Il-pensjonanti - drittijiet ta' residenza
Bħala ċittadin tal-UE, tista' tgħix f'kull pajjiż tal-UE jekk għandek:
- kopertura tal- assigurazzjoni tas-saħħa komprensiva fil-pajjiż li qed jospitak.
- biżżejjed introjtu biex tgħix mingħajr ma jkollok bżonn appoġġ għall-introjtu.
L-introjtu jista' jkun ġej minn pensjoni, jekk int pensjonant, jew kwalunkwe sors ieħor ta' dħul.
Kif tirrapporta l-preżenza tiegħek u tirreġistra r-residenza tiegħek
Fl- ewwel 3 xhur fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, bħala ċittadin tal-UE, ma tistax tiġi obbligat tapplika għal dokument ta' residenza li jikkonferma li inti tgħix hemm - għalkemm f'xi pajjiżi jista' jkollok tirrapporta l-preżenza tiegħek malli tasal.
Wara 3 xhur fil-pajjiż ġdid tiegħek, jista' jkun jeħtieġlek tirreġistra r-residenza tiegħek mal-awtorità rilevanti (normalment l-uffiċċju muniċipali jew l-għassa tal-pulizija), u jinħariġlek ċertifikat ta' reġistrazzjoni.
Se jkollok bżonn karta tal-identità valida jew passaport validu u:
- Prova ta' assigurazzjoni komprensiva fuq is-saħħa
- Prova li tista' tieħu ħsieb tiegħek innifsek mil-lat finanzjarju mingħajr ma jkun jeħtieġlek appoġġ għall-introjtu: ir-riżorsi jistgħu jiġu minn kwalunkwe sors
Tista' tintalab titlaq jew tiġi deportat?
Tista' tgħix fil-pajjiż l-ieħor tal-UE sakemm tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza. Jekk tieqaf tagħmel dan, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jobbligawk titlaq.
F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li qed jospitak jista' jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika - iżda biss jekk ikun ippruvat li int ta' theddida serja ħafna.
Id-deportazzjoni jew it-talba biex titlaq mill-pajjiż għandha tingħatalek bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek u tispeċifika kif int tista' tappella u sa meta.
Residenza permanenti
Jekk tkun għext b' mod legali, u ssodisfajt il-kundizzjonijiet biex toqgħod f'pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu kontinwu ta' 5 snin awtomatikament takkwista d-dritt ta' residenza permanentihemmhekk. Dan ifisser li tista' ddum tgħix fil-pajjiż kemm trid.
Il- kontinwità ta' residenza tiegħek mhix affettwata minn:
- assenzi temporanja (ta' anqas minn 6 xhur fis-sena)
- assenza itwal għal servizz militari obbligatorju
- assenza waħda ta' 12-il xahar konsekuttivi, għal raġunijiet importanti bħal tqala jew twelid ta' tarbija, mard serju, xogħol, taħriġ vokazzjonali jew stazzjonar ta' xogħol f'pajjiż ieħor
Tista' titlef id-dritt tiegħek għal residenza permanenti jekk tgħix barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn konsekuttivi.