Dokumenti tal-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tal-UE

Dokumenti li għandek bżonn biex tivvjaġġa fl-UE u fil-pajjiżi ta’ Schengen

Bħala ċittadin tal-UE, għandek id-dritt li tivvjaġġa liberament fis-27 pajjiż membru tal-UE kif ukoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera (pajjiżi mhux tal-UE iżda membri taż-żona Schengen en ) billi ġġorr passaport validu jew karta tal-identità nazzjonali (karta tal-ID). Id-dokument tal-ivvjaġġar tiegħek irid ikun validu fil-jum tal-vjaġġ. It-tfal u l-minorenni jrid ikollhom il-passaport jew il-karta tal-identità tagħhom stess - aqra aktar dwar l-ivvjaġġar mal-minorenni. Jekk qed tivvjaġġa mal-membri tal-familja tiegħek li mhumiex mill-UE, iċċekkja r-regoli speċifiċi li japplikaw għalihom.

Meta għandi bżonn nuri passaport jew karta tal-identità?

Normalment m’għandekx għalfejn turi l-passaport jew l-ID tiegħek meta taqsam il-fruntieri interni taż-żona Schengen. Madankollu, il-pajjiżi kollha taż-żona Schengen (ara hawn taħt) jistgħu jerġgħu jintroduċu kontrolli temporanji fil-fruntieri, f’ċirkostanzi straordinarji, pereżempju f’każ ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali. Sib informazzjoni aktar dettaljata u aġġornata dwar il-kontrolli temporanji fil-fruntieri en . Meta pajjiż taż-żona Schengen japplika kontrolli temporanji fil-fruntieri trid turi passaport validu jew karta tal-identità valida.

Trid turi wkoll passaport jew karta tal-identità validi jekk tivvjaġġa bejn pajjiż ta’ Schengen u Ċipru jew l-Irlanda. Trid turi wkoll passaport jew karta tal-identità validi meta pajjiż japplika kontrolli temporanji fil-fruntieri.

Żona Schengen Żona mhux ta’ Schengen
Pajjiżi tal-UE pajjiżi mhux tal-UE Pajjiżi tal-UE
L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija*, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija*, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera Ċipru, l-Irlanda

Twissija

* L-ebda kontroll fil-fruntieri għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar bejn il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-pajjiżi taż-żona Schengen. Madankollu, il-kontrolli fil-fruntieri jibqgħu fis-seħħ għall-ivvjaġġar fuq l-art.

Dokumenti tal-ivvjaġġar li jagħtu prova li inti ċittadin tal-UE

Jekk m’għandekx id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa fis-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw id-dħul, iżda l-ewwel iridu jagħtuk kull opportunità raġonevoli biex tikseb id-dokumenti meħtieġa, jew iħalluk tagħti prova b’mezzi oħrajn li inti ċittadin tal-UE, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jekk issib ruħek f’din is-sitwazzjoni, hi r-responsabbiltà tiegħek li turi li int ċittadin tal-UE u għalhekk għandek id-dritt li tivvjaġġa liberament fis-27 pajjiż membru tal-UE kif ukoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

Kontrolli oħrajn fl-UE u fil-pajjiżi ta’ Schengen

Tista’ tkun ukoll soġġett għal kontrolli tal-pulizija en fuq il-post speċjalment fil-fruntieri interni u f’żoni tal-fruntiera (inklużi portijiet, ajruporti u stazzjonijiet ferrovjarji) fl-UE u fil-pajjiżi ta’ Schengen. Dawn il-kontrolli jistgħu jinkludu verifika tal-identità. F’xi wħud minn dawn il-pajjiżi, tista’ tkun obbligat li jkollok jew li ġġorr karti tal-identità u dokumenti waqt li tkun fit-territorju tagħhom. Il-liċenzji tas-sewqan, il-karti postali, bankarji jew tat-taxxa mhumiex dokumenti tal-ivvjaġġar u konsegwentement jistgħu jiġu rrifjutati bħala prova tal-identità. Għalhekk hu dejjem rakkomandat ħafna li jkollok id-dokumenti tal-ivvjaġġar korretti (passaport jew karta tal-identità) fil-pussess tiegħek sabiex tkun tista’ tagħti prova tal-identità tiegħek jekk ikun meħtieġ. Jekk m’għandekx id-dokumenti meħtieġa biex tipprova l-identità tiegħek waqt il-kontrolli fuq il-post tal-pulizija, tista’ tkun soġġett għal penali.

Rifjut tad-dħul

F'każijiet rari ħafna, pajjiż tal-UE jew ta’ Schengen jista' jirrifjuta d-dħul tiegħek jew tal-membri tal-familja tiegħek għal raġunijiet ta' "politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika". Dan ifisser li l-awtoritajiet għandhom jippruvaw li int jew il-membri tal-familja tiegħek huma "ta' theddida ġenwina, preżenti u serja biżżejjed". Int intitolat li tingħata din id-deċiżjoni bil-miktub, fejn ikunu ddikjarati r-raġunijiet kollha, u li fiha jiġi speċifikat kif tista' tappella u ż-żmien li għandek biex tkun tista' tagħmel dan.

Dokumenti li għandek bżonn biex tivvjaġġa lejn / minn pajjiż barra l-UE u ż-żona Schengen

Bħala ċittadin tal-UE, jekk qed tivvjaġġa lejn pajjiż mhux tal-UE, ikollok bżonn passaport validu u għal xi pajjiżi viża. Iċċekkja l-lista ta’ pajjiżi mhux tal-UE/mhux ta’ Schengen fejn eżenzjoni mill-viża tapplika għaċ-ċittadini tal-UE.

Qabel ma tivvjaġġa, iċċekkja r-rekwiżiti tad-dħul (pereżempju, il-validità tal-passaport) u kwalunkwe restrizzjoni oħra li tista’ tapplika fil-pajjiż li qed tivvjaġġa fih kif ukoll meta terġa’ tidħol f’pajjiżek. Innota li t-tfal u l-minorenni jeħtieġu d-dokument tal-ivvjaġġar tagħhom stess u fejn meħtieġ viża. Iċċekkja l-aħħar pariri dwar l-ivvjaġġar en (ipprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali) għall-pajjiż li qed tivvjaġġa fih.

Twissija

Jekk terġa’ tidħol f’pajjiż tal-UE jew ta’ Schengen minn barra l-pajjiż, id-dokument tal-ivvjaġġar tiegħek irid ikun validu fil-jum li tkun qed tivvjaġġa.

Protezzjoni konsulari

Jekk issib ruħek fil-bżonn ta’ protezzjoni u assistenza konsulari waqt li tkun qed tivvjaġġa f’pajjiż barra mill-UE, għandek id-dritt li tfittex l-għajnuna mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE jekk pajjiżek ma jkunx rappreżentat. Jistgħu, pereżempju, jgħinu f’każ ta’ aċċident serju jew mard serju, jipprovdu dokument provviżorju tal-ivvjaġġar jekk il-passaport tiegħek jintilef jew jinsteraq. Aqra aktar dwar il-protezzjoni konsulari barra mill-UE u kif issib ambaxxata jew konsulat en .

Ara wkoll:

Dokumenti li teħtieġ biex tivvjaġġa fl-Ewropa

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 04/11/2024
Ikkondividi din il-paġna