Il-qgħad f'pajjiż barrani
Jekk titlef xogħlok waqt li tkun qed taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE, liema pajjiż iħallas il-benefiċċju tal-qgħad tiegħek jiddependi fuq is-sitwazzjoni tax-xogħol u l-post ta’ residenza tiegħek - mhux in-nazzjonalità tiegħek.
X’għandek tagħmel jekk – qabel ma tingħata s-sensja – kont:
Qed tgħix u taħdem f'pajjiż barrani
Qed tippjana li tibqa’?
Jekk titlef xogħlok u tagħżel li tibqa' fil-pajjiż tal-UE fejn kont qed taħdem, int għandek titlob il-benefiċċji tal-qgħad hemmhekk.
Irreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mas-servizzi tal-impjiegi lokali. Int se tiġi ttrattat bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż.
Oqgħod attent b'mod speċjali:
- għall-perjodi ta’ xogħol meħtieġa biex wieħed jikkwalifika għall-benefiċċju tal-qgħad
- għar-rati applikabbli biex jiġi kkalkulat il-benefiċċju
- għat-tul taż-żmien tal-benefiċċju
Jekk teħtieġ tiċċertifika l-perjodi mgħoddija tal-impjieg tiegħek u l-kopertura tas-sigurtà soċjali barra minn pajjiżek, jista' jkun li jkollok bżonn tapplika għal formola U1 (dik li qabel kienet il-formola E 301) mill-pajjiż fejn kont taħdem qabel.
Anki jekk ma tippreżentax il-formola U1, dawk li jittrattawlek it-talba tiegħek jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni direttament mingħand l-awtoritajiet tal-pajjiż l-ieħor. Madankollu, il-formola tista’ tgħin biex jitħaffef l-ipproċessar.
Se tmur lura f'pajjiżek?
Jekk, wara li tieħu s-sensja, tagħżel li tmur lura f'pajjiżek, trid tikkuntattja lis-servizz nazzjonali tal-impjiegi hemm biex tistaqsi jekk għadekx intitolat għall-benefiċċji tal-qgħad avolja għamilt xi żmien barra.
Jekk se tagħmel dan, ikollok:
- tirreġistra direttament bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol f'pajjiżek, u
- tapplika għal formola U1 (dik li qabel kienet il-formola E 301) fil-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar.
Anki jekk ma tippreżentax il-formola U1, dawk li jittrattawlek it-talba tiegħek jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni direttament mingħand l-awtoritajiet tal-pajjiż l-ieħor. Madankollu, il-formola tista’ tgħin biex jitħaffef l-ipproċessar.
Jekk ma tkunx intitolat għall-benefiċċji f'pajjiżek, tista' tapplika għal awtorizzazzjoni biex tittrasferixxi l-benefiċċji tal-qgħad mill-pajjiż fejn ingħatajt is-sensja jew:
- lura lejn pajjiżek, jew
- lejn kwalunkwe pajjiż ieħor fejn tixtieq tmur tfittex impjieg
It-trasferiment tal-benefiċċji normalment idum 3 xhur, imma jista' jiġġedded għal perjodu massimu ta' 6 xhur.
Ippostjat f’pajjiż barrani għal żmien qasir (anqas minn sentejn)
Jekk tagħżel li tibqa’ kopert fil-pajjiż minn fejn ġejt ippostjat, il-benefiċċju tal-qgħad tiegħek għandu jingħatalek hemmhekk.
F’dan il-każ, għandek tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mas-servizzi tal-impjiegi f’dak il-pajjiż.
Impjegat taċ-ċivil issekondat barra
Jekk tkun għalkollox bla xogħol, tista' tagħżel li tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad jew fil-pajjiż tal-UE li tkun ippostjat fih jew inkella f'pajjiżek - billi tirreġistra mas-servizzi tal-impjiegi f'wieħed minnhom.
- Jekk tiddeċiedi li tapplika għall-benefiċċji fil-pajjiż li fih ġejt ippostjat, staqsi s-servizz nazzjonali tal-impjiegi f'pajjiżek għal formola U1 (dik li qabel kienet il-formola E 301).
Din il-formola turi perjodi li għandhom jitqiesu meta jiġu kalkulati l-benefiċċji tal-qgħad. Ibgħatha lis-servizz nazzjonali tal-impjiegi fil-pajjiż fejn tixtieq tapplika għall-benefiċċju.
Anki jekk ma tippreżentax il-formola U1, dawk li jittrattawlek it-talba tiegħek jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni direttament mingħand l-awtoritajiet tal-pajjiż l-ieħor. Madankollu, il-formola tista’ tgħin biex jitħaffef l-ipproċessar.
- Jekk tiddeċiedi li tapplika għall-benefiċċji f'pajjiżek, se jeħtieġlek tirritorna fih.
Il-benefiċċji tiegħek jiġu kkalkulati skont ir-regoli fil-pajjiż li fih int tirreġistra biex tfittex għax-xogħol, billi jitqies kull perjodu li fih tkun ħdimt barra pajjiżek.
Storja bħala eżempju
Aħsibha darbtejn fejn tirreġistra bħala persuna bla xogħol
Mirko mill-Ġermanja kien qed jaħdem bħala impjegat fiċ-ċivil Ġermaniż fl-Irlanda meta spiċċa bla xogħol. Seta’ mar lura l-Ġermanja u rreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol hemm. Madankollu, hu għażel li jibqa' l-Irlanda u li japplika hemm għal benefiċċji tal-qgħad.
Hu ħaseb li kien se jirċievi madwar 67% tas-salarju medju ta' kuljum tiegħu, bħalma normalment isir fil-Ġermanja. Iżda fl-Irlanda, il-benefiċċji tal-qgħad mhumiex ibbażati fuq qligħ preċedenti. Mirko kien verament sorpriż meta sar jaf li kellu dritt għal somma b'rata fissa ta' €204.30 fil-ġimgħa.
Taħdem f'pajjiż filwaqt li tgħix f'ieħor (ħaddiem transfruntier)
Jekk int ħaddiem transfruntier (impjegat jew għal rasek) u titlef l-impjieg tiegħek, tista' titlob il-benefiċċji tal-qgħad mill-pajjiż fejn tgħix biss.
Twissija
Eċċezzjoni
Jekk, matul l-aħħar perjodu ta’ vvjaġġar, mort id-dar anqas minn darba fil-ġimgħa, tista’ tagħżel fejn titlob il-benefiċċji tal-qgħad (pajjiż ta’ residenza jew fil-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar).
Din ilha r-regola mill-1 ta’ Mejju 2010, għalkemm xi ċentri tax-xogħol forsi għadhom mhumiex konxji minnha. Jekk għandek problemi biex tingħata l-ħlas tal-benefiċċju tal-qgħad tiegħek f’pajjiż barrani, ikkuntattja lis-servizzi ta' assistenza tagħna għall-għajnuna.
Ammont
Jekk intix intitolat għal benefiċċji tal-qgħad, u kemm se tingħata jiddependi mir-regoli fil-pajjiż fejn tgħix u miż-żmien li tkun ħdimt fil-pajjiż barrani.
Staqsi lill-awtoritajiet fil-pajjiż (jew pajjiżi) li ħdimt fih (fihom) għal formola U1 (dik li qabel kienet il-formola E 301 - billi turi l-perjodi li għandhom jitqiesu meta jiġu kkalkulati l-benefiċċji tal-qgħad).
Ibgħat din il-formola lis-servizzi tal-impjiegi nazzjonali fil-pajjiż fejn tixtieq tapplika għall-benefiċċji, biex ikunu jistgħu jqisu l-perjodi ta’ kopertura tas-sigurtà soċjali jew impjiegi f’pajjiżi oħrajn.
Anki jekk ma tippreżentax il-formola U1, dawk li jittrattawlek it-talba tiegħek jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni direttament mingħand l-awtoritajiet tal-pajjiżi l-oħrajn. Madankollu, il-formola tista’ tgħin biex jitħaffef l-ipproċessar.
Għandek bżonn l-għajnuna biex issib xogħol?
Jekk tkun tixtieq l-għajnuna biex issib xogħol ġdid fil-pajjiż fejn tlift xogħlok, tista' tirreġistra bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol mas-servizz nazzjonali tal-impjiegi hemmhekk. Imbagħad ikollok tikkonforma mar-rekwiżiti fiż-żewġ pajjiżi: il-pajjiż ta’ residenza (li jħallas il-benefiċċju tiegħek) u l-pajjiż fejn ħdimt l-aħħar (fejn qed tfittex ukoll impjieg).
Twissija
Hu importanti ħafna li tissodisfa r-rekwiżiti tal-pajjiż fejn tgħix – jekk ma tagħmilx dan, il-benefiċċji tiegħek jistgħu jiġu affettwati.
Storja bħala eżempju
Ivverifika fejn tista' tapplika għall-benefiċċji tal-qgħad
Arthur mill-Ġermanja tilef ix-xogħol fl-2008 u mar l-Ungerija biex jaħdem hemm. Hu kiseb kuntratt ta' xogħol għal sena f’Budapest, iżda żamm daru fil-Ġermanja u mar lura hemmhekk regolarment.
Meta reġa’ tilef ix-xogħol, seta’ japplika għall-benefiċċji fl-Ungerija. Madankollu, hu ddeċieda li jmur lura l-Ġermanja u ma kellu ebda għawġ biex jikseb il-benefiċċju hemmhekk.
Twissija
Pajjiż differenti, benefiċċji differenti
Kull pajjiż tal-UE għandu r-regoli tiegħu dwar il-benefiċċji tal-qgħad. Dan ifisser li jista' jkollok dritt għal 24 xahar ta' benefiċċju tal-qgħad f'pajjiżek iżda sempliċement għal 12-il xahar f'pajjiż ieħor.
Tajjeb li tqabbel il-benefiċċji li jitħallsu f'kull pajjiż, filwaqt li toqgħod attent b'mod speċjali:
- għall-perjodi ta’ xogħol meħtieġa biex wieħed jikkwalifika għall-benefiċċju tal-qgħad
- għar-rati applikabbli biex jiġu kkalkulati l-benefiċċji
- għat-tul taż-żmien tal-benefiċċju
Ftakar: Ma tistax tagħżel f'liema pajjiż tkun kopert!
Meta taħdem jew tgħix f'pajjiż ieħor, ikollok is-sigurtà soċjali jew minn pajjiżek jew mill-pajjiż li qed jospitak. Biex tevita problemi u nuqqas ta’ ftehim li jistgħu jkunu serji, fittex ftit dwar is-sigurtà soċjali tal-pajjiż ospitanti.
Skopri dwar il-benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż responsabbli biex iħallashom:
Agħżel il-pajjiż
Qed tiċċaqlaq f’pajjiż ieħor tal-UE biex issib xogħol
F'ċertu kondizzjonijiet, tista' tittrasferixxi l-benefiċċji tal-qgħad tiegħek f'pajjiż ieħor tal-UE filwaqt li tkun qed tfittex xogħol hemm. It-trasferiment tal-benefiċċji normalment idum 3 xhur, imma jista' jiġġedded għal perjodu massimu ta' 6 xhur.