Kif jiġu aċċettati d-dokumenti pubbliċi tiegħek fl-UE
Għandu mnejn ikollok tippreżenta dokument pubbliku (dokument maħruġ minn awtorità pubblika) bħal ċertifikat tat-twelid jekk tixtieq tiżżewweġ, jew prova ta' nuqqas ta' rekord kriminali jekk qed tfittex xogħol f'pajjiż ieħor tal-UE.
Ir-regoli tal-UE dwar id-dokumenti pubbliċi jissimplifikaw dan il-proċess u jistabbilixxu l-linji gwida li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom isegwu meta jittrattaw id-dokumenti tiegħek maħruġa f'pajjiż ieħor tal-UE. Meta tippreżenta dokument (kopja oriġinali jew kopja ċċertifikata tiegħu) maħruġ mill-awtoritajiet f'pajjiż tal-UE lill-awtoritajiet f'pajjiż ieħor tal-UE, l-awtoritajiet għandhom jaċċettaw id-dokument tiegħek bħala awtentiku mingħajr timbru apostille li jagħti prova tal-awtentiċità tiegħu.
It-tipi ta' dokumenti koperti mir-regoli tal-UE
Tista' tippreżenta dokumenti pubbliċi mingħajr timbru apostille fl-oqsma li ġejjin:
- it-twelid
- il-fatt li persuna hi ħajja
- il-mewt
- l-isem
- iż-żwieġ, inkluża l-kapaċità għaż-żwieġ u l-istat ċivili
- id-divorzju
- is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ
- is-sħubija rreġistrata, inkluża l-kapaċità li persuna tidħol fi sħubija rreġistrata u fi status ta' sħubija reġistrata
- ix-xoljiment ta' sħubija rreġistrata, is-separazzjoni legali jew l-annullament ta' sħubija rreġistrata
- il-paternità u l-maternità
- l-adozzjoni
- id-domiċilju u/jew ir-residenza
- in-nazzjonalità
- in-nuqqas ta' rekord kriminali u d-dritt li wieħed jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
Twissija
Dawn ir-regoli japplikaw biss għall-awtentiċità tad-dokumenti pubbliċi, u mhux għar-rikonoxximent tal-effetti legali tagħhom barra l-pajjiż tal-UE fejn inħarġu – dan l-aspett hu rregolat mil-liġi nazzjonali tal-pajjiż fejn jiġi ppreżentat id-dokument.
Pereżempju, jekk għandek ċertifikat taż-żwieġ ta' koppja tal-istess sess f'pajjiż tal-UE, l-awtoritajiet ta' pajjiż tal-UE ieħor fejn tippreżenta ċ-ċertifikat ma jistgħux jitolbu timbru apostille għaċ-ċertifikat tiegħek, iżda mhux se jkunu obbligati li jirrikonoxxu ż-żwieġ jew iż-żwieġ ta' koppji tal-istess sess mhux rikonoxxut legalment f'dak il-pajjiż.
Ħtiġijiet ta' traduzzjoni
M'għandekx bżonn tipprovdi traduzzjoni uffiċjali tad-dokument tiegħek jekk ikun f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż tal-UE fejn tippreżentah jew jekk huwa f'lingwa mhux uffiċjali oħra aċċettata minn dak il-pajjiż.
F'każijiet oħra, tista' titlob lill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE li ħarġu d-dokument tiegħek biex jipprovdu formola standard multilingwi. Trid tippreżenta din il-formola flimkien mad-dokument, minflok ma tippreżenta traduzzjoni tad-dokument tiegħek.
Iċċekkja l-oqsma li fihom tista' titlob formola standard multilingwi fil-pajjiż tal-UE tiegħek.
Twissija
Meta tippreżenta formola standard multilingwi flimkien mad-dokument pubbliku tiegħek, l-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE fejn tippreżenta l-formola jistgħu b'mod eċċezzjonali jitolbuk tipprovdi traduzzjoni ċċertifikata tad-dokument jekk ma jkunux jistgħu jifhmu b'mod sħiħ il-kontenut tiegħu.
Storja bħala eżempju
Kif iċ-ċertifikat tat-twelid maħruġ f'pajjiż tal-UE bħala dokument awtentiku jiġi aċċettat f'pajjiż ieħor tal-UE
Tamas, ċittadin Pollakk se jiżżewweġ lil Marie, ċittadina Belġjana, fil-Belġju. Qabel ma jkunu jistgħu jipproċedu bit-tieġ, Tamas għandu jibgħat iċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu lill-awtoritajiet Belġjani. Tamas m'għandux bżonn iġib timbru apostille biex jagħti prova li ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu huwa awtentiku, u lanqas ma għandu bżonn traduzzjoni ċċertifikata taċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu. Minflok, huwa jista' sempliċiment jitlob formola standard multilingwi mill-awtoritajiet Pollakki u jippreżentaha bħala għajnuna għat-traduzzjoni flimkien maċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu.