Meta taċċessa l-kontenut online barra mill-pajjiż
Meta tkun qed tivvjaġġa għal pajjiż ieħor tal-UE, int għandek id-dritt li taċċessa s-servizzi tal-kontenut online mħallsa bl-istess mod li kieku tinsab f'pajjiżek. Dan ifisser, pereżempju, li jekk inti tħallas għal abbonament lill-fornitur tal-kontenut tat-televiżjoni, meta tivvjaġġa lejn pajjiż ieħor tal-UE inti tista' tara u tniżżel l-istess films u serje tat-TV bħallikieku qiegħed id-dar.
L-istess regoli japplikaw għall-abbonamenti mħallsin kollha tiegħek għall-kontenut online, bħalma huma l-kotba elettroniċi, il-logħob, il-mużika u l-avvenimenti sportivi.
Jekk għandek kuntratt ma' fornitur tal-kontenut online li jillimita l-aċċess tiegħek f'pajjiżi oħra tal-UE jew jekk kellek tħallas aktar biex taċċessa għall-kontenut waqt li tkun barra minn pajjiżek, dawn ir-restrizzjonijiet ma għadhomx japplikaw.
Meta taċċessa l-kontenut barra mill-pajjiż
Ir-regoli tal-UE jkopru wkoll l-abbonamenti b'xejn tal-kontenut online meta tivvjaġġa lejn pajjżi ieħor tal-UE, iżda fuq bażi mhux obbligatorja. Dan iffisser li l-aċċess għas-servizzi tal-kontenut online b'xejn meta tkun barra minn pajjiżek jiddependi fuq il-fornitur tas-servizz tiegħek.
Iċċekkjar tal-pajjiż ta' residenza tiegħek tal-UE
Il-fornitur tal-kontenut tiegħek jista' juża sa 2 mill-modi li ġejjin biex jiċċekkja l-pajjiż ta' residenza tiegħek tal-UE:
- il-karta tal-identità jew mezzi elettroniċi oħra ta' identifikazzjoni
- dettalji tal-ħlas tiegħek, pereżempju, il-kont tal-bank tiegħek jew in-numru tal-karta ta' kreditu/debitu
- l-indirizz fejn għandek kaxxa tad-dekowder, dekodifikatur jew apparat simili installat
- il-ħlas tiegħek għal ħlas ta' miżata ta' liċenzja għal servizzi bħalma huma, is-servizz tax-xandir pubbliku, fil-pajjiż ta' residenza tiegħek tal-UE
- kuntratt tal-internet jew tat-telefown, jew tip ieħor ta' kuntratt tal-istess tip, fil-pajjiż ta' residenza tiegħek tal-UE
- reġistrazzjoni fuq reġistri elettorali lokali tiegħek
- il-ħlas ta' taxxi lokali tiegħek
- kont ta' utilità mill-pajjiż ta' residenza tiegħek tal-UE
Jekk hemm bżonn, il-fornitur tal-kontenut jista' juża wieħed mill-modi li ġejjin biex jiċċekkja l-pajjiż ta' residenza tiegħek tal-UE, iżda flimkien ma' wieħed mill-metodi l-oħra elenakati hawn fuq:
- l-indirizz fejn jintbagħat il-kont jew l-indirizz postali tiegħek
- awtodikjarazzjoni li jikkonferma l-indirizz tiegħek fil-pajjiż ta' residenza tiegħek tal-UE
- l-indirizz tal-IP tiegħek (biex tiċċekkja minn fejn tista' taċċessa l-kontenut online)
Storja bħala eżempju
Jista' jkollok aċċess għall-kontenut online mħallas tiegħek meta tivvjaġġa fl-Ewropa
Sarah, studenta fil-Belġju, ħallset EUR 10 fix-xahar għal abbonament għal servizz ta' streaming ta' mużika online u għalhekk setgħet tisma' l-mużika fuq it-tablet tagħha. Meta marret fuq kollokament tal-Erasmus fi Spanja għal 3 xhur, il-fornitur tagħha waqqaf l-aċċess tagħha u ġab r-raġuni li hija ma kinitx għadha residenti fil-Belġju.
Sarah ilmentat lill-fornitur u huma kkontrollaw il-post tar-residenza tagħha. Dawn irrealizzaw li kienet għadha residenta Belġjana peress li r-residenza barra l-pajjiż kienet biss temporanja, u taha lura aċċess sħiħ għas-servizzi ta' streaming tal-mużika.
L-aċċess għall-istess kontenut kull fejn tkun
Il-fornitur tal-kontenut tiegħek ma jistax jitolbok ħlasijiet żejda biex jipprovdilek aċċess għal kontenut li int diġà għandek abbonament imħallas għalih waqt li tinsab f'pajjiż tal-UE ieħor. Int għandu jkollok ukoll aċċess skont l-istess kundizzjonijiet f'pajjiżek, jiġifieri aċċess għall-istess kontenut, fl-istess firxa u għadd ta' apparati, għall-istess għadd ta' utenti u bl-istess funzjonalitajiet.
Il-fornitur tal-kontenut tiegħek ma jistax ukoll li deliberatament inaqqas il-kwalità tal-kontenut li tirċievi meta tkun barra minn pajjiżek. Madankollu, għandek iżżomm f'moħħok li l-kwalità tal-kontenut online tiegħek se tiddependi wkoll fuq in-netwerk li tuża biex taċċessa l-kontenut tiegħek (bħalma hija l-konnessjonital-Wi-Fi jew in-netwerk 3G/4G).
L-aċċess tal-kontenut online li juża n-netwerk 3G/4G waqt li tinsab f'pajjiż ieħor tal-UE se jittieħed bħala parti mill-użu ta-data tiegħek fil-kuntratt tal-mobajl tiegħek. Aqra aktar dwar ir- regoli tal-UE dwar ir-Roaming