Timeshare u prodotti oħra ta' vaganzi fit-tul fl-UE

Ix-xiri ta' timeshare tradizzjonali - id-dritt li tqatta' aktar minn perjodu wieħed ta' żmien fuq perjodu ta' aktar minn sena f'ċerta proprjetà - jista' jkun pjuttost diffikultuż. L-istess meta tidħol f'xi skema ta' vaganza fit-tul, bħal klabbs tal-vaganzi orħos, li jagħtuk id-dritt għal akkomodazzjoni orħos jew benefiċċji relatati, xi kultant flimkien mal-ivvjaġġar u servizzi oħra, għal aktar minn sena waħda.

Kemm it-timeshare konvenzjonali kif ukoll id-diversi skemi ta' vaganzi fit-tul li tfaċċaw matul is-snin jistgħu jinvolvu impenn finanzjarju sostanzjali fit-tul jew permanenti. Jinvolvu wkoll spejjeż addizzjonali rikorrenti (pereżempju taxxi, manutenzjoni u assigurazzjoni).

Termini kuntrattwali - drittijietek

L-aktar regoli reċent tal-UE, jipproteġuk kontra kummerċjanti bla skruplu meta tiffirma kuntratti għal skemi ta' timeshares jew ta' vaganzi fit-tul. Dawn ir-regoli għall-kuntratti ġew konklużi mit-23 ta' Frar 2011 (jew aktar tard f'xi pajjiżi tal-UE ).

Ir-regoli għandhom ukoll iħarsuk meta tiffirma:

  • kuntratti ta' bejgħ mill-ġdid (tħallas professjonist biex jgħinek tbiegħ jew tixtri timeshare jew sħubija ta' klabb tal-vaganzi)
  • kuntratti ta' skambju (tħallas biex tissieħeb fi skema li tippermettilek tuża akkomodazzjoni jew servizzi oħra, filwaqt li tippermetti lil ħaddieħor jagħmel użu temporanju mit-timeshare tiegħek).

Id-drittijiet tiegħek jiġu estiżi għal tipi differenti ta' proprjetà timeshare inklużi:

  • vapuri tal-kruċieri
  • karavannijiet
  • dgħajjes tal-kanali

X'għandek tkun taf qabel tixtri

Qabel ma tiddeċiedi li tkompli bil-kuntratt, kun af id-drittijiet tiegħek li jinkludu:

  • Kun infurmat bis -sħiħ dwar it-termini tal-ftehim qabel ma tiffirma. Trid tingħata d-dettalji bil-miktub bil-lingwa tiegħek (jekk hi lingwa uffiċjali tal-UE).
  • Perjodu fejn tista' terġa' taħsibha ta' 14-il jum kalendarju waqt liema ġranet tista' tiddeċiedi li toħroġ mill-kuntratt mingħajr ma toqgħod tagħti raġuni. Jekk ma tirċevix formola standard tal-irtirar meħtieġa mir-regoli tal-UE, dan il-perjodu ta' riflessjoni huwa estiż għal sena u 14-il jum kalendarju.
  • Estenzjoni tal-perjodu fejn tista' terġa' taħsibha għal 3 xhur u 14-il jum kalendarju jekk ma tirċevix informazzjoni sħiħa dwar il-prodott li qed tixtri.
  • Il-bejjiegħ qatt ma jista' jitolbok tagħmel ħlas bil-quddiem jew depożitu matul dan il-perjodu ta' riflessjoni.
  • Meta tixtri sħubija tal-klabbs tal-vaganzi, il-ħlas għandu jsir f'rati ndaqs f'intervalli annwali.
  • Għandu jkollok id-dritt ukoll li twaqqaf il-kuntratt tal-klabb tal-vaganzi mingħajr ma teħel multa, mit-tieni pagament 'il quddiem. Meta tirċievi talba għall-pagamentli jmiss, għandek 14-il jum kalendarju biex tagħti avviż ta' terminazzjoni lill-kummerċjant.
  • Jekk iffirmajt ukoll kuntratt ta' skambju llinkjat, dan jiġi mwaqqaf awtomatikament ukoll - mingħajr spejjeż għalik - jekk toħroġ mill-kuntratt tat-timeshare.
  • Jekk, taħt kuntratt ta' bejgħ mill-ġdid, qabbadt lil xi professjonist biex jgħinek tbiegħ it-timeshare tiegħek jew is-sħubija ta' klabb tal-vaganzi, dan il-professjonist ma jistax jieħu pagament mingħandek sakemm it-timeshare ma jkunx inbiegħ jew il-kuntratt ta' bejgħ mill-ġdid jiġi mitmum b'xi mod ieħor.

Twissija

Jekk il-kuntratt tiegħek huwa kuntratt ta' timeshare jew skema ta' vaganza fit-tul, inti koperti minn dawn ir-regoli anki jekk il-bejjiegħ isostni li dawn mhumiex applikabbli.

Prattiki kummerċjali inġusti u termini kuntrattwali potenzjalment inġusti

Affarijiet oħra li għandek tkun taf jinkludu:

  • tekniki ta' bejgħ qarrieqa u illegali bħall-iskema tal-"biljett tal-brix rebbieħi": tirbaħ premju u tittieħed f'post biex tiġbru fejn ikun hemm għaddej avveniment dwar it-timeshare u jinsistu li għandek tiffirma kuntratt
  • offerti suspettużi għall-bejgħ mill-ġdid ta' timeshare, speċjalment fejn tiġi persważ tixtri proprjetà oħra bil-wiegħda ta' bejgħ ta' dik li għandek bħalissa: f'dawn il-każijiet tista' tispiċċa b'żewġ proprjetajiet timeshare li la trid u lanqas għandek bżonn!
  • offerti suspettużi mingħand nies li jgħidu li huma avukati f'pajjiż ieħor tal-UE u li jekk tħallashom jirrappreżentawk fil-qrati ta' dak il-pajjiż, fit-tilwim tiegħek mal-bejjiegħ
  • Offerti minn nies suspettużi ta' bir-ruħhom li, jekk tħallashom, jistgħu "jitolbu lura" pagamenti tiegħek lill-bejjiegħ tat-timeshare
  • Il-bejjiegħ tat-timeshare tiegħek (resort) ma jistax jillimita b'mod mhux xieraq id-dritt tiegħek li privatament tikri jew tbiegħ id-drittijiet tat-timeshare tiegħek. jew jirristrinġi l-aċċess tiegħek għal servizzi; jew jivvinta pagamenti ta' manutenzjoni mingħajr ġustifikazzjoni. Jekk jagħmel dan skont it-termini standard tal-kuntratt tiegħek, dawn it-termini jistgħu jkunu qed jiksru r-regoli tat- Termini ta' Kuntratti Inġusti u għaldaqstant jistgħu ma jkunux jorbtu.
  • ikkunsidra l-effetti fit-tul jew saħansitra perpetwi li tkun dieħel fihom meta tidħol f'timeshare. Aħsibha bir-reqqa jekk tkunx tista' jew tridx tibqa' tużah 10 jew 20 sena oħra. It-tfal tiegħek, li għandhom mnejn jirtu t-timeshare tiegħek u jkollhom jibqgħu jħallsu l-pagamenti tal-manutenzjoni, iridu jużawh?

Għal pariri dwar problemi fil-pajjiż fejn tgħix ikkuntattja lill- organizzazzjoni nazzjonali tal-konsumatur tiegħek, fil-każ ta' tilwim ma' bejjiegħ f'pajjiż ieħor tal-UE, biex issir taf dwar drittijietek u l-protezzjoni li int intitolat għaliha, ikkuntattja lin-Netwerk taċ- Ċentru tal-Konsumatur Ewropew ( ECC-Net).

Tista' wkoll tipprova tirranġa t-tilwima tiegħek barra l-qorti permezz tal-proċedura tas- soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Jekk xtrajt il-kuntratt tat-timeshare jew tal-vaganza fit-tul tiegħek onlajn, tista' wkoll tissottometti l-ilment tiegħek onlajn permezz tal- pjattaforma tal-ODR.

Storja bħala eżempju

Kanċellazzjoni ta' kuntratt tat-timeshare: ċittadin kontra kummerċjant

Patrick mill-Irlanda ffirma kuntratt ta' timeshare ma' fornitur f'Malta fl-2013. Il-kummerċjant ma tahx formola standard tal-irtirar u ma nfurmahx li ebda pagament bil-quddiem jew depożitu ma jista' jiġi aċċettat matul il-perjodu ta' riflessjoni.

Huwa ħallas depożitu ta' EUR 1260 u għamel debitu dirett ta' EUR 122.50 fix-xahar għal sentejn.

Biex ibbukkja vaganza f'waħda mill-proprjetajiet tal-kummerċjant, kellu bżonn numru ta' kodiċi speċjali mill-kummerċjant, iżda minkejja talbiet ripetuti dan qatt ma ngħata.

Sena wara, kien għadu ma rnexxilux jibbukkja vaganza u għalhekk għażel li jirtira mill-kuntratt, skont ir-regoli li jestendu l-perjodu tal-irtirar għal sena u 14-il jum kalendarju. Sadanittant kien leħaq ħallas EUR 2,730.

Il-kummerċjant ma aċċettax l-irtirar jew li jrodd lura l-flus lil Patrick.

Wara li talab il-parir tal- ECC fl-Irlanda, Patrick irrikorra għal azzjoni legali permezz tal-proċedura Ewropeja tat-Talbiet Żgħar, u l-qorti qatgħatha favurih. Madankollu, il-kummerċjant xorta ma ħallasx. Wara intervent mill-ECC f'Malta, Patrick fl-aħħar ħa flusu lura.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 16/09/2024
Ikkondividi din il-paġna