Kreditu u self tal-konsumatur
Meta tieħu kreditu tal-konsumatur, ftakar li hemm regoli tal-UE biex jipproteġuk qabel ma tiffirma l-kuntratt u biex jiggarantixxu li tkun tista' tirranġa, jekk ikun hemm bżonn.
Informazzjoni importanti biex tkun tista' tqabbel l-offerti.
Jekk tiddeċiedi li tixtri prodott ġdid fuq kreditu, ikun aħjar li tqabbel l-offerti qabel ma tieħu deċiżjoni. Qabel ma tiffirma xi kuntratt ta' kreditu, il-fornitur tal-kreditu jrid jagħtik dokument standard magħruf bħala l- formola ta' Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur en . Din qiegħda apposta biex tagħtik l-aħjar ħarsa ġenerali possibbli lejn it-termini u l-kundizzjonijiet ta' kull kuntratt ta' kreditu li tkun qed tikkunsidra. Tinkludi:
- il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt
- l-ammont ta' kreditu u l-ispiża tiegħu
- ir-Rata Perċentwali Annwali (RPA - ċifra waħda li tirrappreżenta l-ispiża totali tal-kreditu, inklużi mgħax, kummissjoni, taxxi u kull tip ta' tariffi)
- in-numru, il-frekwenza u d-daqs tal-pagamenti kollha tiegħek
- nota dwar aspetti legali importanti
Dan jippermettilek tqabbel offerti minn fornituri ta' kreditu differenti u tagħżel dak li jgħodd l-aħjar għalik. Jekk ma rċevejtx din il-forma mill-fornitur ta' kreditu tiegħek, tista' titlob waħda.
Irtirar minn kuntratt ta' kreditu
Jekk jerġa' jibdielek dwar il-ftehim ta' kreditu li ffirmajt jew tirrealizza li m'għandekx bżonn kreditu wara kollox, tista' tirtira mill-ftehim fi żmien 14-il jum kalendarji minn meta ffirmajt. M'hemmx bżonn tagħti spjegazzjoni lill-fornitur ta' kreditu, iżda jkollok tagħti l-flus li ssellift lura, flimkien mal-imgħax u kwalunkwe spejjeż mhux rimborsabbli diġà mħallsa mill-fornitur tal-kreditu.
Storja bħala eżempju
Paolo, mill-Italja, issellef €1,000 mingħand sellief mhux bankarju biex jixtri magna tal-ħasil. Qabel ma ffirma l-kuntratt, ingħata ftit li xejn informazzjoni dwar il-kreditu, u ma rċeviex il-folja standard tal-informazzjoni qabel il-kuntratt (l- Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur en ). Qalulu li jrid iħallas lura s-self fi żmien sentejn, b'rata moderata ta' imgħax.
Wara li ffirma l-kuntratt, intebaħ li r-rata perċentwali annwali ta' ħlas (l-ispiża totali tal-kreditu) kienet għolja ħafna. Għalhekk iddeċieda li ma jiħux is-self wara kollox, iżda li jfittex xi ħaġa aħjar. Meta kkuntattja l-organizzazzjoni lokali tal-konsumatur, sar jaf li jista' jirtira mill-kuntratt fi żmien 14-il jum sempliċiment billi jikteb ittra lill-kreditur u jħallas lura l-flus li kien ħa.
Biex tħallas id-dejn qabel iż-żmien
Jekk tixtieq taqta' d-dejn aktar kmieni minn dak li hemm fil-kuntratt, għandek dritt tagħmel dan. Kun af li għandu mnejn ikollok tagħti kumpens lill-fornitur tal-kreditu għad-dħul li se jitlef. Dan il-ħlas kumpensatorju, madankollu, m'għandux jeċċedi l-ammont totali ta' mgħax effettivament mitluf.
Dawn ir-regoli japplikaw għal kreditu tal-konsumatur ta' bejn €200 u €75,000, bl-eċċezzjoni ta' self:
- żgurat b' ipoteka
- konkluża għax-xiri ta' art jew ta' proprjetà immobbli
- għal kiri jew ftehim ta' kiri fejn m'hemm l-ebda obbligu ta' xiri
- mogħtija mingħajr imgħax u mingħajr tariffi oħra, jew fil-forma ta' faċilità ta' self korrenti li jrid jitħallas lura fi żmien xahar
- li tirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja
- marbuta ma' self mogħti lil grupp ristrett minn fost il-pubbliku ġenerali
Biex tieħu kreditu jew self f'pajjiż ieħor tal-UE
Jekk tixtieq tieħu kreditu jew self f'pajjiż ieħor tal-UE, kun af li l-banek jistgħu ma jkunux iridu jisilfu flus lil residenti ta' pajjiżi oħrajn barra minn fejn ikun ibbażat il-bank jew saħansitra li jisilfu lil residenti tal-istess pajjiż li jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE.
Il-banek huma liberi li jistipolaw dan it-tip ta' limitu fuq is-self. Iżda jekk taħseb li l-bank għamel diskriminazzjoni kontrik, tista':
- tikkuntattja lill-bank (uffiċċju għall-ilmenti) biex tikseb risposta bil-miktub li tagħti r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda ta' kreditu;
- skont ir-risposta miktuba mill-bank, itlob parir u formola tal-għajnuna mingħand FIN-NET (in-Netwerk għar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim Finanzjarju), li toffri medjazzjoni f'kunflitti finanzjarji bejn konsumaturi u fornituri ta' servizzi finanzjari, bħall-banek