Ir-rapportar ta' mġiba antikompetittiva
Kif tirrapporta mġiba antikompetittiva?
Jekk tiltaqa' ma' prattiki ta' negozju li jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni, tista' tirraportahom. Jekk is-sitwazzjoni hi speċifika u limitata għall-pajjiż jew iż-żona fejn tgħix, jew ma tinvolvix aktar minn 3 pajjiżi oħra tal-UE, ibda billi tikkuntattja l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tiegħek.
Agħżel il-pajjiż
Jekk m'intix ċert dwar il-problema, tista' tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea fuq: [email protected] jew ikteb lil:
European Commission, Directorate General for Competition
Antitrust Registry
B-1049 Brussels, Belgium
Jekk taħseb li l-kumpanija tiegħek hi involuta f'kartell jew attività oħra li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandek tkun taf li l-ewwel kumpanija li tibgħat evidenza ta' kartell tista' tirċievi immunità totali mill-multi! (ara l-programm ta' klemenza en ).
Il-kuntatt inizjali mal-Kummissjoni Ewropea għandu jsir bil-faks fuq 32 2 2994585 jew bit-telefown fuq 32 2 2984190 jew 32 2 2984191.
Talba għal kumpens
Tista' tagħmel talba għal kumpens jekk tista' turi li n-negozju tiegħek ikun ħallas iżżejjed jew ġarrab telf ta' dħul minħabba azzjonijiet minn kartell, jew abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq. Hemm preżunzjoni legali li l-kartelli jikkawżaw il-ħsara.
Kemm għandek żmien biex tagħmel talba?
Għandek 5 snin (minn meta ssir taf dwar il-ksur) biex titlob għad-danni, jew sena wara li deċiżjoni ta' awtorità tal-kompetizzjoni dwar il-ksur issir finali (f'xi każijiet, l-istati membri jistgħu jagħtuk aktar minn sena).
Żvelar ta' evidenza
Il-qrati nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE jistgħu jordnaw lill-kumpaniji biex jiżvelaw evidenza rilevanti meta l-vittmi jitolbu kumpens. Jekk il-kumpanija tiegħek trid tiżvela evidenza, kwalunkwe informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali mogħtija f'konnessjoni mal-każ se tkun protetta.
Prova ta' ksur transkonfinali
Meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jieħdu deċiżjonijiet finali dwar il-ksur, dawn jistgħu jiġu ppreżentati bħala evidenza quddiem il-qrati nazzjonali ta' pajjiżi oħra tal-UE. Dan isaħħaħ l-argument tiegħek meta titlob għad-danni.
Trasferiment ta' spejjeż żejda
Anke jekk int konsumatur indirett ta' kontraventur, tista' titlob kumpens għal kwalunke spejjeż żejda li ġew trasferiti fuqek minn konsumatur dirett ta' kontraventur, eż. rivenditur tal-prodotti tal-kartell.
Għalkemm għandek turi l-ammont ta' ħsara li ġarrab in-negozju tiegħek b'dan il-mod,
inti megħjun mill-preżunzjoni legali ta' trasferiment.
Eżempju tat-trasferiment ta' spejjeż żejda jista' jkun meta telf jiġi trasferit lil
ħaddieħor: in-negozju jagħmel pagament, u jitlob il-ħlas lura - in-negozju mbagħad
jittrasferixxi dan bħala obbligazzjoni lill-konsumaturi tiegħu.
Kokontraventuri
Il-kumpaniji kollha li jipparteċipaw f'kartell jew ftehim antikompetittivi ieħor huma responsabbli għad-dannu kollu. Inti, bħala r-rikorrent, tista' tagħżel lil min tixtieq tfittex għall-kumpens.
Kokontraventur jista' jikseb kontribuzzjoni minn kokontraventur ieħor jekk dawn ikunu ħallsu kumpens ogħla mis-sehem relattiv tagħhom. Dak is-sehem u l-kriterji li fuqhom huwa bbażat għandu jiġi deċiż mill-qorti skont il-liġi nazzjonali.
Fużjonijiet
Il-kumpaniji b'fatturat ta' aktar minn ċerti limiti (li jibdew minn €2.5 biljun tal-valur tal-bejgħ globali totali aggregat) li jagħmlu negozju fl-UE u jixtiequ jingħaqdu f'fużjoni għandhom jitolbu lill- Kummissjoni Ewropea għall-approvazzjoni - irrispettivament minn fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali tagħhom. L-approvazzjoni tal-fużjoni tiddependi fuq is-sehem tas-suq li l-kumpanija li tingħaqad f'fużjoni jkollha fl-UE. Il-fużjonijiet bejn in-negozji ż-żgħar ġeneralment ma jiġux ristretti.
Għajnuna mill-Istat
Ir-regoli tal-UE ġeneralment jipprojbixxu l-għajnuna mill-Istat (li tieħu diversi forom bħal għotjiet, interessi jew ħelsien mit-taxxa, garanziji għal xi self) minħabba li din tirriskja li tpoġġi ċerti negozji f'pożizzjoni vantaġġjuża fuq il-kompetituri tagħhom, u għaldaqstant ikun hemm xkiel fil-kompetizzjoni.
L-għajnuna mill-Istat tista' tiġi permessa f'dawn il-każijiet li ġejjin:
- għajnuna għan-negozji ż-żgħar
- promozzjoni tal-intraprenditorija
- riċerka, żvilupp u innovazzjoni
- żvilupp reġjonali
- kapital ta' riskju
- ħolqien tax-xogħol
- ħarsien tal-ambjent.
Il-Kummissjoni Ewropea tissorvelja dan it-tip ta' appoġġ. Jekk int taf dwar għajnuna mill-Istat li tikser ir-regoli, tista' tagħmel rapport onlajn.