Eżenzjonijiet mill-VAT
Xi oġġetti u servizzi bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi finanzjarji jistgħu jkunu eżenti mill-VAT.
Dan il-bejgħ huwa eżenti mill-VAT, mingħajr id-"dritt għal tnaqqis". Dan ifisser li ma tistax tnaqqas il-VAT li ħallast fuq xiri relatat ma' dan il-bejgħ.
Reġistrar ta' negozju għall-VAT
Normalment, meta tagħmel xi bejgħ fin-negozju tiegħek jinħtieġlek tirreġistra għall-VAT. Meta tirreġistra n-negozju tiegħek għall-VAT, jinħariġlek numru ta' identifikazzjoni tal-VAT.
Jekk tagħmel bejgħ ta' prodotti jew servizzi li huma kkunsidrati eżenti mill-VAT mhux dejjem ikollok tirreġistra n-negozju tiegħek għall-VAT.
Eżenzjonijiet mill-VAT għal intrapriżi żgħar
Fil- biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE tista' tapplika għal skema speċjali li tippermettilek tagħmel negozju taħt ċerti kundizzjonijiet mingħajr il-bżonn li tiċċarġja l-VAT. Jekk il-kumpanija tiegħek tagħmel prodotti jew servizzi taxxabbli taħt ċertu limitu annwali, tista' tkun eżenti mill-VAT. Dan ifisser li ma tħallasx il-VAT lill-awtorità tat-taxxa iżda lanqas ma tkun tista' tnaqqas il-VAT tal-input jew tindika l-VAT fuq il-fatturi. Inti tista' — jekk tippreferi — volontarjament tagħżel l-arranġamenti normali tal-VAT, f'liema każ trid tħallas il-VAT u, konsegwentement, tkun tista' tnaqqas il-VAT tal-input.
Tajjeb li tkun taf li dawn il-limiti jvarjaw minn pajjiż għal ieħor u jistgħu japplikaw kundizzjonijiet speċjali. F'xi pajjiżi, m'hemmx eżenzjoni mill-VAT għall-intrapriżi żgħar u għandek tirreġistra malli tagħmel kwalunkwe bejgħ taxxabbli.
L-iskema ma tapplikax għal:
- bejgħ minn negozji bbażati f'pajjiżi oħra tal-UE
- attività ekonomika okkażjonali
- bejgħ eżentat ta' mezzi ta' trasport ġodda lil konsumaturi f'pajjiż ieħor tal-UE
- kwalunkwe tranżazzjoni oħra kif definita minn pajjiż tal-UE.
LIVELLI LIMITU TAL-VAT - skont il-pajjiż
(Tabella aġġornata l-aħħar f'Mejju 2018)
Stat Membru | Eżenzjoni għall-intrapriżi żgħar | |
Munita nazzjonali | L-ekwivalenti tal-euro* | |
L-Awstrija |
EUR 30 000 | |
Il-Belġju | EUR 25 000 | |
Il-Bulgarija | BGN 50 000 | EUR 25 565 |
Ċipru | EUR 15 600 | |
iċ-Ċekja | CZK 1 000 000 | EUR 39 362 |
Il-Ġermanja | EUR 17 500 | |
Id-Danimarka | DKK 50 000 | EUR 6 713 |
L-Estonja | EUR 40 000 | |
Il-Ġreċja | EUR 10 000 | |
Spanja | Ebda | Ebda |
Il-Finlandja | EUR 10 000 | |
Franza | EUR 82 800 jew EUR 42 900 jew EUR 33 200 | |
Il-Kroazja | HRK 300 000 | EUR 40 324 |
L-Ungerija | HUF 8 000 000 | EUR 25 567 |
L-Irlanda | EUR 75 000 jew EUR 37 500 | |
L-Italja | EUR 65 000 | |
Il-Litwanja | EUR 45 000 | |
Il-Lussemburgu | EUR 30 000 | |
Il-Latvja | EUR 40 000 | |
Malta | EUR 35 000 jew EUR 24 000 jew EUR 14 000 | |
In-Netherlands | Ebda | Ebda |
Il-Polonja | PLN 200 000 | EUR 47 324 |
Il-Portugall | EUR 10 000 jew EUR 12 500 | |
Ir-Rumanija | RON 220 000 | EUR 47 180 |
L-Iżvezja | SEK 30 000 | EUR 2 943 |
Is-Slovakkja | EUR 49 790 | |
Is-Slovenja | EUR 50 000 | |
*Ir-rati referenzjarji tal-kambju barrani tal-euro kif ippubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-23 ta' Marzu 2018 (ħlief ir-Rumanija fejn il-limiti espressi f'RON huma bbażati fuq il-valuri tal-EUR għal skemi speċjali bir-rata tal-kambju fid-data tal-adeżjoni, jiġifieri l-1.1.2007) |
Ħelsien mit-taxxa (Ħelsien gradwat)
Intrapriżi żgħar b' fatturat annwali inqas minn ċertu limitu jistgħu jibbenefikaw mill-ħelsien gradwat. Jekk int eliġibbli għall-iskema xorta għandek tirreġistra għall-VAT iżda se tkun tista' tirċievi ħelsien fuq parti mid-dħul tiegħek. Il-ħelsien jonqos gradwalment hekk kif jiżdied il-fatturat tiegħek sakemm jintlaħaq il-limitu stabbilit mill-pajjiż tal-UE fejn hija bbażata l-kumpanija tiegħek.
Dawn il-limiti jvarjaw minn pajjiż għal ieħor u jistgħu japplikaw kundizzjonijiet speċjali. Bħalissa hemm biss ftit pajjiżi tal-UE li implimentaw l-iskema tal-ħelsien gradwat.
L-iskema ma tapplikax għal:
- bejgħ minn negozji bbażati f'pajjiżi oħra tal-UE
- attività ekonomika okkażjonali
- bejgħ eżentat ta' mezzi ta' trasport ġodda lil konsumaturi f'pajjiż ieħor tal-UE
- kwalunkwe tranżazzjoni oħra kif definita minn pajjiż tal-UE