Prodotti diffettużi
Int responsabbli għal difett fil- prodotti tiegħek. Jekk jikkawżaw ħsara lill-konsumatur tiegħek: mewt, korriment personali jew ħsara materjali fl-affarijiet personali (aktar minn EUR 500), tista' tispiċċa fi problemi serji.
Id-difett tal-prodotti tiegħek jiġi ddeterminat min-nuqqas ta' sigurtà li l-konsumaturi huma intitolati jistennew, mhux għal kemm ikun tajjeb għall-użu.
Ħu ħsieb meta:
- timmanifattura prodott finali
- timmanifattura partijiet biex jiġu inkorporati fi prodott ieħor
- timporta prodott fl-UE maħsub għall-bejgħ.
Jekk aktar minn negozju wieħed hu responsabbli għas-sikurezza tal-istess prodott, il-parti danneġġjata tista' ttella' lil kwalunkwe wieħed minnhom quddiem il-qorti.
Ir-regoli dwar ir- responsabbiltà japplikaw ukoll għall- prototti tal-elettriku u l- prodotti agrikoli. Il-kuntratt tal-bejgħ tiegħek ma jistax ikun fih termini li jnaqqsu r-responsabbiltà tiegħek għal prodott difettuż.
Kif tfittex rimedju bħala parti danneġġjata
Biex titlob kumpens għad-danni mġarrba, il-parti danneġġjata għandha tipprova li:
- seħħ dannu
- il-prodott tiegħek kien difettuż
- id-difett u d-dannu kienu marbuta.
Każijiet meta m'intix responsabbli
Int m'intix responsabbli jekk tista' turi li:
- ma qiegħedx il-prodott fis-suq
- ma mmanifatturajtx il-prodott għall-bejgħ
- id-difett li kkawża l-ħsara ma kienx jeżisti meta l-prodott kien imqiegħed fis-suq
- id-difett irriżulta biss minħabba li l-prodott tiegħek kellu jissodisfa rekwiżiti tekniċi obbligatorji
- skont l-aħħar standards ta' kwalità xjentifika u teknika, ħadd ma seta' jbassar id-difett meta tkun poġġejt il-prodott fis-suq
- immanifatturajt biss element wieħed, u d-difett kien ir-riżultat tad-disinn tal-prodott finali.
Il-parti li tkun ġarrbet il-ħsara għandha 3 snin biex titolob kumpens. Dawn jibdew fil-jum li tinduna:
- bil-ħsara;
- bid-difett;
- bl-identità tal-produttur.
Int ma tibqax responsabbli għall-ħsara kkawżata minħabba l-prodott tiegħek ladarba jkun ilu fis-suq għal 10 snin, sakemm xi ħadd ma jkunx talab kumpens mingħandek matul dak il-perjodu.
Tiftixa għal prodotti perikolużi: Safety Gate
L-awtoritajiet nazzjonali tal-UE jistgħu jaġixxu (billi jirtiraw il-prodotti mis-suq jew jipprojbixxu l-kummerċ) biex jittrattaw prodotti li jippreżentaw riskju serju għas-saħħa jew is-sikurezza tal-konsumaturi. Il-manifatturi jistgħu jirtiraw ukoll il-prodotti tagħhom. Fil-każijiet kollha, kwalunkwe azzjoni meħuda hi rreġistrata fil-bażi tad-dejta Safety Gate . Safety Gate ma titraċċax il-miżuri meħuda kontra l-prodotti agrikoli u lanqas kontra l-apparat farmaċewtiku u mediku.