L-ippjanar tal-wirt transkonfinali tiegħek
Tista' tagħżel il-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħek biex tiġi applikata għall-wirt tiegħek.
Il-wirt tiegħek li legalment hu magħruf ukoll bħala s-suċċessjoni normalment se jkun ittrattat minn awtorità - spiss qorti jew nutar – fil-pajjiż tal-UE fejn għext l-aħħar. Din l-awtorità fil-biċċa l-kbira tal-każijiet se tapplika l-liġijiet nazzjonali tagħha għall-wirt tiegħek.
Madankollu r-regoli tal-UE jippermettulek li tagħżel li tapplika l-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħek għall-wirt tiegħek – kemm jekk dan hu pajjiż tal-UE kemm jekk mhuwiex.
Jekk għandek diversi nazzjonalitajiet, tista' tagħżel il-liġi ta' kwalunkwe waħda min-nazzjonalitajiet tiegħek.
Jeħtieġlek tesprimi l-għażla tiegħek tal-liġi b'mod espliċitu u b'mod ċar, f'testment jew f'dikjarazzjoni separata. It-testment jew id-dikjarazzjoni tiġi kkunsidrata valida jekk tissodisfa r-rekwiżiti:
- tal-pajjiż tal-UE li fih għext l-aħħar, jew
- tal-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħek, jekk tagħżel b'dan il-mod.
Meta l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw li japplikaw l-għażla tal-liġi tiegħek
- Ir-regoli tal-UE dwar il-wirt ma japplikawx fid-Danimarka u fl-Irlanda. Jekk il-werrieta tiegħek jiddeċiedu li jissetiljaw il-wirt tiegħek ma' awtorità f'dawn il-pajjiżi, l-għażla tiegħek tal-liġi tista ma titqiesx. Madankollu, iċ-ċittadini Daniżi u Irlandiżi jistgħu jibbenefikaw minn dawn ir-regoli tal-UE u jagħżlu l-liġi tan-nazzjonalità tagħhom għall-wirt tagħhom jekk dan hu ttrattat f'pajjiż tal-UE għajr id-Danimarka u l-Irlanda.
- L-awtorità tal-pajjiż tal-UE li tittratta l-wirt tiegħek tista' tirrifjuta li tapplika ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi tan-nazzjonalità tiegħek jekk dawn huma bil-maqlub tal-politika pubblika lokali. Pereżempju, l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw li japplikaw id-dispożizzjonijiet jekk dawn jiddiskriminaw bejn il-werrieta abbażi tas-sess tagħhom jew abbażi ta' jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ.
Dak li se tirregola l-liġi applikabbli tal-wirt tiegħek
Il-liġi nazzjonali applikabbli għall-wirt tiegħek, kemm jekk hi l-liġi tal-pajjiż tal-UE li fih għext l-aħħar jew il-liġi ta' pajjiżek, se tirregola l-wirt tal-assi tiegħek kollha, irrispettivament minn fejn jinsabu u minn jekk humiex fi stat li jiċċaqilqu fiżikament (pereżempju, karozza jew kont bankarju) jew le (pereżempju, dar).
Il-liġi nazzjonali tiddetermina kwistjonijiet bħal:
- min huma l-benefiċjarji tal-wirt tiegħek: pereżempju, martek/żewġek/partner, uliedek, il-ġenituri tiegħek
- jekk tistax tħalli barra mill-wirt membru tal-familja
- jekk xi partijiet mill-patrimonju tiegħek għandhomx ikunu riżervati għal ċerti persuni: pereżempju, uliedek
- jekk kwalunkwe rigal li tajt f'ħajtek għandux jingħata lura lill-patrimonju tiegħek qabel ma jiġi trasferit il-patrimonju lill-werrieta tiegħek
- it-trasferiment tal-patrimonju tal-assi tiegħek lill-werrieta tiegħek
- il-poteri tal-werrieta tiegħek, tal-eżekutur tat-testment tiegħek u tal-amministraturi tal-patrimonju tiegħek, inklużi l-kundizzjonijiet tal-bejgħ tal-proprjeta u l-ħlas lil kwalunkwe kredituri li jista' jkollok
- min għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe dejn li tħalli warajk
- kif għandhom jinqasmu l-assi tiegħek bejn il-werrieta tiegħek
Ir-regoli tal-UE dwar il-wirt ma jiddeterminawx liema awtorità se tittratta jew liema liġi se tapplika għal ċerti kwistjonijiet marbutin mas-suċċessjoni, bħal:
- it-taxxi tas-suċċessjoni li l-werrieta tiegħek se jkollhom iħallsu fuq il-patrimonju tiegħek
- l-istatus ċivili tiegħek: pereżempju, min kien/kienet l-aħħar raġel/mara tiegħek
- ir-reġim tal-proprjetà taż-żwieġ jew tal-partnership irreġistrat tiegħek: jiġifieri, kif il-proprjetà tiegħek għandha tkun diviża wara l-mewt ta' martek/żewġek jew tal-partner tiegħek.
- kwistjonijiet li jirrigwardaw kumpaniji: pereżempju, x'se jiġri mill-ishma li għandek f'kumpanija
Sib informazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar it-taxxa tas-suċċessjoni għal kull pajjiż tal-UE.
Agħżel il-pajjiż
Storja bħala eżempju
Brian hu pensjonant Irlandiż li kif irtira mar jgħix Franza, fejn għandu dar u ilu jgħix hemm għal aktar minn 8 snin – l-aħħar 5 mal-partner tiegħu Anne.
Billi Brian għex fi Franza, jista' jagħti l-każ li jkun konvenjenti għall-werrieta ta' Brian li jissetiljaw il-wirt ma' nutar fi Franza. Teoretikament, il-liġi Franċiża se tirregola l-wirt ta' Brian billi Franza hi l-aħħar pajjiż li għex fih. Għalhekk il-liġi Franċiża tiddetermina min għandu jiret, inklużi liema ishma tal-patrimonju għandhom jiġu riżervati għal ulied Brian u x'inhuma d-drittijiet ta' Anne għall-patrimonju billi Brian u Anne ma kinux miżżewġin.
Il-liġi Irlandiża tagħti lil Brian aktar libertà biex jiddeċiedi min għandu jiret il-patrimonju tiegħu. Din hi r-raġuni għala hu jiddeċiedi li fit-testment tiegħu jindika li għandha tapplika l-liġi Irlandiża għall-wirt tiegħu, u jinnomina lil Anne biex tiret il-proprjetà Franċiża tiegħu kollha.
Skopri dwar il-liġijiet tal-wirt nazzjonali
Informazzjoni dwar il-proċeduri, il-benefiċjarji u l-ishma tagħhom, it-testmenti validi u aktar, għal kull pajjiż tal-UE.
Agħżel il-pajjiż
Il-ġestjoni ta’ wirt transkonfinali
Skopri kif familtek u persuni oħrajn viċin tiegħek jistgħu jimmaniġġjaw il-wirt tiegħek jekk hu involut aktar minn pajjiż wieħed tal-UE.