal-UE) bħala medja matul l-aħħar sena kalendarja (dan jista' jinkludi staff li jaħdem għal sottokuntratturi)
ma għandekx għalfejn tipprovdi informazzjoni lir-regolatur nazzjonali tiegħek.
Tariffi għall-konsenja tal-pakketti
Il-kumpaniji fl-UE li jissupplixxu servizzi tal-konsenja tal-pakketti tranfruntieri għandhom jissottomettu l-lista tal-prezzijiet pubblika tagħhom kull sena għal pubblikazzjoni f'għodda tal-UE. Tista' tuża din l-għodda biex tiċċekkja s-servizzi tal-konsenja tal-pakketti disponibbli għalik meta tibgħat pakkett fl-UE. Ittri u korrispondenza b'daqs standard mhumiex koperti – fl-għodda jintwerew biss il-pakketti li jiżnu anqas minn 5 kg.
Biex tara l-opzjonijiet disponibbli u l-prezzijiet (mingħajr il-VAT), agħżel minn fejn u fejn trid tibgħat il-pakkett, u t-tip tal-prodott.
Twissija
Dejjem għandek tiċċekkja l-offerta tal-prezz finali mal-kumpanja tal-konsenja tal-pakketti, billi l-prezz eżatt tagħha għandu mnejn ikun jeħtieġ informazzjoni preċiża bħall-kodiċi tal-posta fil-pajjiż li qed tibgħat il-pakkett fih. L-informazzjoni dwar il-prezz hi aġġornata kull sena fil-31 ta' Marzu.
Aktar informazzjoni dwar ir-regoli tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti hi disponibbli fis-sit web ta' DĠ GROW en .